LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w07 3/1 pp. 20-24
  • Ejja Ngħollu l-Isem taʼ Ġeħova Flimkien

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ejja Ngħollu l-Isem taʼ Ġeħova Flimkien
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • David Jaħrab minn Sawl
  • Ħarba Oħra mill-​Mewt
  • Għandek Int l-​Istess Prijorità taʼ David?
  • Il-​Laqgħat Isaħħulna l-​Fidi
  • Kun Grat għall-​Għajnuna taʼ l-​Anġli
  • “Għallimni Nagħmel ir-Rieda Tiegħek”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2012
  • Strieħ fuq l-Ispirtu t’Alla Meta Tiffaċċja Bidliet fil-Ħajja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Ġeħova—‘Dak li Ħarrab’ fi Żminijiet Bibliċi
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • L-Israelin Jitolbu Għal Sultan
    Il-Bibbja—X’Inhu l-Messaġġ Tagħha?
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
w07 3/1 pp. 20-24

Ejja Ngħollu l-​Isem taʼ Ġeħova Flimkien

“Xandru l-​kobor tal-​Mulej miegħi; ħa ngħollu ismu flimkien.” —SALM 34:4 (34:​3, NW).

1. Liema eżempju mill-​aqwa ħallielna Ġesù matul il-​ministeru tiegħu fuq l-​art?

FIL-​LEJL taʼ l-​14 taʼ Nisan tas-​sena 33 E.K., Ġesù u l-​appostli tiegħu għannew flimkien għanjiet lil Ġeħova f’kamra fis-​sular taʼ fuq taʼ dar f’Ġerusalemm. (Mattew 26:30) Kienet l-​aħħar darba li r-​raġel Ġesù kien se jagħmel dan maʼ l-​appostli tiegħu. Madankollu, kien xieraq li jagħlaq il-​laqgħa tiegħu magħhom b’dan il-​mod. Mill-​bidu tal-​ministeru tiegħu fuq l-​art sat-​tmiem, Ġesù faħħar lil Missieru u għarraf lil ismu b’żelu. (Mattew 4:​10; 6:9; 22:​37, 38; Ġwanni 12:28; 17:6) Fil-​fatt, hu tenna l-​istedina kordjali tas-​salmista: “Xandru l-​kobor tal-​Mulej miegħi; ħa ngħollu ismu flimkien.” (Salm 34:4 [34:​3, NW]) X’eżempju mill-​aqwa għalina biex nimitaw!

2, 3. (a) Kif nafu li Salm 34 għandu sinifikat profetiku? (b) X’se nikkunsidraw f’dan l-​artiklu u f’li jmiss?

2 Ftit sigħat wara li għanna għanjiet taʼ tifħir maʼ Ġesù, l-​appostlu Ġwanni kien xhud taʼ ġrajja differenti għall-​aħħar. Hu ra lil Sidu u lil żewġ kriminali jingħataw il-​mewt fuq zkuk tat-​tortura. Is-​suldati Rumani kisru saqajn iż-​żewġ kriminali biex imutu iktar malajr. Madankollu, Ġwanni jgħid li hu ra wkoll li huma ma kisrux saqajn Ġesù. Meta s-​suldati marru għal Ġesù, hu kien diġà miet. Fl-​Evanġelju tiegħu, Ġwanni identifika dan l-​iżvilupp bħala twettiq taʼ parti oħra taʼ Salm 34: “Ebda waħda minn għadmu ma titkisser.”​—Ġwanni 19:​32-​36; Salm 34:21 (34:​20, NW).

3 Salm 34 fih ħafna iktar punti taʼ interess għall-​Kristjani. Għalhekk, f’dan l-​artiklu u f’li jmiss, se nirrivedu ċ-​ċirkustanzi li fihom David kiteb is-​salm u mbagħad se nikkunsidraw il-​versi inkuraġġanti tas-​salm innifsu.

David Jaħrab minn Sawl

4. (a) David għala ġie midluk bħala s-​sultan futur taʼ Iżrael? (b) Sawl għala sar ‘iħobb ħafna’ lil David?

4 Meta David kien żgħir, Sawl kien is-​sultan taʼ Iżrael. Madankollu, Sawl ma baqax ubbidjenti u tilef il-​favur taʼ Ġeħova. Għal din ir-​raġuni, il-​profeta Samwel qallu: “Il-​Mulej illum ċarrat is-​saltna taʼ Iżrael minn fuqek, u taha lil wieħed aħjar minnek.” (1 Samwel 15:28) Iktar tard, Ġeħova dderieġa lil Samwel biex jidlek lil David, l-​iżgħar iben li kellu Ġesse, biex ikun is-​sultan li jmiss taʼ Iżrael. Sadanittant, is-​Sultan Sawl, li issa ma kellux l-​ispirtu t’Alla, beda jgħaddi minn burdati taʼ dwejjaq. David, li kien mużiċist tas-​sengħa, inġieb Gibgħa biex jaqdi lis-​sultan, u l-​mużika taʼ David ġabet serħan lil Sawl, u “lil dan [sar iħobbu] ħafna.”​—1 Samwel 16:​11, 13, 21, 23.

5. L-​attitudni taʼ Sawl lejn David għala nbidlet, u David x’kellu bilfors jagħmel?

5 Hekk kif għadda ż-​żmien, Ġeħova wera li kien maʼ David. Ġeħova għenu biex jirbaħ lil Gulija, il-​ġgant Filisti, u appoġġah hekk kif beda jkun onorat f’Iżrael għall-​qlubija militari tiegħu. Madankollu, il-​barka taʼ Ġeħova fuq David ġagħlet lil Sawl isir għajjur, u sar jobgħod lil David. Sawl darbtejn ipprova jolqot lil David bil-​lanza tiegħu waqt li dan kien qed idoqq l-​arpa quddiemu. Id-​darbtejn li huma, David irnexxielu jevita l-​lanza. Meta Sawl ipprova jagħmel it-​tielet attentat tiegħu biex joqtlu, dak li kellu jkun is-​sultan taʼ Iżrael intebaħ li hu kellu jaħrab biex isalva ħajtu. Maż-​żmien, minħabba l-​attentati taʼ Sawl biex jaqbdu u joqtlu, David iddeċieda li jsib kenn ’il barra mit-​territorju taʼ Iżrael.​—1 Samwel 18:11; 19:​9, 10.

6. Sawl għala ordna li jinqatlu l-​abitanti kollha taʼ Nob?

6 Fi triqtu lejn il-​fruntieri taʼ Iżrael, David waqaf fil-​belt taʼ Nob, fejn kien hemm it-​tabernaklu taʼ Ġeħova. Milli jidher, fil-​ħarba tiegħu David kellu miegħu skorta taʼ rġiel żgħażagħ, u David ipprova jikseb xi ikel u xorb għalih u għall-​irġiel l-​oħrajn. Sawl sar jaf li l-​qassis il-​kbir kien ta l-​ikel lil David u lill-​irġiel tiegħu kif ukoll ix-​xabla li David kien ħa mingħand il-​mejjet Gulija. Inkorlat, Sawl qatel lill-​abitanti kollha tal-​belt, fosthom 85 qassis.​—1 Samwel 21:​1, 2; 22:​12, 13, 18, 19; Mattew 12:​3, 4.

Ħarba Oħra mill-​Mewt

7. Gatt għala ma kienx post tajjeb fejn jistaħba David?

7 Minn Nob, David ħarab lejn territorju Filisti, madwar 40 kilometru lejn il-​punent, u sab kenn mas-​Sultan Akis fil-​belt taʼ Gatt, fejn kien joqgħod Gulija. David forsi ħaseb li Sawl qatt ma kien se jgħaddilu minn moħħu li jfittxu ġewwa l-​belt taʼ Gatt. Però, il-​qaddejja tas-​sultan taʼ Gatt ma damux ma għarfu lil David. Meta David semaʼ li n-​nies kienu għarfuh, “bażaʼ ħafna minn Akis, sultan taʼ Gatt.”​—1 Samwel 21:​11-13 (21:​10-​12, NW).

8. (a) Salm 56 x’jgħidilna dwar l-​esperjenza taʼ David f’Gatt? (b) David kif żgiċċa mill-​mewt bi ftit?

8 Imbagħad il-​Filistin qabdu lil David. Setaʼ kien f’dan iż-​żmien li David ikkompona s-​salm sinċier fejn talab bil-​ħniena lil Ġeħova: “Iġmaʼ fi flixkun id-​dmugħ tiegħi.” (Salm 56:​1, 9 [56:8 u s-​sopraskrizzjoni, NW]) B’hekk, hu esprima l-​fiduċja tiegħu li Ġeħova ma kienx se jinsa n-​niket tiegħu, imma li kien se jieħu ħsiebu bi mħabba u jipproteġih. David ħaseb ukoll fi strateġija biex iqarraq bis-​sultan Filisti. Hu beda jġib ruħu taʼ wieħed iblah. Meta ra dan, is-​Sultan Akis ċanfar lill-​qaddejja tiegħu talli ġabulu wieħed “miġnun” quddiemu. Bla dubju, l-​istrateġija taʼ David kellha l-​barka taʼ Ġeħova. David imbagħad ħarab mill-​belt, wara li reġaʼ żgiċċa mill-​mewt bi ftit.​—1 Samwel 21:​14-​16 (21:​13-15, NW).

9, 10. David għal liema raġuni kiteb Salm 34, u lil min kellu iktar f’moħħu David meta kkompona s-​salm?

9 Il-​Bibbja ma tgħidx jekk l-​irġiel li kienu maʼ David ħarbux għal ġo Gatt miegħu jew inkella qagħdux għassa għalih f’xi rħula qrib Iżrael. Ġara x’ġara, żgur li kien hemm ferħ kbir meta ltaqgħu u David irrakkontalhom kif Ġeħova kien reġaʼ ħelsu. Din il-​ġrajja ħolqot l-​isfond għal Salm 34, kif juri l-​ewwel vers (sopraskrizzjoni, NW). Minn vers 2 sa 8 (versi 1-7, NW) tas-​salm, David ifaħħar lil Alla talli ħelsu u jistieden lil dawk li appoġġawh biex jingħaqdu miegħu ħalli jfaħħru lil Ġeħova bħala l-​Ħellies il-​Kbir tan-​nies Tiegħu.​—Salm 34:​4, 5, 8 (34:​3, 4, 7, NW).

10 David u l-​irġiel tiegħu sabu kenn fl-​għar taʼ Għadullam f’reġjun muntanjuż f’Iżrael, madwar 15-il kilometru fil-​lvant taʼ Gatt. Hemmhekk, l-​Iżraelin li ma kinux kuntenti bil-​kundizzjonijiet taħt il-​ħakma tas-​Sultan Sawl bdew jiġu u jingħaqdu magħhom. (1 Samwel 22:​1, 2) Meta David ikkompona l-​kliem taʼ Salm 34:​9-​23 (34:​8-22, NW), hu setaʼ kellu lil uħud bħal dawn f’moħħu. It-​tfakkiriet f’dawn il-​versi huma importanti għalina llum ukoll, u aħna żgur li se nibbenefikaw minn diskussjoni dettaljata taʼ dan is-​salm mill-​isbaħ.

Għandek Int l-​Istess Prijorità taʼ David?

11, 12. Liema raġunijiet għandna biex dejjem infaħħru lil Ġeħova?

11 “Kull ħin inbierek il-​Mulej; tifħiru dejjem fuq fommi.” (Salm 34:2 [34:​1, NW]) Peress li kien jgħix bħala maħrub, David żgur li kellu ħafna tħassib fuq kif setaʼ jieħu ħsieb tiegħu nnifsu materjalment, imma bħalma juru dawn il-​versi, it-​tħassib tiegħu taʼ kuljum ma ħassarlux id-​determinazzjoni tiegħu biex ifaħħar lil Ġeħova. X’eżempju mill-​aħjar għalina meta niffaċċjaw it-​tbatija! Kemm jekk inkunu l-​iskola, ix-​xogħol, maʼ sħabna fit-​twemmin, jew fil-​ministeru pubbliku, ix-​xewqa primarja tagħna hija li nfaħħru lil Ġeħova. Aħseb ftit dwar ir-​raġunijiet bla għadd li għandna biex nagħmlu dan! Per eżempju, m’hemm ebda limitu dwar kemm nistgħu niskopru u ngawdu affarijiet fil-​ħolqien meraviljuż li għamel Ġeħova. U kkunsidra dak li wettaq permezz tal-​parti mill-​organizzazzjoni tiegħu li qiegħda fuq l-​art! Għalkemm huma imperfetti, Ġeħova uża bil-​kbir lill-​bnedmin leali tiegħu fi żmienna. Ix-​xogħlijiet t’Alla kif jitqabblu maʼ dawk taʼ l-​irġiel li huma idolizzati mid-​dinja? Ma taqbilx int maʼ David, li kiteb ukoll: “Ħadd m’hu bħalek fost l-​allat, Mulej, u xejn bħall-​għemil tiegħek”?​—Salm 86:8.

12 Bħal David, aħna nħossuna mqanqlin biex infaħħru lil Ġeħova minħabba x-​xogħlijiet tiegħu li ma jitqabblu maʼ xejn. Iktar minn hekk, aħna tassew ferħanin li issa s-​Saltna t’Alla qiegħda f’idejn Ġesù Kristu, il-​Werriet dejjiemi taʼ David. (Rivelazzjoni 11:15) Dan ifisser li t-​tmiem taʼ din is-​sistema dinjija huwa fil-​qrib. Il-​futur dejjiemi taʼ sitt biljun ruħ jinsab fil-​periklu. Qatt qabel ma kien hawn daqstant bżonn li ngħidu lil oħrajn dwar is-​Saltna t’Alla u x’se tagħmel dalwaqt għall-​umanità u li ngħinuhom ifaħħru lil Ġeħova magħna. Bla dubju, il-​prijorità tagħna fil-​ħajja għandha tkun li nużaw kull opportunità biex ninkuraġġixxu lil oħrajn jaċċettaw din l-​“aħbar tajba” qabel ma jkun tard wisq.​—Mattew 24:14.

13. (a) David b’min ftaħar, u liema tip taʼ nies wieġbu għal dan? (b) Uħud ġwejdin kif jinġibdu lejn il-​kongregazzjoni Kristjana llum?

13 “Bil-​Mulej tiftaħar ruħi; jisimgħu l-​fqajrin u jifirħu.” (Salm 34:3 [34:​2, NW]) Hawnhekk David ma kienx qed jiftaħar bl-​affarijiet li wettaq hu personalment. Per eżempju, hu ma ftaħarx bil-​mod kif qarraq bis-​Sultan taʼ Gatt. Hu kien jaf li Ġeħova pproteġieh meta kien f’Gatt u li rnexxielu jaħrab bl-​għajnuna taʼ Ġeħova. (Proverbji 21:1) Għalhekk, David ma ftaħarx bih innifsu imma b’Ġeħova. Minħabba dan, uħud ġwejdin inġibdu lejn Ġeħova. Bl-​istess mod, Ġesù faħħar bil-​kbir l-​isem taʼ Ġeħova, u dan ressaq Lejh lil nies umli u li jridu jitgħallmu. Illum, uħud ġwejdin minn kull nazzjon qed jinġibdu lejn il-​kongregazzjoni internazzjonali taʼ Kristjani midlukin, li tagħha Ġesù huwa l-​Kap. (Kolossin 1:​18) Il-​qlub taʼ wħud ġwejdin bħal dawn jitqanqlu meta jisimgħu l-​isem t’Alla jiġi glorifikat mill-​qaddejja umli tiegħu u meta jisimgħu l-​messaġġ tal-​Bibbja, li l-​ispirtu qaddis t’Alla jgħinhom biex jifhmu.​—Ġwanni 6:​44; Atti 16:14.

Il-​Laqgħat Isaħħulna l-​Fidi

14. (a) Kien David kuntent li jfaħħar lil Ġeħova fil-​privat biss? (b) Ġesù liema eżempju poġġa dwar il-​laqgħat għall-​qima?

14 “Xandru l-​kobor tal-​Mulej miegħi; ħa ngħollu ismu flimkien.” (Salm 34:4 [34:​3, NW]) David ma kienx kuntent li jfaħħar lil Ġeħova fil-​privat biss. Hu stieden bi mħabba lil sħabu biex jingħaqdu miegħu ħalli jfaħħru l-​isem t’Alla. Bl-​istess mod, Ġesù Kristu, David Akbar, kien jitgħaxxaq ifaħħar lil Ġeħova fil-​pubbliku​—fis-​sinagoga lokali, fil-​festi ġot-​tempju t’Alla f’Ġerusalemm, u fis-​sħubija tas-​segwaċi tiegħu. (Luqa 2:​49; 4:​16-​19; 10:21; Ġwanni 18:20) X’ferħ li għandna l-​privileġġ li nsegwu l-​eżempju taʼ Ġesù biex infaħħru lil Ġeħova f’kull opportunità possibbli flimkien maʼ sħabna fit-​twemmin, b’mod speċjali issa ‘hekk kif naraw joqrob il-​jum’!​—Ebrej 10:​24, 25.

15. (a) L-esperjenza taʼ David x’effett kellha fuq l-​irġiel li kienu miegħu? (b) Aħna kif nibbenefikaw meta nattendu l-​laqgħat tagħna?

15 “Jien fittixt il-​Mulej, u weġibni, minn kull biżaʼ tiegħi ħelisni.” (Salm 34:5 [34:​4, NW]) Din l-​esperjenza kienet importanti għal David. Għalhekk, hu kompla jgħid: “Dan il-​fqajjar sejjaħ, u l-​Mulej semgħu, u mid-​dwejjaq kollha tiegħu ħelsu.” (Salm 34:7 [34:​6, NW]) Meta nissieħbu maʼ sħabna fit-​twemmin, jistaʼ jkollna ħafna opportunitajiet biex nirrakkontaw esperjenzi inkuraġġanti taʼ kif Ġeħova għenna nissaportu ċirkustanzi diffiċli. Dan isaħħaħ il-​fidi taʼ sħabna fit-​twemmin, sewwasew bħalma l-​kliem taʼ David saħħaħ il-​fidi taʼ dawk li appoġġawh. Fil-​każ taʼ David, sħabu ‘ħarsu [lejn Ġeħova] u idda bil-​ferħ wiċċhom, u ma kellhomx għax jistħu.’ (Salm 34:6 [34:​5, NW]) Għalkemm kienu qed jaħarbu mis-​Sultan Sawl, huma ma kellhomx għalxiex jistħu. Huma kienu fiduċjużi li Alla kien qed jappoġġa lil David, u wiċċhom kien jiddi. Bl-​istess mod, uħud ġodda interessati kif ukoll dawk li ilhom Kristjani għal żmien twil ifittxu lil Ġeħova għall-​għajnuna. Ladarba huma esperjenzaw l-​għajnuna tiegħu b’mod persunali, il-​wiċċ jiddi tagħhom jirrifletti d-​determinazzjoni tagħhom biex jibqgħu leali.

Kun Grat għall-​Għajnuna taʼ l-​Anġli

16. Ġeħova kif uża lill-​anġli tiegħu biex isalvana?

16 “L-​anġlu tal-​Mulej jgħasses madwar dawk li jibżgħu minnu, u jeħlishom.” (Salm 34:8 [34:​7, NW]) David ma qiesx il-​ħelsien tiegħu minn Ġeħova bħala xi ħaġa li setgħet tiġri lilu biss. Veru, David kien il-​midluk taʼ Ġeħova, is-​sultan li kien se jkollu Iżrael; imma hu kien jaf li Ġeħova setaʼ juża lill-​anġli tiegħu biex jgħassu fuq l-​aduraturi leali kollha tiegħu, sew jekk huma prominenti u sew jekk huma umli. Illum, l-​aduraturi veri wkoll esperjenzaw il-​protezzjoni li jipprovdi Ġeħova. Fil-​Ġermanja Nazista​—kif ukoll fl-​Angola, fil-​Malawi, fil-​Możambik, u f’ħafna pajjiżi oħrajn​—l-​awtoritajiet għamlu kampanji biex jeħilsu għalkollox mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. L-​isforzi tagħhom kienu għal xejn. Minflok, il-​poplu taʼ Ġeħova f’dawk il-​pajjiżi jkomplu jimxu ’l quddiem hekk kif ifaħħru l-​isem taʼ Ġeħova flimkien. Għala? Għax Ġeħova juża lill-​anġli qaddisa tiegħu biex jipproteġi u jiggwida lill-​poplu tiegħu.​—Ebrej 1:​14.

17. L-​anġli t’Alla b’liema modi jgħinuna?

17 Barra minn hekk, l-​anġli taʼ Ġeħova jistgħu jmexxu l-​affarijiet sabiex dawk li jġagħlu lil oħrajn jitfixklu jitneħħew minn fost il-​poplu taʼ Ġeħova. (Mattew 13:41; 18:​6, 10) U għalkemm forsi ma nkunux konxji dak il-​ħin, l-​anġli jneħħu l-​ostakli li jistgħu jfixklu s-​servizz tagħna lil Alla, u jipproteġuna minn affarijiet li jistgħu jipperikolaw ir-​relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova. Fuq kollox, huma jiggwidawna fix-​xogħol taʼ li niddikjaraw “l-​aħbar tajba taʼ dejjem” lill-​umanità kollha, fosthom f’postijiet fejn ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar isir f’ċirkustanzi perikolużi. (Rivelazzjoni 14:6) Evidenza taʼ l-​għajnuna anġelika kemm-il darba ġiet rakkontata fil-​letteratura Biblika pubblikata mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.a Tant jiġru esperjenzi bħal dawn li ma jistgħux jiġu kunsidrati bħala kumbinazzjoni.

18. (a) X’inhu meħtieġ minna biex nibbenefikaw mill-​għajnuna anġelika? (b) X’se jiġi kunsidrat fl-​artiklu li jmiss?

18 Sabiex inkomplu nibbenefikaw mill-​gwida u l-​protezzjoni anġelika, aħna rridu nkomplu nfaħħru l-​isem taʼ Ġeħova anki meta niffaċċjaw l-​oppożizzjoni. Ftakar, l-​anġlu t’Alla jgħasses madwar “dawk li jibżgħu minn [Ġeħova].” Dan x’jimplika? X’inhu l-​biżaʼ t’Alla, u kif nistgħu nikkultivawh? Alla taʼ mħabba għala jridna nibżgħu minnu? Dawn il-​mistoqsijiet se jiġu diskussi fl-​artiklu li jmiss.

[Nota taʼ taħt]

a Ara l-​ktieb Jehovah’s Witnesses​—Proclaimers of God’s Kingdom, paġna 550; it-​2005 Yearbook of Jehovah’s Witnesses, paġni 53-4; It-​Torri taʼ l-​Għassa taʼ l-​1 taʼ Marzu, 2000, paġni 5-6; il-​Watchtower taʼ l-​1 taʼ Jannar, 1991, paġna 27; u tal-​15 taʼ Frar, 1991, paġna 26.

Int Kif Twieġeb?

• Liema provi ssaporta David meta kien żgħażugħ?

• Bħal David, liema prijorità għandu jkollna?

• Aħna kif inqisu l-​laqgħat Kristjani?

• Ġeħova kif juża lill-​anġli tiegħu biex jgħinna?

[Mappa f’paġna 21]

Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)

Rama

Gatt

Siklag

Gibgħa

Ġerusalemm

Għadullam

Kegħila

Ħebron

Żif

Ħores

Magħon

Nob

Betlehem

Għajn-geddi

Karmel

Il-​Baħar il-​Mielaħ

[Sors]

Mappa: Based on maps copyrighted by Pictorial Archive (Near Eastern History) Est. and Survey of Israel

[Stampa f’paġna 21]

Anki meta kien maħrub, David faħħar l-​isem taʼ Ġeħova

[Stampa f’paġna 23]

Il-​fidi tagħna tissaħħaħ hekk kif nisimgħu esperjenzi li jibnu fil-​laqgħat Kristjani tagħna

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja