‘Doni Fi Bnedmin’ Biex Jieħdu Ħsieb in-Nagħaġ taʼ Jehovah
‘Telaʼ fl-għoli, jassar l-ilsiera; ta doni fi bnedmin.’—EFESIN 4:8.
1. Oħt Kristjana kif esprimiet ruħha dwar l-anzjani fil-kongregazzjoni tagħha?
“GRAZZI talli tant ħadtu ħsiebna. It-tbissim tagħkom, l-għożża tagħkom, u t-tħassib tagħkom tant huma ġenwini. Intom dejjem lesti biex tisimgħuna u taqsmu magħna kliem minn fuq il-Bibbja li tant iġagħluna nħossuna aħjar. Jien nitlob li qatt ma nonqos milli nuri apprezzament.” Hekk kitbet waħda oħt Kristjana lill-anzjani fil-kongregazzjoni tagħha. Jidher ċar li l-imħabba li ntweriet minn rgħajja Kristjani li jimpurtahom kienet messitilha qalbha.—1 Pietru 5:2, 3.
2, 3. (a) Skond Isaija 32:1, 2, anzjani li jagħdru kif jieħdu ħsiebhom in-nagħaġ taʼ Jehovah? (b) Anzjan meta jistaʼ jiġi kkunsidrat bħala don?
2 L-anzjani huma provvediment mingħand Jehovah biex jieħdu ħsieb in-nagħaġ tiegħu. (Luqa 12:32; Ġwann 10:16) In-nagħaġ taʼ Jehovah huma għeżież għalih—fil-fatt, tant huma għeżież li xtrahom bid-demm prezzjuż taʼ Ġesù. Mela, mhux taʼ b’xejn li Jehovah jieħu gost meta l-anzjani jittrattaw lill-merħla b’tenerezza. (Atti 20:28, 29) Innota d-deskrizzjoni profetika taʼ dawn l-anzjani jew “prinċpijiet”: “Kull wieħed ikun bħal ilqugħ għar-riħ, u kenn fit-tempesta, bħal swieqi taʼ l-ilma f’art niexfa, bħal dell taʼ blata kbira fuq art imħeddla.” (Isaija 32:1, 2) Iva, huma għandhom jipproteġu, jirrifreskaw, u jfarrġu lin-nagħaġ tiegħu. L-anzjani li jirgħu lill-merħla b’mogħdrija jkunu b’hekk qed jistinkaw biex iwettqu dak li Alla jistenna minnhom.
3 Anzjani bħal dawn jiġu rreferuti fil-Bibbja bħala ‘doni fi bnedmin.’ (Efesin 4:8) Meta taħseb dwar xi don, jew rigal, tiġik f’moħħok xi ħaġa li xi ħadd jaqlaʼ, u li tkun utli jew iġġib ferħ lil min jirċiviha. Anzjan jistaʼ jiġi kkunsidrat bħala don meta juża l-abbiltajiet tiegħu biex jipprovdi l-għajnuna meħtieġa u jikkontribwixxi għall-ferħ tal-merħla. Dan kif jistaʼ jagħmlu? It-tweġiba, li tinsab fil-kliem taʼ Pawlu f’Efesin 4:7-16, turi kemm hu kbir it-tħassib bl-imħabba li Jehovah għandu għan-nagħaġ tiegħu.
‘Doni fi Bnedmin’—Minfejn?
4. Bi twettiq taʼ Salm 68:19 [Salm 68:18, NW], Jehovah b’liema mod ‘telaʼ fl-għoli,’ u min kienu d-‘doni fi bnedmin’?
4 Meta Pawlu uża l-espressjoni ‘doni fi bnedmin,’ hu kien qed jikkwota lis-Sultan David, li kien qal dan dwar Jehovah: “Int tlajt fl-għoli, bl-ilsiera warajk, bnedmin int ħadt b’għotjiet tiegħek.” (Salm 68:19 [Salm 68:18, NW]) Wara li l-Iżraeliti kienu ilhom fl-Art Imwegħda għal xi snin, Jehovah b’mod figurattiv ‘telaʼ’ fuq il-Muntanja Sijon u għamel lil Ġerusalemm il-kapitali tas-Saltna taʼ Iżrael b’David bħala s-sultan tagħha. Imma min kienu ‘l-bnedmin b’għotjiet tiegħek’? Kienu rġiel meħudin fil-jasar matul il-konkwista tal-pajjiż. Xi wħud minn dawn l-ilsiera iktar tard ngħataw lil-Leviti biex jgħinu fix-xogħol tat-tabernaklu.—Esdra 8:20.
5. (a) Pawlu kif indika li Salm 68:19 [Salm 68:18, NW] kellu twettiq fil-kongregazzjoni Kristjana? (b) Ġesù b’liema mod ‘telaʼ fl-għoli’?
5 Fl-ittra tiegħu lill-Efesin, Pawlu jindika li kliem is-salmista għandu twettiq akbar fil-kongregazzjoni Kristjana. Billi fi kliemu fisser il-kliem taʼ Salm 68:19 [Salm 68:18, NW], Pawlu kiteb: “Lil kull wieħed minna Alla tana l-grazzja skond il-qjies tad-don taʼ Kristu. Hu għalhekk li tgħid l-Iskrittura: ‘Telaʼ fil-għoli, jassar l-ilsiera, ta don [fi] . . . bnedmin.’” (Efesin 4:7, 8) Pawlu hawnhekk japplika dan is-salm għal Ġesù bħala r-rappreżentant t’Alla. Ġesù ‘rebaħ id-dinja’ bil-korsa leali tiegħu. (Ġwann 16:33) Hu ttrijonfa fuq il-mewt u fuq Satana għar-raġuni li Alla rxoxtah mill-imwiet. (Atti 2:24; Lhud 2:14) Fis-sena 33 E.K., Ġesù rxoxtat telaʼ “fuq is-smewwiet kollha”—iktar fl-għoli mill-ħlejjaq tas-sema l-oħrajn kollha. (Efesin 4:9, 10; Filippin 2:9-11) Bħala konkwistatur, Ġesù ħa “lsiera” mill-għadu. Dan kif?
6. Minn Pentekoste tas-sena 33 E.K., Ġesù rxoxtat kif beda jġorr dak kollu li jistaʼ mid-dar taʼ Satana, u x’għamel bihom l-“ilsiera”?
6 Meta kien fuq l-art, Ġesù wera l-qawwa tiegħu fuq Satana billi ħeles lil dawk li kienu miżmumin fil-jasar mid-demonji. Kien bħallikieku Ġesù invada d-dar taʼ Satana, rabtu, u ħadlu l-affarijiet tiegħu. (Mattew 12:22-29) Immaġina, wara li ġie rxoxtat u fdat b’‘kull setgħa fis-sema u fl-art,’ Ġesù kemm setaʼ jieħu affarijiet taħt idejh! (Mattew 28:18) Minn Pentekoste tas-sena 33 E.K., Ġesù li kien telaʼ s-sema beda, bħala r-rappreżentant t’Alla, iġorr kulma setaʼ mid-dar taʼ Satana billi ‘beda jieħu fil-jasar ilsiera’—irġiel li kienu ilhom fil-jasar tad-dnub u l-mewt u taħt il-kontroll taʼ Satana. Dawn l-“ilsiera” minn jeddhom saru “lsiera taʼ Kristu, li jagħmlu r-rieda taʼ Alla minn qalbhom.” (Efesin 6:6) Ġesù, fil-fatt, ħatafhom minn taħt il-kontroll taʼ Satana u, għan-nom taʼ Jehovah, tahom lill-kongregazzjoni bħala ‘doni fi bnedmin.’ Immaġina Satana x’dagħdigħa inutli kellu hekk kif dawn ġew maħtufin minn taħt imnieħru!
7. (a) Dawn id-‘doni fi bnedmin’ f’liema kapaċitajiet jaqdu fil-kongregazzjoni? (b) Jehovah liema opportunità ta lil kull raġel li jaqdi bħala anzjan?
7 Nistgħu nsibu dawn id-‘doni fi bnedmin’ fil-kongregazzjoni llum? Dażgur li nsibu! Dawn insibuhom jaqdu bħala anzjani, jaħdmu iebes bħala ‘evanġelisti, rgħajja, u għalliema’ fl-iktar mis-87,000 kongregazzjoni tal-poplu t’Alla madwar id-dinja. (Efesin 4:11) Satana kieku jixtieq ferm li dawn jaħqru lill-merħla. Imma Alla permezz taʼ Kristu mhux għalhekk tahom lill-kongregazzjoni. Pjuttost, Jehovah pprovda lil dawn l-irġiel għall-ġid tal-kongregazzjoni, u dawn iridu jagħtu kont lilu għan-nagħaġ li huma fdati f’idejhom. (Lhud 13:17) Jekk int taqdi bħala anzjan, Jehovah tak opportunità taʼ l-għaġeb biex turi kemm int għotja, jew barka, għal ħutek. Tistaʼ tagħmel dan billi twettaq erbaʼ responsabbiltajiet importanti.
Meta Jkun hemm Bżonn “Aġġustament mill-Ġdid”
8. Kultant b’liema modi lkoll kemm aħna jkollna bżonn niġu aġġustati mill-ġdid?
8 L-ewwel, id-‘doni fi bnedmin’ huma pprovduti “għat-trawwim tal-qaddisin,” jgħid Pawlu. (Efesin 4:12, Saydon) In-nom Grieg hawnhekk mogħti “trawwim,” jew “aġġustament mill-ġdid” (NW), jirreferi għal li wieħed ipoġġi xi ħaġa “f’linja xierqa.” Bħala bnedmin imperfetti, ilkoll kemm aħna jkollna bżonn niġu aġġustati minn żmien għal żmien—li jkollna l-ħsibijiet, l-attitudnijiet, jew il-kondotta tagħna miġjubin “f’linja xierqa” mal-ħsieb u r-rieda t’Alla. Jehovah b’imħabba pprovdielna ‘doni fi rġiel’ biex jgħinna nagħmlu l-aġġustamenti meħtieġa. Huma kif jagħmluh dan?
9. Anzjan kif jistaʼ jgħin lil nagħġa li żbaljat biex terġaʼ taġġusta ruħha?
9 Xi kultant, anzjan jistaʼ jiġi mitlub jgħin lil xi nagħġa li tkun żbaljat, u li forsi ‘tinqabad f’xi ħtija.’ Anzjan kif jistaʼ jgħin? ‘Widdbuha [‘Aġġustawha,’ NW] bi spirtu taʼ ħlewwa,’ jgħid Galatin 6:1. Għaldaqstant, meta anzjan joffri parir, mhux se jikser lil dak li jkun żbalja billi juża kliem aħrax. Il-parir għandu jinkuraġġixxi, mhux ‘ibeżżaʼ,’ lil dak li jirċivih. (2 Korintin 10:9; qabbel Ġob 33:7.) L-individwu għandu mnejn diġà jħossu jistħi, għalhekk ragħaj li jħobb se jevita li jkompli jġagħlu jħossu agħar milli jkun. Meta l-parir, saħansitra b’ċanfira soda, ikun b’mod ċar motivat u mogħti bl-imħabba, x’aktarx li dan jerġaʼ jaġġusta l-ħsieb u l-kondotta taʼ dak li jkun żbalja, u b’hekk jirrestawrah.—2 Timotju 4:2.
10. X’inhu involut f’li xi ħadd jiġi aġġustat mill-ġdid?
10 Meta Jehovah pprovda ‘doni fi bnedmin’ biex inkunu nistgħu niġu mrawmin, jew aġġustati mill-ġdid, kellu f’moħħu li l-anzjani jkunu rifreskanti spiritwalment u jixirqilhom li jiġu imitati mill-poplu tiegħu. (1 Korintin 16:17, 18; Filippin 3:17) Li wieħed jaġġusta lil xi ħadd ma jinvolvix biss li jikkoreġi lil dak li jkun qabad korsa ħażina imma wkoll li jgħin lil dawk leali jibqgħu fil-korsa t-tajba.a Illum b’daqs dawn problemi li jġagħluna naqtgħu qalbna, ħafna għandhom bżonn l-inkuraġġiment biex jibqgħu sodi. Xi wħud għandhom mnejn ikollhom bżonn għajnuna tenera biex iġibu l-ħsieb tagħhom f’linja maʼ dak t’Alla. Per eżempju, xi Kristjani leali jissieltu maʼ sentimenti profondi għax iħossuhom inadegwati jew indenji. Dawn l-“erwieħ dipressi” għandhom mnejn iħossu li Jehovah qatt ma jistaʼ jħobbhom u li saħansitra l-aqwa sforzi tagħhom biex jaqdu lil Alla ma jistgħu qatt ikunu aċċettabbli għalih. (1 Tessalonikin 5:14, NW) Imma dan il-mod taʼ ħsieb m’huwiex f’linja maʼ kif Alla jħossu verament dwar l-adoraturi tiegħu.
11. L-anzjani x’jistgħu jagħmlu biex jgħinu lil dawk li qed jissieltu maʼ sentimenti għax iħossuhom indenji?
11 Anzjani, x’tistgħu tagħmlu biex tgħinu lil dawn l-uħud? Bil-qalb tajba kollha aqsmu magħhom provi Skritturali li Jehovah jimpurtah minn kull qaddej tiegħu u assigurawhom li dawn it-testi Bibliċi japplikaw għalihom personalment. (Luqa 12:6, 7, 24) Għinuhom jaraw li Jehovah ‘ġibidhom lejh’ biex jaqduh, mela żgur li bilfors jara kemm huma taʼ valur. (Ġwann 6:44) Assigurawhom li m’humiex waħedhom—ħafna qaddejja leali taʼ Jehovah kellhom sentimenti bħal tagħhom. Il-profeta Elija darba tant kien dipress li xtaq imut. (1 Slaten 19:1-4) Xi Kristjani midlukin fl-ewwel seklu ħassewhom ‘imċanfrin’ mill-kuxjenzi tagħhom stess. (1 Ġwann 3:20) Hemm faraġ f’li tkun taf li dawn l-uħud leali fi żminijiet Bibliċi kienu ‘bnedmin bħalna.’ (Ġakbu 5:17) Tistgħu wkoll tirrevedu artikli inkuraġġanti fit-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ! maʼ dawk li qed jaqtgħu qalbhom. L-isforzi tagħkom kollhom imħabba biex tirrestawraw il-fiduċja taʼ wħud bħal dawn m’humiex se jibqgħu bla ma jiġu nnotati minn Alla li ta lilkom bħala ‘doni fi bnedmin.’—Lhud 6:10.
‘Jibnu’ lill-Merħla
12. X’inhu indikat bl-espressjoni ‘li jinbena l-Ġisem taʼ Kristu,’ u x’inhu l-qofol taʼ li jibnu lill-merħla?
12 It-tieni, id-‘doni fi bnedmin’ huma mogħtijin bl-intenzjoni ‘li jinbena l-Ġisem taʼ Kristu.’ (Efesin 4:12) Pawlu hawnhekk jagħmel paragun. ‘Li jinbena’ jfakkarna f’kostruzzjoni, u l-“Ġisem taʼ Kristu” jirreferi għan-nies—il-membri tal-kongregazzjoni Kristjana. (1 Korintin 12:27; Efesin 5:23, 29, 30) L-anzjani għandhom bżonn jgħinu lil ħuthom jissaħħu spiritwalment. L-objettiv tagħhom hu ‘li jibnu u mhux iġarrfu’ lill-merħla. (2 Korintin 10:8) Il-qofol biex tinbena l-merħla hu l-imħabba, għax ‘l-imħabba tibni.’—1 Korintin 8:1.
13. X’ifisser li wieħed juri empatija, u għala huwa importanti li l-anzjani juru l-empatija?
13 Aspett wieħed taʼ l-imħabba li jgħin lill-anzjani jibnu l-merħla hu l-empatija. Li turi empatija jfisser li tħoss għal oħrajn—taħseb u tħoss bħalhom, u tikkunsidra l-limitazzjonijiet tagħhom. (1 Pietru 3:8) Għala huwa importanti li l-anzjani jkollhom l-empatija? Fuq kollox għaliex Jehovah—dak li jagħti dawn id-‘doni fi bnedmin’—hu Alla li juri empatija. Meta l-qaddejja tiegħu jkunu qed ibatu jew muġugħin, hu jħoss għalihom. (Eżodu 3:7; Isaija 63:9) Hu juri konsiderazzjoni għal-limitazzjonijiet tagħhom. (Salm 103:14) Allura, l-anzjani kif jistgħu juru l-empatija?
14. L-anzjani b’liema modi jistgħu juru l-empatija lejn oħrajn?
14 Meta xi ħadd skuraġġit imur għandhom, huma jagħtu widen, billi jirrikonoxxu s-sentimenti taʼ dak li jkun. Jipprovaw jifhmu l-isfond, il-personalità, u ċ-ċirkustanzi taʼ ħuthom. Imbagħad meta l-anzjani jagħtu għajnuna Skritturali li tibni, in-nagħaġ se jsibuha faċli li jaċċettawha għaliex tkun ġejja mingħand rgħajja li verament jifhmuhom u jimpurtahom minnhom. (Proverbji 16:23) L-empatija tqanqal ukoll lill-anzjani biex jikkunsidraw il-limitazzjonijiet t’oħrajn u s-sentimenti li jistgħu jirriżultaw minn dawn il-limitazzjonijiet. Per eżempju, xi Kristjani kuxjenzjużi għandhom mnejn iħossuhom ħatjin minħabba li ma jistgħux jagħmlu iktar f’li jaqdu lil Alla, forsi minħabba età kbira jew nuqqas taʼ saħħa. Mill-banda l-oħra, xi wħud jistaʼ jkollhom bżonn taʼ inkuraġġiment biex itejbu l-ministeru tagħhom. (Lhud 5:12; 6:1) L-empatija se tqanqal lill-anzjani biex isibu ‘kliem sabiħ’ li jibni lil oħrajn. (Koħèlet 12:10) Meta n-nagħaġ taʼ Jehovah jiġu mibnijin u motivati, l-imħabba tagħhom għal Alla se tqanqalhom biex jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jaqduh!
Irġiel li Jippromwovu l-Unità
15. Xi tfisser l-espressjoni “ħaġa waħda fil-fidi”?
15 It-tielet, id-‘doni fi bnedmin’ huma pprovduti sabiex “aħna lkoll naslu biex insiru ħaġa waħda fil-fidi u fl-għarfien taʼ l-Iben taʼ Alla.” (Efesin 4:13) Il-frażi “ħaġa waħda fil-fidi” tfisser unità, mhux biss taʼ twemmin imma wkoll taʼ dawk li jemmnu. Mela, din hija raġuni oħra għala Alla tana ‘doni fi bnedmin’—biex jippromwovi l-unità fost il-poplu tiegħu. Dan kif jagħmluh?
16. Għala huwa importanti li l-anzjani jżommu l-unità bejniethom?
16 L-ewwel ħaġa, huma jridu jżommu l-unità bejniethom. Jekk ir-rgħajja huma maqsumin, in-nagħaġ jistgħu jiġu ttraskurati. Ħin prezzjuż li jistaʼ jintuża f’li jirgħu lill-merħla jistaʼ jinħela f’laqgħat twal u dibattiti bla bżonn fuq kwistjonijiet li m’humiex importanti. (1 Timotju 2:8) L-anzjani mhux bilfors jaqblu awtomatikament fuq kull ħaġa li jiddiskutu, għax huma rġiel li għandhom personalitajiet li jistgħu jvarjaw mhux ħażin. L-unità ma teskludix il-fatt li dawn ikollhom opinjonijiet differenti jew saħansitra li jesprimuhom b’mod ibbilanċjat waqt diskussjoni b’moħħ miftuħ. L-anzjani jippreservaw l-unità tagħhom billi jagħtu widen bir-rispett kollu lil xulxin mingħajr preġudizzju. U sakemm ma jmorru kontra ebda prinċipju tal-Bibbja, kull wieħed għandu jkun lest iċedi għal u jappoġġa d-deċiżjoni finali tal-ġemgħa taʼ l-anzjani. Jekk juru spirtu li lest li jċedi jkunu qed juru li huma ggwidati mill-“għerf li ġej mis-sema,” li hu “paċifiku, raġunevoli.”—Ġakbu 3:17, 18, NW.
17. L-anzjani kif jistgħu jgħinu biex tiġi ppreservata l-unità fil-kongregazzjoni?
17 L-anzjani jkunu attenti wkoll biex jippromwovu l-unità fil-kongregazzjoni. Meta influwenzi li jifirdu—bħal tqasqis li jweġġaʼ, tendenza li tattribwixxi motivi ħżiena lil oħrajn, jew spirtu argumentattiv—jheddu l-paċi, huma mill-ewwel joffru parir t’għajnuna. (Filippin 2:2, 3) Per eżempju, l-anzjani għandhom mnejn jindunaw b’individwi li jħobbu jikkritikaw iżżejjed jew li għandhom it-tendenza li jħobbu jindaħlu fejn ma jesagħhomx, u b’hekk jilħqu salib ħaddieħor. (1 Timotju 5:13; 1 Pietru 4:15) L-anzjani jipprovaw jgħinu lil dawn jindunaw li din il-korsa hija kuntrarja għal dak li ġejna mgħallmin minn Alla u li kull wieħed minna jrid ‘jerfaʼ t-tagħbija tiegħu.’ (Galatin 6:5, 7; 1 Tessalonikin 4:9-12) Billi jużaw l-Iskrittura, huma jispjegaw li Jehovah jħalli ħafna affarijiet biex nagħmluhom skond il-kuxjenza individwali tagħna, u ħadd minna m’għandu jiġġudika lil oħrajn fi kwistjonijiet bħal dawn. (Mattew 7:1, 2; Ġakbu 4:10-12) Biex naqdu flimkien f’unità, irid ikun hemm atmosfera taʼ fiduċja u rispett fil-kongregazzjoni. Billi joffru pariri Skritturali meta jkunu meħtieġa, dawn id-‘doni fi bnedmin’ jgħinuna nippreservaw il-paċi u l-unità tagħna.—Rumani 14:19.
Jipproteġu lill-Merħla
18, 19. (a) Id-‘doni fi bnedmin’ minn min jipproteġuna? (b) In-nagħaġ minn liema periklu ieħor jeħtieġ li jiġu protetti, u l-anzjani kif jaġixxu biex jipproteġu lin-nagħaġ?
18 Ir-rabaʼ, Jehovah jipprovdi d-‘doni fi bnedmin’ biex jipproteġina milli nkunu influwenzati “minn kull riħ taʼ tagħlim bil-qerq tal-bnedmin u bl-ingann tagħhom biex iwasslu lil ħaddieħor fl-iżball.” (Efesin 4:14) Il-kelma oriġinali għal “ingann” jingħad li tfisser “tqarraq fid-dadi” jew “tkun tas-sengħa f’li titfaʼ d-dadi.” Ma jfakkarniex dan dwar kemm jaġixxu b’makakkerija l-apostati? Billi jużaw argumenti makakki, huma jimmanipulaw l-Iskrittura f’attentat biex jiġbdu lill-veri Kristjani ’l bogħod mill-fidi tagħhom. L-anzjani jridu joqogħdu għassa għal “ilpup qalila” bħal dawn!—Atti 20:29, 30.
19 In-nagħaġ taʼ Jehovah jeħtieġ li jiġu protetti minn perikli oħrajn ukoll. Ir-ragħaj tal-qedem, David, ipproteġa bla biżaʼ lill-merħla taʼ missieru mill-predaturi. (1 Samwel 17:34-36) Illum, ukoll, jistaʼ jkun hemm xi okkażjonijiet fejn ir-rgħajja Kristjani kkonċernati jkollhom juru kuraġġ sabiex jipproteġu lill-merħla minn xi wħud li għandhom mnejn jittrattaw ħażin jew jaħqru lin-nagħaġ taʼ Jehovah, partikolarment lil dawk l-iktar vulnerabbli. L-anzjani jridu jkunu ħfief biex iwarrbu lil dawk li minn jeddhom jidinbu u jużaw il-makakkerija, il-qerq, u jikkonfoffaw sabiex iwettqu l-ħażen.b—1 Korintin 5:9-13; qabbel Salm 101:7.
20. Għala nistgħu nħossuna fis-sigurtà minħabba l-mod kif jieħdu ħsiebna dawn id-‘doni fi bnedmin’?
20 Kemm aħna grati għad-‘doni fi bnedmin’! Nistgħu nħossuna fis-sigurtà minħabba l-mod kif jieħdu ħsiebna bl-imħabba, għax jaġġustawna mill-ġdid b’mod teneru, jibnuna bl-imħabba, dejjem lesti li jippreservaw l-unità tagħna, u jipproteġuna b’mod kuraġġuż. Imma dawn id-‘doni fi rġiel’ kif għandhom iqisuh l-irwol tagħhom fil-kongregazzjoni? U kif nistgħu nuru li napprezzawhom? Dawn il-mistoqsijiet se jiġu diskussi fl-artiklu li jmiss.
[Noti taʼ taħt]
a Fil-verżjoni tas-Settanta Griega, dan l-istess verb mogħti ‘taġġusta mill-ġdid’ intuża f’Salm 17[16]:5, fejn David, li tant kien leali, talab biex il-passi tiegħu jibqgħu sodi fit-trejqa taʼ Jehovah.
b Per eżempju, ara “Questions From Readers” fil-ħarġa taʼ The Watchtower, tal-15 taʼ Novembru, 1979, paġni 31-2, u “Let Us Abhor What Is Wicked” fil-ħarġa taʼ l-1 taʼ Jannar, 1997, paġni 26-9.
Tiftakar Int?
◻ Min huma d-‘doni fi bnedmin,’ u Alla għala tahom lill-kongregazzjoni permezz taʼ Kristu?
◻ L-anzjani kif iwettqu r-responsabbiltà tagħhom f’li jaġġustaw mill-ġdid lill-merħla?
◻ L-anzjani x’jistgħu jagħmlu biex jibnu lil sħabhom fit-twemmin?
◻ L-anzjani kif jistgħu jippreservaw l-unità fil-kongregazzjoni?
[Stampa f’paġna 10]
L-empatija tgħin lill-anzjani jinkuraġġixxu lil dawk li qed jaqtgħu qalbhom
[Stampa f’paġna 10]
L-unità fost l-anzjani tippromwovi l-unità fil-kongregazzjoni