LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w99 5/15 pp. 21-24
  • “Bierek, Ruħ Tiegħi, il-Mulej”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Bierek, Ruħ Tiegħi, il-Mulej”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Jehovah “Jaħfer Dnubietek Kollha”
  • Hu “Jifdi lil Ħajtek”
  • Jehovah Jeħles lill-​Poplu Tiegħu
  • “Bierku l-​Mulej, Għemejjel Tiegħu Kollha”
  • Jehovah Jixraqlu Tifħir Etern
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
  • Il-Ħniena taʼ Jehovah Issalvana mid-Disprament
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
  • Ejja Ngħollu l-Isem taʼ Ġeħova Flimkien
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • “Ruħi Tbierek lil Jehovah”
    Għannu Tifħir lil Jehovah
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
w99 5/15 pp. 21-24

“Bierek, Ruħ Tiegħi, il-​Mulej”

“F’DAWN l-​aħħar xhur, il-​ministeru tiegħi sar tedjanti u nieqes mill-​ferħ,” tgħid Nancy.a Għal madwar għaxar snin, hi qdiet bħala pijuniera, proklamatriċi full-time taʼ l-​aħbar tajba. Madankollu, hi żżid: “Xejn ma jien ferħana b’dak li qed jiġrili. Donni sirt nippreżenta l-​messaġġ tas-​Saltna iżjed bħala rutina u inqas mill-​qalb. X’għandi nagħmel?”

Ikkunsidra wkoll il-​każ taʼ Keith, anzjan f’kongregazzjoni tax-​Xhieda taʼ Jehovah. Kemm issorprenda ruħu meta samaʼ lil martu tgħidlu: “Żgur li għandek xi ħaġa tinkwetak. Fit-​talba li għadek kemm għedt, int offrejt ringrazzjament għall-​ikel, avolja dan m’huwiex ħin l-​ikel!” Keith jammetti: “Nistaʼ nara li t-​talb tiegħi sar xi ħaġa mekkanika.”

Bla dubju taʼ xejn, int ma tixtieqx li l-​espressjonijiet tiegħek taʼ tifħir lil Alla Jehovah jkunu bierda u superfiċjali. Għall-​kuntrarju, tridhom ikunu mill-​qalb, imqanqlin minn sentimenti taʼ gratitudni. Madankollu, is-​sentimenti ma tistax tilbishom u tinżagħhom bħall-​ħwejjeġ. Iridu joħorġu mill-​profond taʼ l-​individwu. Wieħed kif jistaʼ jħoss gratitudni fil-​qalb? Salm 103 jipprovdilna dehen f’dan ir-​rigward.

Is-Sultan David taʼ Iżrael tal-​qedem ikkompona Salm 103. Hu beda bil-​kliem: “Bierek, ruħ tiegħi, il-​Mulej; b’qalbi kollha nbierek l-​isem qaddis tiegħu.” (Salm 103:1) “Il-​kelma bierek, meta tiġi applikata għal Alla,” jgħid xogħol letterarju wieħed taʼ referenza, “tfisser li tfaħħar, u timplika dejjem affezzjoni kbira għalih kif ukoll sens taʼ gratitudni.” Billi jixtieq ifaħħar lil Jehovah b’qalb mimlija mħabba u apprezzament, David iħeġġeġ lil ruħu stess​—lilu nnifsu—​biex ‘tbierek lill-​Mulej.’ Imma x’inhu li jipproduċi dan is-​sentiment taʼ mħabba f’qalb David lejn dak Alla li hu jadura?

David ikompli: “La tinsiex il-​ġid kollu li [Jehovah] għamel miegħek.” (Salm 103:2) Li wieħed iħossu grat lejn Jehovah evidentement huwa konness maʼ li wieħed jimmedita b’apprezzament fuq ‘il-​ġid li għamel.’ Sewwa sew liema għemejjel taʼ Jehovah għandu f’moħħu David? Li wieħed iħares lejn il-​ħolqien t’Alla Jehovah, bħal xi sema miżgħud bil-​kwiekeb f’lejl bnazzi, jistaʼ tabilħaqq jimla l-​qalb bi gratitudni lejn il-​Ħallieq. Is-​smewwiet kollhom kwiekeb lil David messewlu qalbu profondament. (Salm 8:4, 5 [Salm 8:3, 4, NW]; Salm 19:2 [Salm 19:1, NW]) Iżda f’Salm 103, David jiftakar f’attività taʼ Jehovah taʼ xorta oħra.

Jehovah “Jaħfer Dnubietek Kollha”

F’dan is-​salm, David jirrakkonta dwar l-​atti taʼ qalb tajba bl-​imħabba t’Alla. Billi rrefera għall-​aqwa wieħed fost dawn, hu jkanta: “[Jehovah] jaħfer dnubietek kollha.” (Salm 103:3) Ċertament, David kien konxju taʼ l-​istat midneb tiegħu. Wara li l-​profeta Natan ikkonfrontah dwar ir-​relazzjoni adultera tiegħu maʼ Batseba, David ammetta: “Kontrik biss [Jehovah] jiena dnibt, u dak li hu ħażin f’għajnejk għamilt.” (Salm 51:6 [Salm 51:4, NW]) B’qalbu maqsuma, hu talab bil-​ħniena: “Ikollok ħniena minni, o Alla, fi tjubitek [“il-​qalb tajba bl-​imħabba tiegħek,” NW]; fil-​kobor tal-​ħniena tiegħek ħassar ħtijieti. Aħsilni kollni mill-​ħtija tiegħi; naddafni mid-​dnub tiegħi.” (Salm 51:3, 4 [Salm 51:1, 2, NW]) Min jaf kemm ħassu grat David li dnubu nħafirlu! Minħabba li kien bniedem imperfett, hu kkommetta dnubiet oħrajn f’ħajtu, imma qatt ma naqas milli jindem, jaċċetta t-​twiddib, u jirranġa mogħdijietu. Riflessjoni fuq l-​atti meraviljużi taʼ qalb tajba bl-​imħabba t’Alla lejh qanqlet lil David biex ibierek lil Jehovah.

M’aħniex aħna wkoll midinbin? (Rumani 5:12) Anki l-​appostlu Pawlu lmenta: “Skond il-​bniedem taʼ ġewwa togħġobni l-​liġi taʼ Alla; iżda nilmaħ fil-​membri taʼ ġismi liġi oħra titqabad kontra l-​liġi taʼ moħħi u tjassarni taħt il-​liġi tad-​dnub li hemm ġo ġismi. Msejken bniedem li jien! Min se jeħlisni minn dan il-​ġisem tal-​mewt?” (Rumani 7:22-24) Kemm għandna għalxiex inkunu grati li Jehovah ma jżommx kont tan-​nuqqasijiet tagħna! Hu jieħu gost iħassarhom meta aħna nindmu u nitolbu maħfra.

David ifakkar lilu nnifsu: “[Jehovah] [j]fejjaq il-​mard tiegħek kollu.” (Salm 103:3) Ladarba l-​fejqan huwa att taʼ restawr, dan jimplika iktar minn maħfra taʼ l-​għemil ħażin. Dan jinvolvi t-​tneħħija tal-​“mard”​—il-​konsegwenzi koroh tal-​mogħdijiet żbaljati tagħna. Fid-​dinja ġdida li se jagħmel, Jehovah tabilħaqq se jaqlaʼ mill-​għeruq il-​konsegwenzi fiżiċi tad-​dnub, bħall-​mard u l-​mewt. (Isaija 25:8; Apokalissi 21:1-4) Madankollu, Alla qed ifejjaqna minn mard spiritwali saħansitra minn issa. Għal xi wħud, dan jinkludi kuxjenza maħmuġa u relazzjoni mfarrka li kellhom miegħu. “La tinsiex” dak li Jehovah diġà għamel għal kull wieħed u waħda minna personalment f’dan ir-​rigward.

Hu “Jifdi lil Ħajtek”

“[Jehovah] jifdi lil ħajtek mill-​qabar [“mill-​ħofra,” Saydon],” ikanta David. (Salm 103:4) Il-​“ħofra,” hija l-​qabar komuni taʼ l-​umanità​—Xeol, jew Ħades. Saħansitra qabel ma sar sultan taʼ Iżrael, David sab ruħu f’ħalq il-​mewt. Per eżempju, is-​Sultan Sawl taʼ Iżrael kien rabba mibegħda qattiela għal David u pprova joqtlu f’diversi okkażjonijiet. (1 Samwel 18:9-29; 19:10; 1 Samwel 23:6-24:1 [1 Samwel 23:6-29, NW]) Il-​Filistin ukoll riduh mejjet lil David. (1 Samwel 21:11-16 [1 Samwel 21:10-15, NW]) Imma kull darba, Jehovah ħelsu “mill-​ħofra.” Min jaf kemm ħassu grat David meta ftakar f’dawn l-​għemejjel taʼ Jehovah!

Xi ngħidu għalik? Kien hemm xi drabi li Jehovah sostniek matul perijodi taʼ dipressjoni jew żminijiet li fihom ġarrabt telfa? Jew sirt taf b’xi każi li ġraw fi żmienna meta hu ħeles il-​ħajjiet tax-​Xhieda leali tiegħu mill-​ħofra taʼ Xeol? Forsi kien hemm xi rakkonti dwar atti taʼ ħelsien imwettqin minnu li qrajt fil-​paġni taʼ din ir-​rivista li laqtuk. Għala ma tiħux ftit ħin biex tirrifletti b’apprezzament dwar dawn l-​għemejjel taʼ dak Alla veru? U, m’għandniex xi ngħidu, ilkoll kemm aħna għandna għalxiex inkunu grati lejn Jehovah għat-​tama taʼ l-​irxoxt.—Ġwann 5:28, 29; Atti 24:15.

Jehovah jagħtina kemm il-​ħajja u kemm dak li jagħmilha pjaċevoli u vallapena li tgħixha. Is-​salmista jiddikjara li Alla “[j]ħaddnek bit-​tjieba [“jinkurunak bil-​qalb tajba bl-​imħabba,” NW] u l-​ħniena.” (Salm 103:4) Fis-​siegħa taʼ prova, Jehovah ma jabbandunaniex imma jagħtina l-​għajnuna permezz taʼ l-​organizzazzjoni viżibbli tiegħu u permezz taʼ l-​anzjani, jew rgħajja, maħturin fil-​kongregazzjoni. Għajnuna bħal din tgħinna nkampaw maʼ sitwazzjoni taʼ prova mingħajr ma nitilfu r-​rispett tagħna nfusna u d-​dinjità. Ir-​rgħajja Kristjani jieħdu ħsiebhom ħafna lin-​nagħaġ. Huma jinkuraġġixxu lill-​morda u lil uħud dipressi u jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jirrestawraw lil dawk li jkunu dinbu. (Isaija 32:1, 2; 1 Pietru 5:2, 3; Ġuda 22, 23) L-​ispirtu taʼ Jehovah jqanqal lil dawn ir-​rgħajja biex juru mogħdrija u mħabba lejn il-​merħla. It-​“tjieba [“qalb tajba bl-​imħabba,” NW] u l-​ħniena” tiegħu huma tabilħaqq bħal kuruna li żżejjinna u tagħtina d-​dinjità! Ejja nbierku lil Jehovah u l-​isem qaddis tiegħu, waqt li qatt ma ninsew l-​għemejjel tiegħu.

Hekk kif ikompli jwissi lilu nnifsu, is-​salmista David ikanta: “[Jehovah] [j]xabbaʼ bil-​ġid snin ħajtek, u bħal taʼ l-​ajkla tiġġedded żgħożitek.” (Salm 103:5) Il-​ħajja li jagħti Jehovah hija waħda taʼ sodisfazzjon u ferħ. Iva, l-​għarfien tal-​verità nnifsu huwa teżor li ma jitqabbel maʼ xejn, u sors taʼ ferħ tremend! U ikkunsidra kemm hu taʼ sodisfazzjon profond ix-​xogħol li tana Jehovah, dak taʼ li nippridkaw u nagħmlu dixxipli. Kemm nieħdu gost meta nsibu lil xi ħadd interessat f’li jitgħallem dwar dak Alla veru u meta ngħinuh isir jaf lil Jehovah u jbierku! Madankollu, sew jekk xi ħadd fil-​lokalità tagħna jismaʼ u sew jekk le, huwa privileġġ grandjuż li nieħdu sehem f’xogħol konness mat-​taqdis taʼ isem Jehovah u l-​ivvindikar tas-​sovranità tiegħu.

Waqt li nippersistu fix-​xogħol taʼ l-​ipproklamar tas-​Saltna t’Alla, min ma jgħajjiex jew ma jħossux bla saħħa? Imma Jehovah jibqaʼ jġedded is-​saħħa tal-​qaddejja tiegħu, billi jagħmilhom ‘bħal ajkli’ li għandhom ġwienaħ b’saħħithom u jittajru fl-​għoli ħafna fis-​sema. Kemm għandna għalxiex inkunu grati li Missierna tas-​sema li tant iħobbna jipprovdilna “qawwa” bħal din sabiex b’hekk inkunu nistgħu nwettqu l-​ministeru tagħna fedelment jum wara jum!—Isaija 40:29-31.

Biex nagħtu eżempju: Clara għandha impjieg sekulari full-time u barra minn hekk, tqattaʼ madwar 50 siegħa kull xahar fil-​ministeru taʼ l-​għalqa. Hi tgħid: “Xi kultant inħossni għajjiena, u l-​unika raġuni għala nisforza lili nnifsi biex noħroġ fis-​servizz taʼ l-​għalqa tkun għax inkun ilħaqt għamilt arranġament biex naħdem maʼ xi ħadd. Imma wara li noħroġ, dejjem inħossni mimlija ħeġġa.” Int ukoll għandek mnejn esperjenzajt is-​saħħa li tirriżulta mill-​appoġġ divin fil-​ministeru Kristjan. Jalla tkun imqanqal biex tgħid, bħalma qal David fil-​kliem tal-​ftuħ taʼ dan is-​salm: “Bierek, ruħ tiegħi, lill-​Mulej; b’qalbi kollha nbierek l-​isem qaddis tiegħu.”

Jehovah Jeħles lill-​Poplu Tiegħu

Is-​salmista jkanta wkoll: “Il-​Mulej jagħmel is-​sewwa, u l-​ħaqq mal-​maħqurin kollha. Hu għarraf lil Mosè l-​ħsieb tiegħu, l-​għemejjel tiegħu lil ulied Iżrael.” (Salm 103:6, 7) X’aktarx li David għandu f’moħħu l-​‘moħqrija’ taʼ l-​Iżraeliti taħt oppressuri Eġizzjani fi żmien Mosè. Meditazzjoni fuq kif Jehovah għarraf il-​mod taʼ ħelsien tiegħu lil Mosè żgur li pproduċa sentimenti taʼ gratitudni f’qalb David.

Nistgħu nitqanqlu biex inħossuna grati b’mod simili billi nirriflettu fuq kif Alla ttratta maʼ l-​Iżraeliti. Imma m’għandniex nonqsu milli naħsbu fil-​fond dwar l-​esperjenzi tal-​qaddejja taʼ Jehovah fi żmien modern, bħal dawk imsemmijin f’kapitli 29 u 30 tal-​ktieb Jehovah’s Witnesses​—Proclaimers of God’s Kingdom. Permezz tar-​rakkonti ddokumentati fih u f’pubblikazzjonijiet oħrajn tal-​Watch Tower Society nistgħu naraw kif Jehovah għen lill-​poplu tiegħu fi żmien modern biex jissaportu waqt priġunerija, attakki minn marmalji, projbizzjonijiet, kampijiet tal-​konċentrament, u kampijiet penali tax-​xogħol iebes. Ħafna ffaċċjaw provi f’pajjiżi mifnijin bil-​gwerer, bħall-​Burundi, il-​Liberja, l-​Irwanda, u dik li qabel kienet il-​Jugoslavja. Kulmeta qamet il-​persekuzzjoni, l-​id taʼ Jehovah dejjem sostniet lill-​qaddejja leali tiegħu. Li nikkontemplaw dawn l-​għemejjel taʼ dak Alla grandjuż tagħna, Jehovah, jistaʼ jkollu l-​istess effett fuqna bħalma kellha r-​riflessjoni dwar ir-​rakkont taʼ ħelsien mill-​Eġittu fuq David.

Ikkunsidra wkoll kemm Jehovah jeħlisna b’mod teneru mill-​piż tad-​dnub. Hu pprovda d-​“demm taʼ Kristu” biex ‘inaddaf il-​kuxjenza tagħna mill-​għemil mejjet.’ (Lhud 9:14) Meta nindmu minn dnubietna u nitolbu maħfra fuq il-​bażi tad-​demm imxerred taʼ Kristu, Alla jbiegħed in-​nuqqasijiet tagħna minna​—“daqskemm huma s-​smewwiet ’il fuq mill-​art”—​u jerġaʼ jġibna fil-​favur tiegħu. U aħseb ftit dwar il-​provvedimenti taʼ Jehovah f’dawk li huma laqgħat Kristjani, sħubija li tibni, rgħajja fil-​kongregazzjoni, u pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-​Bibbja li nirċievu permezz taʼ l-​“ilsir leali u diskret.” (Mattew 24:45, NW) Ma jgħinuniex dawn l-​għemejjel kollha taʼ Jehovah biex insaħħu r-​relazzjoni tagħna miegħu? David jipproklama: “Ħanin u twajjeb il-​Mulej, idum ma jagħdab u kollu mogħdrija. . . .  Ma mexiex magħna skond ma ħaqqhom ħtijietna; ma ħallasniex skond ma ħaqqha ħżunitna.” (Salm 103:8-14) Li nimmeditaw fuq kemm Jehovah jieħu ħsiebna b’imħabba żgur li jistaʼ jqanqalna biex nigglorifikawh u nfaħħru bil-​kbir l-​isem qaddis tiegħu.

“Bierku l-​Mulej, Għemejjel Tiegħu Kollha”

Meta nqabbluha maʼ l-​immortalità taʼ Jehovah, dak “Alla taʼ dejjem,” il-​“ħajja” tal-​“bniedem [“mortali,” NW]” hija tabilħaqq qasira​—bħal dik tal-​“ħaxix.” Imma David irrifletta b’apprezzament: “Imma t-​tjieba [“qalb tajba bl-​imħabba,” NW] tal-​Mulej minn dejjem għal dejjem maʼ dawk li għandhom il-​biżaʼ tiegħu, u s-​sewwa tiegħu maʼ wlied uliedhom; maʼ dawk li jħarsu l-​patt tiegħu, u jiftakru fil-​preċetti tiegħu u jħarsuhom.” (Ġenesi 21:33; Salm 103:15-18) Jehovah ma jinsihomx lil dawk li għandhom il-​biżaʼ tiegħu. Meta jasal il-​waqt, hu se jagħtihom il-​ħajja taʼ dejjem.—Ġwann 3:16; 17:3.

Waqt li jesprimi l-​apprezzament tiegħu għall-​kariga taʼ Jehovah bħala sultan, David jgħid: “Waqqaf il-​Mulej it-​tron tiegħu fis-​sema, u saltnatu fuq kollox taħkem.” (Salm 103:19) Għalkemm il-​kariga taʼ Jehovah bħala sultan kienet espressa b’mod viżibbli għal xi żmien permezz tas-​saltna taʼ Iżrael, it-​tron tiegħu attwalment jinsab fis-​sema. Minħabba li hu l-​Ħallieq, Jehovah hu l-​Ħakkiem Sovran taʼ l-​univers u jeżerċita r-​rieda divina tiegħu skond l-​iskopijiet tiegħu stess.

David saħansitra jħeġġeġ lill-​ħlejjaq anġeliċi. Hu jkanta: “Bierku l-​Mulej, anġli tiegħu kollha, setgħana u qawwija li tagħmlu l-​ordni tiegħu, malli tisimgħu leħen il-​kelma tiegħu. Bierku l-​Mulej, eżerċti tiegħu kollha, qaddejja tiegħu, li tagħmlu r-​rieda tiegħu. Bierku l-​Mulej, għemejjel tiegħu kollha, kullimkien fis-​saltna tiegħu. Bierek, ruħ tiegħi, il-​Mulej!” (Salm 103:20-22) M’għandhiex ir-​riflessjoni tagħna fuq l-​atti taʼ qalb tajba bl-​imħabba taʼ Jehovah lejna tqanqal lilna wkoll biex inberkuh? Dażgur! U nistgħu nibqgħu ċerti li l-​ħoss taʼ leħinna hekk kif infaħħru lil Alla personalment m’huwiex se jintilef qalb il-​kor taʼ dawk li jfaħħruh, li jinkludi saħansitra lill-​anġli twajbin. Jalla nfaħħru lil Missierna tas-​sema b’qalbna kollha, billi dejjem nitkellmu tajjeb dwaru. Tabilħaqq, ejja ndaħħlu f’qalbna l-​kliem taʼ David, “Bierek, ruħ tiegħi, il-​Mulej!”

[Nota taʼ taħt]

a Xi wħud mill-​ismijiet ġew mibdulin.

[Stampa f’paġna 23]

David immedita fuq l-​atti taʼ qalb tajba bl-​imħabba taʼ Jehovah. Tagħmel hekk int?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja