Napprezzaw id-‘Doni fi Bnedmin’
“Isimgħu minn dawk li qegħdin jaħdmu, f’nofskom . . . Għożżuhom [‘agħtuhom konsiderazzjoni,’ “NW”] u ħobbuhom kemm tifilħu minħabba fil-ħidma tagħhom.”—1TESSALONIKIN 5:12, 13.
1. Skond Atti 20:35, liema qawwa għandu l-għoti? Agħti eżempju.
“MIN JAGĦTI hu aktar hieni minn min jieħu.” (Atti 20:35) Tistaʼ tiftakar meta kienet l-aħħar darba li esperjenzajt kemm huwa minnu dan il-kliem taʼ Ġesù? Forsi kien xi rigal li tajt lil xi ħadd li tant tħobb. Kont għażiltu bl-akbar reqqa, għax ridtu jkun xi ħaġa li tkun għal qalb dak li tant tgħożż. X’ħin rajt dik il-ħarsa taʼ ferħ fuq wiċċu—kemm ħassejtek imqanqal! Meta jkun imqanqal minn motiv tajjeb, l-għoti huwa espressjoni taʼ mħabba, u meta xi ħadd jesprimi l-imħabba, dan għandu l-qawwa li jġibilna l-ferħ.
2, 3. (a) Għala jistaʼ jingħad li ħadd m’hu iktar hieni minn Jehovah, u l-provvediment taʼ ‘doni fi bnedmin’ kif jistaʼ jġiegħel lill-qalb tithenna? (b) X’ma nkunux irridu nagħmlu biha għotja mingħand Alla?
2 Allura, min jistaʼ jkun iktar hieni minn Jehovah, id-Donatur taʼ “kull ħaġa tajba li tingħata”? (Ġakbu 1:17; 1 Timotju 1:11) Kull għotja li jagħti hija mqanqla mill-imħabba. (1 Ġwann 4:8) Dak hu ċertament minnu dwar l-għotja li Alla ta lill-kongregazzjoni permezz taʼ Kristu—id-‘doni fi bnedmin.’ (Efesin 4:8) Il-provvediment biex l-anzjani jieħdu ħsieb il-merħla huwa espressjoni taʼ l-imħabba profonda li Alla għandu għall-poplu tiegħu. Dawn l-irġiel jintgħażlu bir-reqqa—iridu jilħqu kwalifiki Skritturali. (1 Timotju 3:1-7; Titu 1:5-9) Jafu li jridu “jittrattaw lill-merħla b’tenerezza,” għax imbagħad in-nagħaġ ikollhom għalfejn iħossuhom grati għal dawn ir-rgħajja kollhom imħabba. (Atti 20:29, NW; Salm 100:3) Meta Jehovah jara li n-nagħaġ tiegħu għandhom qalbhom mimlija bi gratitudni bħal din, bilfors li qalbu stess timtela bil-ferħ!—Proverbji 27:11.
3 Ċertament li ma rridux innaqqsu mill-valur taʼ l-għotja mingħand Alla; lanqas ma nkunu rridu nuru nuqqas t’apprezzament għall-għotjiet tiegħu. B’hekk iqumu żewġ mistoqsijiet: L-anzjani kif għandhom iqisu l-irwol tagħhom fil-kongregazzjoni? U l-bqija tal-merħla kif jistgħu juru li japprezzawhom dawn id-‘doni fi bnedmin’?
‘Aħna Ħaddiema Flimkien Magħkom’
4, 5. (a) Pawlu maʼ liema ħaġa jxebbahha l-kongregazzjoni, u din għala hija tixbieha addattata? (b) It-tixbieha taʼ Pawlu x’turina dwar il-mod kif għandna nqisu u nittrattaw lil xulxin?
4 Lil dawn id-‘doni fi bnedmin’ Jehovah fdalhom miżura t’awtorità fil-kongregazzjoni. M’għandniex xi ngħidu, l-anzjani ma jridux jużawha ħażin l-awtorità tagħhom, imma jafu kemm hu faċli li dan jiġri lill-bnedmin imperfetti. Allura, kif għandhom iqisu lilhom infushom f’relazzjoni mal-bqija tal-merħla? Ikkunsidra t-tixbieha li uża l-appostlu Pawlu. Wara li ddiskuta għala ġew ipprovduti d-‘doni fi bnedmin’, Pawlu kiteb: “[Ejjew] fl-imħabba nikbru f’kollox fih, f’dak li hu r-Ras, Kristu. Fih il-ġisem kollu jsib ir-rabta u l-għaqda tiegħu permezz taʼ l-għekiesi kollha li jservuh skond il-ħidma taʼ kull waħda minnhom, biex jikber fih innifsu u jinbena fl-imħabba.” (Efesin 4:15, 16) Mela, Pawlu jxebbah il-kongregazzjoni, inkluż l-anzjani u membri oħrajn, maʼ ġisem taʼ bniedem. Din għala hija tixbieha addattata?
5 Ġisem taʼ bniedem hu magħmul minn ħafna membri differenti, imma ras waħda biss għandu. Madankollu, m’hemm xejn fil-ġisem—la muskolu, la nerv, la vina—li m’humiex utli. Kull membru huwa imprezzabbli u jikkontribwixxi xi ħaġa għas-saħħa u s-sbuħija tal-ġisem kollu. Bl-istess mod, il-kongregazzjoni hija magħmula minn ħafna membri differenti, imma kull membru—sew jekk żagħżugħ u sew jekk xiħ, sew jekk b’saħħtu u sew jekk batut—jistaʼ jikkontribwixxi xi ħaġa għas-saħħa spiritwali u s-sbuħija in ġenerali tal-kongregazzjoni. (1 Korintin 12:14-26) Ħadd m’għandu għalfejn iħossu li tant hu insinjifikanti li bih u mingħajru xorta. Fl-estrem l-ieħor, ħadd m’għandu jħossu superjuri, għax aħna lkoll—sew jekk rgħajja u sew jekk nagħaġ—parti mill-ġisem, u m’hemmx ħlief ras waħda, Kristu. Pawlu b’hekk jagħti stampa kordjali taʼ l-imħabba, l-interess, u r-rispett li għandna jkollna lejn xulxin. Il-fatt li jirrikonoxxu dan jgħin biex l-anzjani jkollhom ħarsa bbilanċjata dwar l-irwol tagħhom fil-kongregazzjoni.
6. Għalkemm Pawlu kellu awtorità appostolika, kif wera spirtu umli?
6 Dawn id-‘doni fi bnedmin’ ma jfittxux li jikkontrollaw il-ħajjiet jew il-fidi taʼ adoraturi sħabhom. Għalkemm Pawlu kellu awtorità appostolika, hu bl-umiltà kollha qal lill-Korintin: “Mhux għax irridu nġegħlukom temmnu iżda li naħdmu flimkien għall-ferħ tagħkom, billi intom qegħdin iżżommu sħaħ fil-fidi.” (2 Korintin 1:24) Pawlu ma xtaqx jikkontrolla l-fidi taʼ ħutu u l-mod kif kienu jgħixu. Tassew, ma ra ebda ħtieġa għal dan, għax hu esprima l-fiduċja tiegħu li diġà kienu rġiel u nisa leali li kienu fl-organizzazzjoni taʼ Jehovah minħabba li riedu jagħmlu dak li huwa xieraq. Għaldaqstant, waqt li kien qed jitkellem dwaru u dwar sieħbu Timotju, li kien jivvjaġġa miegħu, Pawlu kien, fil-fatt, qed jgħid: ‘Dak hu xogħolna, li naħdmu miegħek biex naqdu lil Alla bil-ferħ.’ (2 Korintin 1:1) Xi spirtu umli!
7. Anzjani umlin x’jirrealizzaw dwar l-irwol tagħhom fil-kongregazzjoni, u liema fiduċja għandhom fi sħabhom li jaħdmu flimkien magħhom?
7 Id-‘doni fi bnedmin’ illum għandhom l-istess biċċa xogħol. Huma ‘jaħdmu flimkien għall-ferħ tagħna.’ Anzjani umlin jirrealizzaw li mhux kompitu tagħhom li jiddeċiedu kemm oħrajn huma kapaċi jagħmlu fis-servizz t’Alla. Huma jafu li waqt li jistgħu jinkuraġġixxu lil oħrajn biex iżidu jew itejbu l-ministeru tagħhom, is-servizz lejn Alla għandu jiġi mqanqal mill-qalb. (Qabbel it-2 Korintin 9:7.) Huma fiduċjużi li jekk dawk li jaħdmu flimkien magħhom għandhom il-ferħ, huma se jagħmlu ħilithom kollha. B’hekk, ix-xewqa taʼ qalbhom hi li jgħinu lil ħuthom ‘jaqdu bil-ferħ lill-Mulej.’—Salm 100:2.
Jgħinu lil Kulħadd Jaqdi bil-Ferħ
8. X’inhuma xi modi li bihom l-anzjani jistgħu jgħinu lil ħuthom jaqdu lil Jehovah bil-ferħ?
8 Anzjani, kif tistgħu tgħinu lil ħutkom jaqdu bil-ferħ? Tistgħu tinkuraġġuhom bl-eżempju. (1 Pietru 5:3) Ħallu ż-żelu u l-ferħ tagħkom fil-ministeru jidher, u oħrajn għandhom mnejn jagħmlu l-qalb biex jimitaw l-eżempju tagħkom. Faħħru lil oħrajn għall-isforzi li qegħdin jagħmlu b’ruħhom kollha. (Efesin 4:29) Tifħir kordjali u ġenwin jgħin lil oħrajn iħossuhom utli u bżonnjużi. Dan jinkuraġġixxi lin-nagħaġ biex ikunu jridu jagħmlu l-almu tagħhom biex jaqdu lil Alla. Evitaw paraguni mhux favorevoli. (Galatin 6:4) Paraguni bħal dawn għandhom mnejn jiskuraġġixxu minflok ma jqanqlu lil oħrajn biex jitjiebu. Barra minn hekk, in-nagħaġ taʼ Jehovah huma individwi—b’ċirkustanzi u abbiltajiet differenti. Bħal Pawlu, esprimu fiduċja f’ħutkom. L-imħabba ‘temmen kollox,’ u għalhekk nagħmlu tajjeb li nemmnu li ħutna jħobbuh lil Alla u jridu jogħġbuh. (1 Korintin 13:7) Meta ‘tistma lil oħrajn,’ tkun qed tgħinhom jesprimu ruħhom aħjar. (Rumani 12:10) Ibqaʼ ċert li meta n-nagħaġ ikunu inkuraġġiti u rrifreskati, il-biċċa l-kbira minnhom jagħmlu ħilithom kollha biex jaqdu lil Alla, u huma se jsibu l-ferħ f’dak is-servizz.—Mattew 11:28-30.
9. Il-mod kif l-anzjani jqisu lil xulxin kif se jgħin lil kull anzjan jaqdi bil-ferħ?
9 Meta umilment tqis lilek innifsek bħala ‘ħaddiem flimkien m’oħrajn’, dan se jgħin lilek taqdi bil-ferħ u tapprezza d-doni uniċi taʼ sħabek l-anzjani. Kull anzjan għandu t-talenti u l-abbiltajiet tiegħu stess li jistaʼ jużahom għall-ġid tal-kongregazzjoni. (1 Pietru 4:10) Wieħed għandu mnejn ikollu d-don li jgħallem. Ieħor jistaʼ jkun organizzatur effettiv. Jerġaʼ ieħor forsi jkun verament avviċinabbli minħabba li tant hu kordjali u jaf juri mogħdrija. Il-fatt hu, l-ebda anzjan m’għandu kull don fl-istess grad. Għandu l-fatt li anzjan ikollu xi don partikulari—ngħidu aħna, id-don tat-tagħlim—jagħmlu superjuri fuq oħrajn? Xejn affattu! (1 Korintin 4:7) Mill-banda l-oħra, m’hemmx għalfejn li xi ħadd jgħir għad-don taʼ xi ħaddieħor jew iħossu inadegwat meta xi anzjan ieħor jaqlaʼ tifħir minħabba l-abbiltà tiegħu. Ftakar, int innifsek għandek doni li Jehovah qed jara fik. U jistaʼ jgħinek tikkultiva dawn id-doni u tużahom għall-benefiċċju taʼ ħutek.—Filippin 4:13.
‘Kunu Ubbidjenti u Kunu Sottomessi’
10.Għala huwa dejjem xieraq li nesprimu apprezzament għal dawn id-‘doni fi bnedmin’?
10 Meta nirċievu xi rigal, dejjem ikun xieraq li nesprimu apprezzament. “Roddu ħajr,” jgħid Kolossin 3:15. Allura, xi ngħidu dwar id-‘doni fi bnedmin,’ ir-rigal prezzjuż li tana Jehovah? M’għandniex xi ngħidu, l-ewwelnett aħna ninsabu grati lejn Jehovah, id-Donatur ġeneruż. Imma xi ngħidu għad-‘doni fi bnedmin’ infushom? Kif nistgħu nuru li napprezzawhom?
11. (a) Kif nistgħu nuru l-apprezzament tagħna għal dawn id-‘doni fi bnedmin’? (b) X’inhu s-sinjifikat taʼ l-espressjonijiet “obduhom” u ‘kunu sottomessi’?
11 Nistgħu nuru l-apprezzament tagħna għad-‘doni fi bnedmin’ billi nkunu ħfief biex nagħtu kas il-pariri u d-deċiżjonijiet ibbażati minn fuq il-Bibbja li huma jagħtuna. Il-Bibbja tagħtina l-parir: “Oqogħdu [“Kunu sottomessi,” NW] għal dawk li jmexxukom, u obduhom, għax huma jgħassu fuqkom għall-ġid tagħkom, bħala nies li għad iridu jagħtu kont tagħkom. Hekk huma jaqdu dan id-dmir bil-ferħ, u mhux bi swied il-qalb; għax dan ma jkun jiswielkom taʼ ebda ġid.” (Lhud 13:17) Innota li ma rridux inkunu biss ‘ubbidjenti,’ imma nkunu wkoll “sottomessi” għal dawk li jieħdu t-tmexxija. Il-kelma Griega għal ‘inkunu sottomessi’ tfisser letteralment “ċedulhom.” Waqt li jikkummenta fuq l-espressjonijiet “obduhom” u “oqogħdu għal,” l-istudjuż tal-Bibbja, R. C. H. Lenski jgħid: “Wieħed jobdi meta jaqbel maʼ dak li jgħidulu biex jagħmel, jiġi pperswadut kemm dan hu korrett u taʼ ġid għalih; wieħed iċedi . . . meta l-opinjoni tiegħu hija kuntrarja.” Meta nifhmu u naqblu mad-direzzjoni taʼ dawk li qed imexxu, l-ubbidjenza għandha mnejn tkun spontanja. Imma xi ngħidu jekk ma nifhmux ir-raġuni wara xi deċiżjoni partikulari?
12. Għala għandna nkunu sottomessi, jew noqogħdu għalihom, saħansitra meta ma nifhmux għalkollox ir-raġuni wara xi deċiżjoni partikulari?
12 Hawnhekk hu fejn ikollna bżonn nuru sottomissjoni, jew inċedulhom. Għala? L-ewwelnett, jeħtieġ li jkollna fiduċja li dawn l-irġiel ikkwalifikati spiritwalment għandhom interess ġenwin fina. Wara kollox, huma jafu tajjeb li jridu jagħtu kont lil Jehovah għan-nagħaġ li huma fdati taħt il-ħarsien tagħhom. (Ġakbu 3:1) Barra minn hekk, nagħmlu tajjeb jekk niftakru li nistgħu ma nkunux nafuhom kollha l-fatti kunfidenzjali li jkunu wassluhom għal deċiżjoni informata.—Proverbji 18:13.
13. X’jistaʼ jgħinna nkunu sottomessi meta jkun hemm deċiżjonijiet ġudizzjali mill-anzjani?
13 Xi ngħidu dwar li nkunu sottomessi meta jkun hemm deċiżjonijiet ġudizzjali? Ngħiduha kif inhi, dan jistaʼ ma jkunx faċli, speċjalment jekk issir xi deċiżjoni biex jinqataʼ mis-sħubija xi individwu li nħobbuh—xi ħadd taʼ ġewwa jew ħabib tal-qalb. Hawnhekk għal darb’oħra, huwa aħjar li nbaxxu rasna għall-ġudizzju li jkunu għamlu dawn id-‘doni fi bnedmin.’ Huma qegħdin f’pożizzjoni li jkunu iktar oġġettivi milli nistgħu nkunu aħna, u għandhom mnejn jafu iktar dwar il-fatti. Dawn l-aħwa tgħidx kemm idumu jaħsbuha qabel ma jieħdu deċiżjonijiet bħal dawn; hija responsabbiltà tqila li wieħed ‘jiġġudika f’isem il-Mulej.’ (2 Kronaki 19:6) Jagħmlu kull sforz biex juru ħniena, għax iżommu f’moħħhom kemm Alla hu lest li ‘jaħfer.’ (Salm 86:5) Imma jridu wkoll iżommu l-kongregazzjoni nadifa, u l-Bibbja tagħti istruzzjonijiet li huma jaqtgħu mis-sħubija lil dawk li jagħmlu l-ħażin u jibqgħu ma jindmux. (1 Korintin 5:11-13) F’ħafna każi, l-individwu nnifsu li jkun għamel il-ħażin jaċċetta din id-deċiżjoni. Id-dixxiplina għandha mnejn tkun dak li jkollu bżonn biex jiġi f’sensih. Jekk aħna, li tant inħobbuh, inbaxxu rasna għad-deċiżjoni li tittieħed, b’dan il-mod għandna mnejn inkunu qed ngħinuh biex jibbenefika mid-dixxiplina.—Lhud 12:11.
‘Agħtuhom Konsiderazzjoni kemm Tifilħu’
14, 15. (a) Skond l-1 Tessalonikin 5:12, 13, l-anzjani għala jixirqilhom il-konsiderazzjoni tagħna? (b) Għala jistaʼ jingħad li l-anzjani qegħdin ‘jaħdmu iebes f’nofsna’?
14 Nistgħu nuru wkoll l-apprezzament tagħna għal dawn id-‘doni fi bnedmin’ billi nagħtuhom konsiderazzjoni. Meta kiteb lill-kongregazzjoni taʼ Tessalonika, Pawlu wissa lill-membri tagħha: “Isimgħu minn dawk li qegħdin jaħdmu [“iebes,” NW] f’nofskom, u li l-Mulej qegħedhom fuqkom biex iwissukom. Għożżuhom [‘agħtuhom konsiderazzjoni,’ NW] u ħobbuhom kemm tifilħu minħabba fil-ħidma tagħhom.” (1 Tessalonikin 5:12, 13) ‘Jaħdmu iebes’—kemm jiddeskrivih tajjeb dan lill-anzjani devoti li jagħtu b’mod altruist mill-ħin u l-enerġija tagħhom minħabba fina! Ikkunsidra għal mument it-tagħbija tqila li jġorru dawn l-aħwa għeżież.
15 F’ħafna każi huma rġiel tal-familja li għandhom impjieg sekulari sabiex imantnu lill-familji tagħhom. (1 Timotju 5:8) Jekk l-anzjan għandu t-tfal, dawn iż-żgħar għandhom bżonn il-ħin u l-attenzjoni taʼ missierhom. Għandu mnejn ikollu bżonn jgħinhom fl-istudju taʼ l-iskola, kif ukoll jagħmel skeda biex huma jkunu jistgħu jużaw l-enerġija taż-żgħożija f’rikreazzjoni bnina. (Koħèlet 3:1, 4) Fuq kollox, hu jieħu ħsieb il-bżonnijiet spiritwali tal-familja tiegħu, billi regolarment jikkonduċi studju tal-Bibbja fil-familja, jaħdem magħhom fil-ministeru taʼ l-għalqa, u jiħodhom għal-laqgħat Kristjani. (Dewteronomju 6:4-7; Efesin 6:4) Ħalli ma ninsewx li minbarra r-responsabbiltajiet bħal taʼ kulħadd, l-anzjani għandhom dmirijiet oħra: li jippreparaw għal partijiet fil-laqgħat, jagħmlu żjajjar pastorali, jieħdu ħsieb il-benesseri spiritwali tal-kongregazzjoni, u, meta jkun hemm bżonn, jittrattaw każi ġudizzjali. Xi wħud għandhom responsabbiltajiet miżjuda f’konnessjoni maʼ l-assembleat tas-circuit, il-konvenzjonijiet distrettwali, il-bini tas-Swali tas-Saltna, u l-Kumitati taʼ Koordinazzjoni maʼ l-Isptarijiet. Verament, dawn l-aħwa qegħdin ‘jaħdmu iebes’!
16. Iddeskrivi xi modi li bihom nistgħu nuru konsiderazzjoni lejn l-anzjani.
16 Kif nistgħu nuruhom konsiderazzjoni? Proverbju fil-Bibbja jgħid: “Kelma f’waqtha, kemm hi sabiħa!” (Proverbji 15:23; 25:11) Għalhekk, kliem t’apprezzament sinċier u taʼ inkuraġġiment jistaʼ jurihom li x-xogħol iebes li qed jagħmlu għalina m’huwiex qed jiġi injorat. Ukoll, għandna nkunu raġunevoli f’dak li nistennew minnhom. Minn banda, għandna nħossuna komdi li navviċinawhom għall-għajnuna. Jistaʼ jkun hemm żmien meta ‘qalbna tkun mifnija’ u jkollna bżonn taʼ inkuraġġiment, gwida, jew pariri Skritturali mingħand dawk ikkwalifikati biex ‘jgħallmu’ l-Kelma t’Alla. (Salm 55:5 [Salm 55:4, NW]; 1 Timotju 3:2) Fl-istess ħin, għandna bżonn niftakru li anzjan għandu tant ħin biss li jistaʼ jiddedika għalina, għax hu ma jistax jittraskura l-bżonnijiet tal-familja tiegħu stess jew dawk t’oħrajn fil-kongregazzjoni. Billi ‘nħossu’ għal dawn l-aħwa li tant jaħdmu iebes, ma rridux ma nkunux raġunevoli dwar it-talbiet tagħna għall-għajnuna. (1 Pietru 3:8) Anzi, ejja nuru apprezzament għal kwalunkwe ħin u attenzjoni li b’mod raġunevoli jistgħu jagħtuna.—Filippin 4:5.
17, 18. Liema sagrifiċċji jsiru minn ħafna nisa li l-irġiel tagħhom huma anzjani, u kif nistgħu nuru li aħna napprezzaw dak li qed jagħmlu dawn l-aħwa nisa leali?
17 Xi ngħidu għan-nisa taʼ l-anzjani? Ma ħaqqhomx dawn il-konsiderazzjoni tagħna? Wara kollox, dawn l-irġiel tagħhom qed jaqsmuhom, mal-kongregazzjoni. Dan taʼ spiss jitlob sagrifiċċji min-naħa tagħhom. Xi kultant, l-anzjani jridu jqattgħu l-ħin taʼ fil-għaxija jieħdu ħsieb kwistjonijiet kongregazzjonali, ħin li forsi setgħu jqattgħuh mal-familji tagħhom. F’ħafna kongregazzjonijiet, nisa Kristjani leali qegħdin minn jeddhom jagħmlu dawn is-sagrifiċċji sabiex żwieġhom ikunu jistgħu jieħdu ħsieb in-nagħaġ taʼ Jehovah.—Qabbel it-2 Korintin 12:15.
18 Kif nistgħu nuru li napprezzaw dak li qed jagħmlu dawn l-aħwa nisa Kristjani leali? Ċertament, billi ma nistennewx b’mod irraġunevoli iktar minn dak li żwieġhom jistgħu jagħtu. Imma ħalli wkoll ma ninsewx x’qawwa għandu kliem sempliċi t’apprezzament. Proverbji 16:24 jgħid: “Il-kliem ħelu bħal xehda għasel, hu ħlewwa tar-ruħ u saħħa tal-ġisem.” Ikkunsidra din l-esperjenza. Wara laqgħa Kristjana, koppja miżżewġa avviċinat anzjan u dawn staqsewh jekk setgħux ikellmuh dwar l-adolexxent tagħhom. Waqt li din il-koppja kienu qed jitkellmu maʼ l-anzjan, il-mara tiegħu qagħdet tistennieh bil-paċenzja kollha. Wara, omm l-adolexxent avviċinat lil mart l-anzjan u qaltilha: “Irrid nirringrazzjak taʼ kemm ħin qattaʼ żewġek biex jgħin lill-familja tiegħi.” Dan il-kliem sempliċi u ħelu t’apprezzament verament messilha qalbha lil mart l-anzjan.
19. (a) L-anzjani, bħala grupp, liema objettivi qegħdin iwettqu fedelment? (b) X’għandna nkunu determinati li nagħmlu lkoll kemm aħna?
19 Il-provvediment li l-anzjani jieħdu ħsieb in-nagħaġ hu wieħed mill-‘affarijiet tajbin’ li tana Jehovah. (Ġakbu 1:17) Le, dawn l-irġiel m’humiex perfetti; bħal kull wieħed minna, jagħmlu l-iżbalji. (1 Slaten 8:46) Madankollu, bħala grupp, l-anzjani fil-kongregazzjonijiet taʼ madwar id-dinja qegħdin iwettqu fedelment l-objettivi li Jehovah kellu f’moħħu għalihom—jiġifieri, li jaġġustaw mill-ġdid, jibnu, iżommu f’unità, u jipproteġu lill-merħla. Jalla kull anzjan ikun riżolut li jkompli jieħu ħsieb in-nagħaġ taʼ Jehovah b’mod teneru, u b’hekk jagħti prova li hu rigal, jew barka, għal ħutu. U ħalli aħna lkoll inkunu determinati li nuru l-apprezzament tagħna għal dawn id-‘doni fi bnedmin’ billi nkunu ubbidjenti u sottomessi lejhom u billi nuruhom konsiderazzjoni għax-xogħol iebes li jagħmlu. Kemm għandna għalfejn inkunu grati li Jehovah bl-imħabba kollha pprovda rġiel li, fil-fatt, jgħidu lin-nagħaġ tiegħu: ‘Dak hu xogħolna, li ngħinukom taqdu lil Alla bil-ferħ’!
Int kif Twieġeb?
◻ Il-kongregazzjoni kif tistaʼ b’mod xieraq titqabbel maʼ ġisem?
◻ L-anzjani kif jistgħu jgħinu lil ħuthom jaqdu lil Jehovah bil-ferħ?
◻ Aħna għala m’għandniex inkunu biss ubbidjenti imma wkoll sottomessi lejn dawk li qed jieħdu t-tmexxija?
◻ B’liema modi nistgħu aħna nuru konsiderazzjoni lejn l-anzjani?
[Stampa f’paġna 16]
Anzjani, faħħru lil oħrajn għall-isforzi li qegħdin jagħmlu b’ruħhom kollha
[Stampa f’paġna 17]
Bl-eżempju żeluż tagħhom fil-ministeru, l-anzjani jistgħu jgħinu lill-membri tal-familja u oħrajn jaqdu bil-ferħ
[Stampi f’paġna 18]
Aħna napprezzawhom lill-anzjani tagħna li tant jaħdmu iebes!