Ġenituri, x’Qed Jgħallem l-Eżempju Tagħkom?
“Kunu, mela, tixbhu lil Alla, bħala wlied maħbuba,
u imxu fl-imħabba.”—EFESIN 5:1, 2.
1. Jehovah liema tip taʼ istruzzjonijiet ipprovda għall-ewwel koppja umana?
JEHOVAH hu l-Oriġinatur taʼ l-arranġament tal-familja. Kull familja taf l-eżistenza tagħha lilu għaliex hu stabbilixxa l-ewwel familja u ta l-qawwiet prokreattivi lill-ewwel koppja umana. (Efesin 3:14, 15) Lil Adam u lil Eva pprovdielhom l-istruzzjonijiet bażiċi dwar ir-responsabbiltajiet tagħhom u ħallielhom ukoll opportunità biżżejjed biex jużaw l-inizjattiva persunali biex iwettquhom. (Ġenesi 1:28-30; 2:6, 15-22) Wara li Adam u Eva dinbu, is-sitwazzjonijiet li kellhom iħabbtu wiċċhom magħhom il-familji saru iktar komplikati. Xorta waħda, Jehovah bl-imħabba kollha pprovda linji taʼ gwida li kienu se jgħinu lill-qaddejja tiegħu jkampaw maʼ sitwazzjonijiet bħal dawn.
2. (a) Jehovah b’liema mezz saħħaħ il-pariri miktubin b’istruzzjoni orali? (b) Il-ġenituri liema mistoqsija għandhom bżonn jistaqsu lilhom infushom?
2 Bħala l-Istruttur Grandjuż tagħna, Jehovah għamel ħafna iktar milli sempliċement ipprovdielna istruzzjonijiet bil-miktub inkwantu għal dak li għandna nagħmlu u dak li għandna nevitaw. Fi żmien l-imgħoddi hu ġabar l-istruzzjoni miktuba flimkien maʼ l-istruzzjoni orali permezz tal-qassisin u l-profeti u permezz tal-kapijiet tal-familja. Lil min qiegħed juża biex jipprovdi tagħlim orali bħal dan fi żmienna? L-anzjani Kristjani u l-ġenituri. Jekk int ġenitur, qiegħed int tagħti sehmek biex tistruwixxi lill-familja tiegħek fil-mogħdijiet taʼ Jehovah?—Proverbji 6:20-23.
3.Il-kapijiet tal-familji x’jistgħu jitgħallmu minn Jehovah inkwantu għall-mod effettiv taʼ tagħlim?
3 Istruzzjoni bħal din kif għandha tingħata ġewwa l-familja? Jehovah jistabbilixxi l-mudell. Hu jistqarr ċar u tond dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin, u kemm-il darba jagħmel użu mir-ripetizzjoni. (Eżodu 20:4, 5; Dewteronomju 4:23, 24; 5:8, 9; 6:14, 15; Ġożwè 24:19, 20) Hu juża mistoqsijiet li jġagħlu lil dak li jkun jaħseb. (Ġob 38:4, 8, 31) Permezz taʼ tixbihat u eżempji li ġraw vera, hu jqanqlilna l-emozzjonijiet u jsawrilna qalbna. (Ġenesi 15:5; Danjel 3:1-23, 91-96 [Danjel 3:1-29, NW]) Ġenituri, meta tgħallmu lil uliedkom, tipprovaw timitawh dan il-mudell?
4. X’nitgħallmu minn Jehovah dwar l-amministrar tad-dixxiplina, u d-dixxiplina għala hija importanti?
4 Jehovah hu sod għal dak li huwa sewwa, imma jifhem l-effetti taʼ l-imperfezzjoni. Għalhekk, qabel ma jikkastiga, jgħallem u għal darba wara l-oħra jagħti twissijiet u tfakkiriet lill-bnedmin imperfetti. (Ġenesi 19:15, 16; Ġeremija 7:23-26) Meta jiddixxiplina, dan jagħmlu kemm hemm bżonn, u mhux b’mod eċċessiv. (Salm 103:10, 11; Isaija 28:26-29) Jekk lil uliedna nittrattawhom b’dan il-mod, dan jixhed li nafuh lil Jehovah, u se jkun iktar faċli għalihom li jsiru jafuh huma wkoll.—Ġeremija 22:16; 1 Ġwann 4:8.
5. Il-ġenituri x’jistgħu jitgħallmu minn Jehovah dwar il-mod kif jagħtu widen?
5 X’meravilja! Jehovah jagħti widen bħala Missier tas-sema kollu mħabba. Mhux sempliċement joħroġ l-ordnijiet. Hu jinkuraġġina niftħu qalbna miegħu. (Salm 62:9 [Salm 62:8, NW]) U jekk is-sentimenti li nesprimu m’humiex preċiż kif suppost, ma jċanfarniex b’leħen li taħsbu xi ragħda mis-sema. Hu jgħallimna bil-paċenzja kollha. Għalhekk, kemm hu f’waqtu l-parir taʼ l-appostlu Pawlu: “Kunu, mela, tixbhu lil Alla, bħala wlied maħbuba”! (Efesin 4:31–5:1) X’eżempju mill-aħjar jistabbilixxi Jehovah għall-ġenituri hekk kif huma jagħmlu ħilithom biex jistruwixxu lil uliedhom! Huwa eżempju li jmissilna qalbna u jġagħalna nkunu rridu nimxu fil-mod taʼ ħajja tiegħu.
L-Influwenza Eżerċitata Permezz taʼ l-Eżempju
6. Il-ġenituri kif jinfluwenzaw lil uliedhom bl-attitudni u l-eżempju tagħhom?
6 Barra mill-istruzzjoni verbali, l-eżempju għandu influwenza profonda fuq it-tfal tagħna. Sew jekk il-ġenituri jridu u sew jekk ma jridux, uliedhom lilhom se jimitaw. Għandu mnejn li l-ġenituri jieħdu gost—jew kultant jixxokkjaw ruħhom—meta jisimgħu lil uliedhom jgħidu affarijiet li jkunu qaluhom huma stess. Meta kemm il-kondotta u kemm l-attitudni tal-ġenituri jirriflettu apprezzament profond għall-affarijiet spiritwali, dan jeżerċita influwenza pożittiva fuq it-tfal.—Proverbji 20:7.
7. Bħala ġenitur, Ġeftaħ taha liema eżempju lil bintu, u b’liema riżultat?
7 L-effett li jkollu l-eżempju taʼ ġenitur nistgħu narawh ċar fil-Bibbja. Ġeftaħ, li kien użat minn Jehovah biex imexxi lil Iżrael għar-rebħa fuq l-Għammonin, kien ukoll missier. It-tweġiba li kien ta lis-sultan t’Għammon tindika li Ġeftaħ bilfors li kien spiss jaqra r-rakkont storiku dwar kif Jehovah ttratta maʼ Iżrael. Setaʼ jikkwota dak ir-rakkont storiku faċilment, u wera fidi soda f’Jehovah. M’hemmx dubju li l-eżempju tiegħu għen lil bintu tiżviluppa l-fidi u l-ispirtu li tissagrifika lilha nfisha li wriet meta daħlet għall-ħajja taʼ servizz bħala xebba dedikata lil Jehovah.—Mħallfin 11:14-27, 34-40; qabbel Ġożwè 1:8.
8. (a) Il-ġenituri taʼ Samwel liema attitudni mill-aħjar urew? (b) Samwel kif ibbenefika minnhom?
8 Samwel kien eżemplari bħala tifel u leali lejn Alla bħala profeta matul ħajtu kollha. Trid li t-tfal tiegħek joħorġu bħalu? Analizza l-eżempju li taw il-ġenituri taʼ Samwel, Elkana u Anna. Għalkemm is-sitwazzjoni ġewwa l-familja tagħhom ma kinitx perfetta, huma kienu jitilgħu regolarment Silo għall-qima, lejn il-post fejn kien hemm it-tabernaklu sagru. (1 Samwel 1:3-8, 21) Innota x’sentiment profond uriet Anna fit-talba tagħha. (1 Samwel 1:9-13) Osserva kif ħassewhom it-tnejn li huma dwar l-importanza li jwettqu kwalunkwe wegħda magħmula lil Alla. (1 Samwel 1:22-28) L-eżempju mill-aħjar tagħhom bla dubju għen lil Samwel jiżviluppa l-kwalitajiet li għamluh kapaċi jsegwi korsa tajba—saħansitra meta dawk taʼ madwaru, li suppost kienu qed jaqdu lil Jehovah, ma wrew ebda rispett lejn il-mogħdijiet t’Alla. Maż-żmien, lil Samwel, Jehovah fdalu responsabbiltà bħala l-profeta Tiegħu.—1 Samwel 2:11, 12; 3:1-21.
9. (a) Liema influwenzi fid-dar kellhom effett tajjeb fuq Timotju? (b) Timotju x’tip taʼ persuna sar?
9 Tixtieq li ibnek isir bħal Timotju, meta kien żagħżugħ issieħeb maʼ l-appostlu Pawlu? Missier Timotju ma kienx taʼ l-istess twemmin, imma ommu u nanntu tawh eżempju mill-aħjar fl-apprezzament lejn l-affarijiet spiritwali. Dan bla dubju għen biex jitqiegħed pedament sod għall-ħajja taʼ Timotju bħala Kristjan. Jintqalilna li ommu, Ewniki, u nanntu Lojd kellhom “fidi vera [“sinċiera,” Karm Żammit].” Ħajjithom bħala Kristjani ma kinitx xi reċta; huma għexu verament f’armonija maʼ dak li kienu jistqarru li jemmnu, u għallmu liż-żagħżugħ Timotju jagħmel l-istess. Timotju wera li hu kien taʼ min jafdah u li kien jimpurtah ġenwinament mill-benesseri t’oħrajn.—2 Timotju 1:5; Filippin 2:20-22.
10. (a) Liema eżempji barra mid-dar jistgħu jeffettwaw lil uliedna? (b) Kif għandna nirreaġixxu meta dawn l-influwenzi jeffettwaw id-diskors jew l-attitudni taʼ wliedna?
10 L-eżempji li jeffettwaw lil uliedna m’humiex biss dawk li jaraw bejn l-erbaʼ ħitan tad-dar. Hemm it-tfal li jmorru l-iskola magħhom, l-għalliema li xogħolhom hu li jsawru l-imħuħ teneri tat-tfal, in-nies li jħossu li kulħadd għandu jaqbel mad-drawwiet tribwali jew komunitarji li tant ilhom jeżistu, l-istilel taʼ l-isports li s-suċċessi tagħhom tgħidx kemm huma mfaħħrin, u l-uffiċjali pubbliċi li l-kondotta tagħhom tiġi reklamata fl-aħbarijiet. Miljuni taʼ tfal ġew esposti wkoll għall-brutalità tal-gwerra. Għandna għalfejn niskantaw jekk dawn l-influwenzi jeffettwaw id-diskors u l-attitudni taʼ wliedna? Kif nirreaġixxu meta jiġri hekk? Se tissolva l-problema b’xi ċanfira iebsa jew b’xi priedka serja? Minflok ma nkunu pronti biex nirreaġixxu għal dak li jgħidu jew jagħmlu t-tfal tagħna, ma jkunx aħjar li nistaqsu lilna nfusna, ‘Hemm xi ħaġa fil-mod kif Jehovah jittratta magħna li tistaʼ tgħinna jkollna dehen dwar kif nittrattaw din is-sitwazzjoni?’—Qabbel Rumani 2:4.
11. Meta l-ġenituri jagħmlu xi żbalji, dan kif jistaʼ jeffettwa l-attitudni taʼ wliedhom?
11 M’għandniex xi ngħidu, ġenituri imperfetti mhux dejjem se jittrattaw is-sitwazzjoni bl-aħjar mod. Huma se jagħmlu l-iżbalji. Meta t-tfal jirrealizzaw dan, se jherrilhom dan ir-rispett tagħhom lejn il-ġenituri? Jistaʼ jkun, speċjalment jekk il-ġenituri jipprovaw jgħattu l-iżbalji tagħhom qisu qatt ma ġara xejn billi jenfasizzaw b’mod aħrax l-awtorità tagħhom. Imma r-riżultat jistaʼ jkun differenti ferm jekk il-ġenituri bl-umiltà kollha jammettu l-iżbalji tagħhom liberament. F’dan, huma jistgħu jagħtu eżempju imprezzabbli lil uliedhom, li għandhom bżonn jitgħallmu jagħmlu l-istess.—Ġakbu 4:6.
Dak li Jistaʼ Jgħallem l-Eżempju Tagħna
12, 13. (a) It-tfal x’għandhom bżonn jitgħallmu dwar l-imħabba, u dan kif jistaʼ jiġi mgħallem bl-iktar mod effettiv? (b) Għala hu importanti li t-tfal jitgħallmu dwar l-imħabba?
12 Ħafna lezzjonijiet imprezzabbli jistgħu jiġu mgħallmin bl-iktar mod effettiv meta tingħata istruzzjoni orali flimkien maʼ eżempju tajjeb. Ikkunsidra ftit minnhom.
13 Nesprimu mħabba mingħajr egoiżmu: Waħda mill-iktar lezzjonijiet importanti li trid tissaħħaħ bl-eżempju hija t-tifsira taʼ l-imħabba. “Aħna nħobbu, għax hu [Alla] ħabbna l-ewwel.” (1 Ġwann 4:19) Hu s-Sors u l-eżempju suprem taʼ l-imħabba. Din l-imħabba bi prinċipju, a·gaʹpe, tissemma iktar minn 100 darba fil-Bibbja. Hija kwalità li tidentifika lill-Kristjani veri. (Ġwann 13:35) Imħabba bħal din għandha tintwera lejn Alla u Ġesù Kristu kif ukoll bejn il-bnedmin—saħansitra lejn bnedmin li ma tantx ikollna grazzja magħhom. (Mattew 5:44, 45; 1 Ġwann 5:3) Din l-imħabba trid tkun fi qlubna u tkun evidenti f’ħajjitna qabel ma nkunu nistgħu ngħallmuha b’mod effettiv lil uliedna. L-eżempju jkaxkar. Fil-familja, it-tfal għandhom bżonn jaraw u jesperjenzaw l-imħabba u l-kwalitajiet relatati magħha, bħal ngħidu aħna, l-affezzjoni. Mingħajr dawn l-affarijiet, l-iżvilupp tat-tfal jiġi mfixkel fiżikament, mentalment, u emozzjonalment. It-tfal għandhom bżonn ukoll jaraw kif l-imħabba u l-affezzjoni qed jintwerew b’mod xieraq lejn sħabna l-Kristjani barra mill-familja.—Rumani 12:10; 1 Pietru 3:8.
14. (a) It-tfal kif jistgħu jiġu mgħallmin jagħmlu xogħol taʼ kwalità li jġibilhom sodisfazzjon? (b) Dan kif jistaʼ jsir fis-sitwazzjoni tal-familja tiegħek?
14 Nitgħallmu kif naħdmu: Ix-xogħol huwa aspett fundamentali tal-ħajja. Biex wieħed ikollu stima tiegħu nnifsu, hu jkollu bżonn jitgħallem kif jagħmel xogħol taʼ kwalità. (Koħèlet 2:24; 2 Tessalonikin 3:10) Jekk tifel jingħata xi biċċa xogħol li ma tantx kellu istruzzjonijiet dwar kif jagħmilha u wara jaqlaʼ xi għajta għax ma jkunx għamilha sew, x’aktarx li qatt m’hu se jitgħallem jagħmel xogħol tajjeb. Imma meta t-tfal jitgħallmu billi attwalment jaħdmu flimkien mal-ġenituri u jingħataw tifħir xieraq, huma x’aktarx li jitgħallmu iktar jagħmlu xogħol li jġib sodisfazzjon. Jekk l-eżempju tal-ġenituri jiġi akkumpanjat minn spjegazzjoni, it-tfal għandhom mnejn ma jitgħallmux biss kif jagħmlu xi biċċa xogħol imma wkoll kif jegħlbu l-problemi, kif jibqgħu sa ma jlestu l-biċċa xogħol li jibdew, u kif jirraġunaw u jagħmlu deċiżjonijiet. F’dan l-isfond huma jistgħu jiġu megħjunin japprezzaw li Jehovah wkoll qed jaħdem, li hu qed jagħmel xogħol tajjeb, u li Ġesù jimita lil Missieru. (Ġenesi 1:31; Proverbji 8:27-31; Ġwann 5:17) Jekk familja hija involuta fil-biedja, jew għandha xi negozju, xi membri tal-familja għandhom mnejn jaħdmu flimkien. Jew forsi l-omm tistaʼ tgħallem lil binha jew bintha jsajru u jiżbarazzaw wara l-ikel. Missier li xogħlu jkun ’il bogħod mid-dar jistaʼ jippjana biex jaħdem fuq proġetti fid-dar maʼ wliedu. Kemm hu taʼ benefiċċju li l-ġenituri mhux biss ikollhom f’moħħhom li jitlesta x-xogħol taʼ dak il-ħin imma li jħejju lit-tfal għal dak li toffri l-ħajja!
15. B’liema modi jistgħu jingħataw lezzjonijiet dwar il-fidi? Agħti eżempju.
15 Inżommu l-fidi meta niffaċċjaw l-avversità: Il-fidi wkoll hija aspett vitali taʼ ħajjitna. Meta l-fidi tiġi diskussa matul l-istudju tal-familja, it-tfal jistgħu jitgħallmu jagħtu definizzjoni tagħha. Huma jistgħu wkoll isiru konxji taʼ evidenza li ġġiegħel il-fidi tibda tikber f’qalbhom. Imma meta jaraw lill-ġenituri tagħhom juru fidi li ma titħarrikx meta jkunu qed jiffaċċjaw provi ħorox, l-effett jistaʼ jibqaʼ għal għomorhom. Studenta tal-Bibbja fil-Panama ġiet mhedda minn żewġha li se jkeċċiha minn darhom jekk ma kinitx se tieqaf taqdi lil Jehovah. Xorta waħda, din kienet timxi regolarment 16-il kilometru bl-erbat itfal żgħar tagħha, u mbagħad kienet tirkeb tal-linja għal 30 kilometru ieħor biex tasal fl-eqreb Sala tas-Saltna. Billi ġew inkuraġġiti mill-eżempju tagħha, 20 membru tal-familja tagħha ħaddnu t-triq tal-verità.
Nagħtu Eżempju fil-Qari taʼ Kuljum tal-Bibbja
16. Il-qari taʼ kuljum tal-Bibbja għala huwa rikkmandat?
16 Waħda mill-iktar drawwiet imprezzabbli li familja tistaʼ tistabbilixxi—drawwa li tibbenefika lill-ġenituri u tkun eżempju biex it-tfal jimitawh—hija l-qari regulari tal-Bibbja. Jekk ikun possibbli, aqra ftit mill-Bibbja kuljum. M’hijiex il-kwantità li taqra li hi l-iktar importanti. Bil-wisq iktar sinjifikanti huma r-regolarità u l-mod kif dan isir. Għat-tfal, il-qari tal-Bibbja jistaʼ jiġi ssupplimentat billi jisimgħu l-awdjokasetts taʼ Il-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-Bibbja jekk dawn huma disponibbli bil-lingwa tagħkom. Il-qari mill-Kelma t’Alla kuljum jgħinna nżommu l-ħsibijiet t’Alla fuq quddiemnett. U jekk dan il-qari mill-Bibbja jsir mhux biss individwalment imma bħala familja, dan jistaʼ jgħin lil familji sħaħ jimxu fil-mogħdijiet taʼ Jehovah. Hija din id-drawwa li ġiet inkuraġġita fid-drama Familji—Agħmlu l-Qari tal-Bibbja Kuljum il-Mod taʼ Ħajja Tagħkom! li saret fil-Konvenzjonijiet reċenti “Il-Mod taʼ Ħajja t’Alla.”—Salm 1:1-3.
17. Il-qari tal-Bibbja bħala familja u li nitgħallmu l-iskritturi prinċipali bl-amment kif jgħinu f’li jiġi applikat il-parir f’Efesin 6:4?
17 Il-qari tal-Bibbja bħala familja huwa fi qbil maʼ dak li kiteb l-appostlu Pawlu fl-ittra mnebbħa tiegħu lill-Kristjani f’Efesu, jiġifieri: “U intom il-missirijiet, iġġarrbuhomx iżżejjed lil uliedkom; iżda rabbuhom fid-dixxiplina u t-twiddib [“r-regular mentali,” NW] tal-Mulej.” (Efesin 6:4) Dan x’ifisser? It-“twiddib” jew ir-“regular mentali” letteralment ifissru “poġġi l-moħħ fi”; għalhekk missirijiet Kristjani qed jiġu mħeġġin ipoġġu l-moħħ t’Alla Jehovah f’uliedhom—sabiex jgħinu lil uliedhom isiru jafu l-ħsibijiet t’Alla. Huma jistaʼ jirnexxilhom jiksbu dan jekk lit-tfal jinkuraġġuhom jitgħallmu l-iskritturi prinċipali bl-amment. L-objettiv hu li l-ħsibijiet taʼ Jehovah jiggwidaw il-ħsieb t’uliedhom sabiex ix-xewqat u l-kondotta tagħhom jibdew jirriflettu dejjem iktar il-livelli t’Alla sew jekk il-ġenituri jkunu maʼ wliedhom u sew jekk le. Il-Bibbja hija l-pedament taʼ ħsieb bħal dan.—Dewteronomju 6:6, 7.
18. Meta naqraw il-Bibbja, x’jistaʼ jkollna bżonn sabiex (a) nifhmuha ċar? (b) nibbenefikaw mill-pariri taʼ ġo fiha? (ċ) inwieġbu għal dak li tirrivela dwar l-iskop taʼ Jehovah? (d) nibbenefikaw minn dak li tgħid dwar l-attitudnijiet u l-azzjonijiet tan-nies?
18 M’għandniex xi ngħidu, jekk irridu li l-Bibbja teffettwalna ħajjitna, jeħtieġ li nifhmu dak li tgħidilna. Għal xi wħud, dan jistaʼ jirrikjedi li jaqraw partijiet minnha iktar minn darba. Sabiex nieħdu s-sens sħiħ taʼ ċerti espressjonijiet, għandu mnejn ikollna bżonn infittxu xi kliem fid-dizzjunarju jew fl-Insight on the Scriptures. Jekk l-iskrittura jkun fiha xi parir jew kmandament, ħu l-ħin biex titkellem dwar xi sitwazzjonijiet fi żmienna li tkun tapplika għalihom. Imbagħad forsi tistaqsi, ‘Jekk napplikaw dan il-parir kif se jibbenefikana?’ (Isaija 48:17, 18) Jekk l-iskrittura qed titkellem dwar xi aspett mill-iskop taʼ Jehovah, staqsi, ‘Ħajjitna kif inhi effettwata minn dan?’ Forsi tkun qed taqra rakkont li jitkellem dwar l-attitudnijiet u l-azzjonijiet tan-nies. Liema pressjonijiet fil-ħajja kienu qed jesperjenzaw? Kif ittrattawhom? Kif nistgħu nibbenefikaw mill-eżempju tagħhom? Dejjem warrab ħin biex tiddiskuti kif ir-rakkont japplika f’ħajjitna llum.—Rumani 15:4; 1 Korintin 10:11.
19. Billi nsiru nixbhu lil Alla, x’inkunu qed nipprovdulhom lit-tfal tagħna?
19 X’mod mill-aħjar biex nonqxu l-ħsibijiet t’Alla f’moħħna u f’qalbna! B’hekk, se niġu verament megħjunin biex insiru ‘nixbhu lil Alla, bħala wlied maħbuba.’ (Efesin 5:1) U aħna nkunu qed nipprovdu eżempju li jistħoqq tassew li wliedna jimitawh.
Tiftakar Int?
◻ Il-ġenituri kif jistgħu jibbenefikaw mill-eżempju taʼ Jehovah?
◻ L-istruzzjoni orali li tingħata lit-tfal għala trid tkun akkumpanjata mill-eżempju tajjeb tal-ġenituri?
◻ X’inhuma xi lezzjonijiet li jiġu mgħallmin l-aħjar permezz taʼ l-eżempju tal-ġenituri?
◻ Kif nistgħu nibbenefikaw bis-sħiħ mill-qari tal-Bibbja bħala familja?
[Stampi f’paġna 10]
Ħafna jieħdu gost jagħmlu l-qari tal-Bibbja kuljum bħala familja