Studjaw Regolarment il-Kelma t’Alla Bħala Familja
“Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.”—MATTEW 4:4.
1. Il-Bibbja x’tgħid dwar ir-responsabbiltà tal-kapijiet tal-familja dwar li jgħallmu l-mogħdijiet taʼ Jehovah lil uliedhom?
ALLA JEHOVAH taʼ spiss kien jagħti tfakkiriet lill-kapijiet tal-familja dwar ir-responsabbiltà tagħhom li jgħallmu lil uliedhom. Istruzzjoni bħal din kienet tħejji lit-tfal għall-ħajja preżenti u setgħet ukoll tgħinhom biex jitħejjew għall-ħajja li ġejja. Anġlu li kien jirrappreżenta lil Alla, wera lil Abraham ir-responsabbiltà li kellu biex jgħallem lil taʼ daru sabiex ikunu jistgħu “iżommu fit-triq tal-Mulej.” (Ġenesi 18:19) Lil ġenituri Iżraeliti ntqalilhom biex jispjegaw lil uliedhom kif Alla kien ħeles lil Iżrael mill-Eġittu u kif kien tahom il-Liġi tiegħu fuq il-Muntanja Sinaj, ġewwa Ħoreb. (Eżodu 13:8, 9; Dewteronomju 4:9, 10; 11:18-21) Il-kapijiet taʼ familji Kristjani huma mwissijin biex irabbu lil uliedhom “fid-dixxiplina u t-twiddib [“r-regular mentali,” NW] tal-Mulej.” (Efesin 6:4) Anki jekk ġenitur wieħed biss jaqdi lil Jehovah, dan għandu jagħmel ħiltu kollha biex jgħallem il-mogħdijiet taʼ Jehovah lil uliedu.—2 Timotju 1:5; 3:14, 15.
2. Hemm bżonnu l-istudju tal-familja fejn m’hemmx tfal fid-dar? Spjega.
2 Dan ma jfissirx li l-istudju tal-familja tal-Kelma t’Alla huwa biss għall-familji fejn hemm it-tfal. Meta r-raġel u l-mara jagħmlu studju tal-familja anki meta m’hemmx tfal fid-dar, dan juri apprezzament mill-aħjar għall-affarijiet spiritwali.—Efesin 5:25, 26.
3. Għala huwa importanti li l-istudju tal-familja jsir b’mod regulari?
3 Biex l-istruzzjoni tkun l-iktar taʼ ġid, din trid tingħata regolarment, fi qbil mal-lezzjoni li Jehovah għallem lil Iżrael fix-xagħri: “Mhux bil-ħobż biss jgħix il-bniedem, imma b’dak kollu li joħroġ minn fomm il-Mulej, b’dan jgħix il-bniedem.” (Dewteronomju 8:3) Xi familji, skond iċ-ċirkustanzi tagħhom, jistgħu jagħmlu arranġamenti biex ikollhom studju kull ġimgħa; oħrajn għandhom mnejn ikollhom sessjonijiet iqsar taʼ studju kuljum. Ikun x’ikun l-arranġament li tagħżel, tħallix l-istudju għal meta jkollok ċans. ‘Ixtri ż-żmien’ għalih. Il-prezz xieraq li tħallas għal żmien bħal dan hu investiment sod. Hemm il-ħajjiet tal-membri tal-familja tiegħek fin-nofs.—Efesin 5:15-17, NW; Filippin 3:16.
Objettivi li Għandek Iżżomm f’Moħħok
4, 5. (a) Permezz taʼ Mosè, Jehovah liema objettiv importanti poġġa quddiem il-ġenituri biex dawn jgħallmu lil uliedhom? (b) Dan x’jinvolvi llum?
4 Meta tikkonduċi l-istudju tal-familja, dan se jwettaq l-iktar ġid jekk f’moħħok tkun taf eżatt x’objettivi għandek. Ikkunsidra xi ftit possibbiltajiet.
5 F’kull studju, fittex li tibni l-imħabba lejn Alla Jehovah. Waqt li l-Iżraeliti kienu miġburin fil-pjanuri taʼ Mowab, qabel ma daħlu fl-Art Imwegħda, Mosè ffoka l-attenzjoni tagħhom fuq dak li Ġesù Kristu iktar tard kellu jidentifikah bħala “l-kmandament il-kbir, fil-Liġi.” Liema kien? “Ħobb, mela, lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha u b’saħħtek kollha.” (Mattew 22:36, 37; Dewteronomju 6:5) Mosè ħeġġeġ lill-Iżraeliti biex dan inaqqxuh fi qlubhom stess u biex jgħallmuh lil uliedhom. Dan kien jirrikjedi ripetizzjoni, li jiġbdu l-attenzjoni lejn raġunijiet għala għandhom iħobbu lil Jehovah, li jittrattaw attitudnijiet u kondotta li setgħu jfixkluhom milli jesprimu mħabba bħal din, u li juru mħabba lejn Jehovah f’ħajjithom stess. Għandhom bżonnha wliedna istruzzjoni bħal din? Dażgur! U huma wkoll għandhom bżonn l-għajnuna biex ‘jaħtnu qlubhom,’ jiġifieri, li jneħħu kwalunkwe ħaġa li tistaʼ timpedihom milli jħobbu lil Alla. (Dewteronomju 10:12, 16; Ġeremija 4:4) Fost dawn l-impedimenti jistaʼ jkun hemm xewqa għal affarijiet tad-dinja u għal opportunitajiet biex isiru mehdijin fl-attivitajiet tagħha. (1 Ġwann 2:15, 16) L-imħabba għal Jehovah trid tkun attiva, espressiva, u tqanqalna nagħmlu affarijiet li jogħġbu lil Missierna tas-sema. (1 Ġwann 5:3) Biex l-istudju tal-familja tiegħek ikollu benefiċċji dejjiema, kull sessjoni għandha tiġi kondotta b’mod u manjiera li ssaħħaħ din l-imħabba.
6. (a) X’inhu meħtieġ biex inwasslu l-għarfien eżatt? (b) L-Iskrittura kif tenfasizza l-importanza taʼ l-għarfien eżatt?
6 Wassal l-għarfien eżatt taʼ dak li Alla jirrikjedi. Dan x’jinvolvi? Jinvolvi iktar milli sempliċement nkunu kapaċi naqraw it-tweġiba minn xi rivista jew ktieb. Dan ġeneralment jirrikjedi li ssir diskussjoni biex naraw li kulħadd ikun qed jifhem sew il-kliem importanti u l-ideat prinċipali. L-għarfien eżatt huwa fattur vitali f’li nilbsu l-personalità l-ġdida, f’li nibqgħu ffokati fuq l-affarijiet li huma tassew importanti meta nittrattaw problemi fil-ħajja, u għaldaqstant, f’li nagħmlu dak li verament jogħġob lil Alla.—Filippin 1:9-11; Kolossin 1:9, 10; 3:10.
7. (a) L-użu taʼ liema mistoqsijiet jistaʼ jgħin lill-familja tapplika b’mod prattiku l-materjal taʼ l-istudju? (b) L-Iskrittura kif tenfasizza l-valur taʼ objettiv bħal dan?
7 Għinhom japplikaw b’mod prattiku dak li jitgħallmu. B’dan l-objettiv f’moħħok, waqt kull studju tal-familja, staqsi: ‘Dan il-materjal kif għandu jeffettwalna ħajjitna? Jirrikjedi dan li ssir xi bidla f’dak li qed nagħmlu fil-preżent? Għala għandna nkunu rridu nagħmlu aġġustamenti?’ (Proverbji 2:10-15; 9:10; Isaija 48:17, 18) Li nagħtu biżżejjed attenzjoni biex napplikaw b’mod prattiku dak li nkunu tgħallimna jistaʼ jkun fattur importanti biex il-membri tal-familja jiġu megħjunin jikbru spiritwalment.
Uża l-Għodod tat-Tagħlim bil-Għaqal
8.Il-klassi taʼ l-ilsir liema għodod għall-istudju tal-Bibbja pprovditilna?
8 “L-ilsir leali u diskret” ipprovdielna abbundanza taʼ għodod li jistgħu jintużaw fl-istudju. Ir-rivista It-Torri taʼ l-Għassa, li tintuża flimkien mal-Bibbja, hija disponibbli f’131 lingwa. Għall-istudju tal-Bibbja nsibu kotba f’153 lingwa, browxers f’284 lingwa, awdjokasetts f’61 lingwa, vidjokasetts f’41 lingwa, u saħansitra programm fuq il-kompjuter għal riċerka Biblika f’9 lingwi!—Mattew 24:45-47, NW.
9. Kif nistgħu napplikaw il-pariri fl-iskritturi ċitati f’dan il-paragrafu meta nkunu qed nagħmlu studju tal-familja minn fuq it-Torri taʼ l-Għassa?
9 Ħafna familji jużaw il-ħin taʼ l-istudju tal-familja biex jippreparaw l-istudju tat-Torri taʼ l-Għassa, li jsir fil-kongregazzjoni. Dan jistaʼ verament ikun t’għajnuna! It-Torri taʼ l-Għassa fih l-ikel spiritwali prinċipali li jiġi provdut biex jibni lill-poplu taʼ Jehovah madwar id-dinja. Meta tistudjaw It-Torri taʼ l-Għassa bħala familja, taqrawx biss il-paragrafi u twieġbu l-mistoqsijiet fuqhom. Fittxu bis-serjetà kollha għall-fehma. Ħudu l-ħin biex tfittxu l-iskritturi li jkunu ċitati imma mhux kwotati. Stieden lill-membri tal-familja jikkummentaw fuq kif dawn huma relatati maʼ dak li hemm fil-paragrafu li tkunu qed tikkunsidraw. Involvu l-qalb.—Proverbji 4:7, 23; Atti 17:11.
10. X’jistaʼ jsir biex ninvolvu lit-tfal fl-istudju u biex huma jieħdu iktar gost jagħmluh?
10 Jekk fil-familja tiegħek hemm it-tfal, x’tistaʼ tagħmel biex l-istudju tagħkom ma jkunx sempliċement rutina tal-familja imma jkun żmien edifikanti, interessanti, u pjaċevoli? Agħmel ħiltek biex iżżomm lil kulħadd involut b’mod xieraq sabiex l-attenzjoni tibqaʼ ffokata fuq il-materjal taʼ l-istudju. Fejn ikun possibbli, ara li kull wieħed mit-tfal ikollu l-Bibbja u r-rivista li tkunu qed tistudjaw. Biex jimita l-għożża li wera Ġesù, ġenitur jistaʼ jpoġġi lit-tifel ċkejken ħdejh, u forsi jagħmel idu fuq spallejn it-tifel. (Qabbel Mark 10:13-16.) Kap taʼ familja jistaʼ jġiegħel liċ-ċkejken jispjega stampa li tidher fil-materjal li jkun qed jiġi studjat. Tifel żgħir jistaʼ jiġi assenjat bil-quddiem biex jaqra xi skrittura partikulari. Tifel akbar jistaʼ jiġi assenjat biex isemmi xi opportunitajiet fejn il-materjal taʼ l-istudju jistaʼ jiġi applikat b’mod prattiku.
11. Liema għodod oħra ġew provduti, u fejn dawn ikunu disponibbli, kif jistgħu jintużaw b’mod taʼ benefiċċju f’konnessjoni maʼ l-istudju tal-familja?
11 Għalkemm forsi tkun qed tuża It-Torri taʼ l-Għassa bħala l-bażi tad-diskussjoni tiegħek, tinsiex l-għodod l-oħra taʼ studju li huma disponibbli f’ħafna lingwi. Jekk ikun hemm bżonn taʼ informazzjoni bħala sfond, jew spjegazzjoni għal xi espressjoni fil-Bibbja, dawn nistgħu nsibuhom fl-Insight on the Scriptures. Mistoqsijiet oħrajn jistgħu jitwieġbu billi nikkonsultaw il-Watch Tower Publications Index jew billi nużaw il-programm taʼ riċerka fuq il-kompjuter li tipprovdi s-Soċjetà. Li titgħallem tuża dawn l-għodod, jekk ikunu disponibbli fil-lingwa tiegħek, jistaʼ jkun parti imprezzabbli mill-istudju tal-familja. Biex tqanqal l-interess taż-żgħar, tistaʼ wkoll twarrab ftit mill-ħin taʼ l-istudju biex taraw xi silta minn wieħed mill-vidjos istruttivi tas-Soċjetà jew tisimgħu parti minn xi drama fuq l-awdjokasett u mbagħad tiddiskutuha. Użu tajjeb taʼ dawn l-għodod taʼ studju jistaʼ jgħin biex l-istudju tal-familja tiegħek ikun interessanti u taʼ benefiċċju għall-familja kollha kemm hi.
Addatta għall-Bżonnijiet tal-Familja Tiegħek
12. L-istudju tal-familja kif jistaʼ jkollu rwol f’li jittratta l-bżonnijiet urġenti tal-familja?
12 Jistaʼ jkun li l-familja tiegħek hija mdorrija tistudja l-lezzjoni taʼ dik il-ġimgħa fit-Torri taʼ l-Għassa. Però oqgħod b’sebaʼ għajnejn għal xi problemi li jistgħu jiżviluppaw fil-familja. Jekk l-omm ma jkollhiex xogħol sekulari, hi forsi tkun tistaʼ tqattaʼ ħin mat-tfal kuljum x’ħin jiġu lura mill-iskola. Xi sitwazzjonijiet jistgħu jiġu trattati dak il-ħin; oħrajn jistaʼ jkollhom bżonn taʼ iktar attenzjoni. Meta jkun hemm ħtiġijiet urġenti fil-familja, tinjorahomx. (Proverbji 27:12) Dan jistaʼ ma jinvolvix biss il-problemi taʼ l-iskola imma wkoll xi sitwazzjonijiet oħra. Agħżel materjal addattat, u avża minn qabel lill-familja dwar dak li jkun se jiġi studjat.
13. Diskussjoni bħala familja dwar kif nistgħu nkampaw mal-faqar kif tistaʼ tkun taʼ benefiċċju?
13 Biex nagħtu eżempju, parti kbira mill-globu tinsab taħt il-madmad tal-faqar; għalhekk f’ħafna postijiet jistaʼ jkun meħtieġ li jiġi diskuss kif wieħed jistaʼ jkampa maʼ dan. Taħseb li studju tal-familja li jiċċentra fuq sitwazzjonijiet fil-ħajja taʼ kuljum u xi prinċipji Bibliċi se jkun taʼ ġid għalihom?—Proverbji 21:5; Koħèlet 9:11; Lhud 13:5, 6, 18.
14. Liema sitwazzjonijiet jistgħu jagħmluha f’waqtha diskussjoni bħala familja fuq kif jaħsibha Jehovah dwar il-vjolenza, il-gwerra, u n-newtralità Kristjana?
14 Suġġett ieħor li jirrikjedi diskussjoni hu l-vjolenza. Ilkoll kemm aħna jeħtieġ li jkollna stampat fil-fond taʼ moħħna u qalbna l-mod kif jaħsibha Jehovah. (Ġenesi 6:13; Salm 11:5) Studju tal-familja dwar dan is-suġġett jistaʼ jipprovdi lok biex jiġi diskuss kif nistgħu nittrattaw maʼ bulijiet fl-iskola, jekk għandux isir taħriġ fl-arti marzjali, u kif nagħżlu divertiment addattat. Konflitti vjolenti saru komuni; kważi f’kull pajjiż jew hemm il-pjaga taʼ gwerra ċivili, jew ġlied politiku jew etniku, jew gruppi jiġġieldu kontra xulxin. B’riżultat taʼ dan, il-familja tiegħek jistaʼ jkollha bżonn diskussjoni dwar kif tistaʼ tinżamm kondotta Kristjana meta tkun tinsab imdawra bi ġlied bejn il-gruppi.—Isaija 2:2-4; Ġwann 17:16.
15. L-istruzzjoni dwar is-sess u ż-żwieġ kif għandha tingħata lit-tfal?
15 Hekk kif it-tfal ikunu qed jikbru, dawn ikollhom bżonn istruzzjoni dwar is-sess u ż-żwieġ, skond l-età tagħhom. F’xi kulturi, il-biċċa l-kbira tal-ġenituri qatt ma jiddiskutu s-sess maʼ wliedhom. Tfal neqsin minn din l-informazzjoni jistgħu jirċievu verżjoni mgħawġa mingħand żgħażagħ oħra, u r-riżultati jistgħu jkunu diżastrużi. Ma jkunx aħjar jekk nimitaw lil Jehovah, li jagħtina pariri diretti u fl-istess ħin bit-tattika dwar dan fil-Bibbja? Il-parir t’Alla se jgħin lil uliedna jżommu r-rispett lejhom infushom u jittrattaw lil dawk tas-sess oppost b’dinjità. (Proverbji 5:18-20; Kolossin 3:5; 1 Tessalonikin 4:3-8) Anki jekk diġà ddiskutejtu dawn l-affarijiet, toqgħodx lura milli terġaʼ tiddiskutihom. Hekk kif iqumu sitwazzjonijiet ġodda, ir-ripetizzjoni hija vitali.
16. (a) F’diversi familji, x’ħin isir l-istudju tal-familja? (b) Int kif ittrattajt l-ostakli li kellek sabiex tkun tistaʼ jkollok studju regulari tal-familja?
16 L-istudju tal-familja meta jistaʼ jsir? Billi jimitaw lill-familji Betel madwar il-globu, ħafna familji għandhom skeda taʼ l-istudju tal-familja kull nhar taʼ Tnejn fil-għaxija. Oħrajn jagħmluh f’ħin differenti. Fl-Arġentina, familja taʼ 11, inkluż 9 itfal, kienu jqumu regolarment kuljum fil-ħamsa taʼ fil-għodu biex jagħmlu l-istudju tagħhom tal-familja. Minħabba l-iskedi differenti tax-xogħol, ma kien hemm ebda ħin ieħor possibbli. Ma kienx faċli, imma dan lit-tfal naqqxilhom f’moħħhom u f’qalbhom l-importanza taʼ l-istudju tal-familja. Fil-Filippini, wieħed anzjan kien iżomm studju regulari tal-familja maʼ martu u t-tliet uliedu waqt li dawn kienu qed jikbru. Matul il-ġimgħa, il-ġenituri kienu jagħmlu wkoll studji persunali maʼ kull wieħed mit-tfal tagħhom sabiex huma jagħmlu l-verità tagħhom stess. Fl-Istati Uniti, waħda oħt, li r-raġel tagħha m’huwiex Xhud, kull fil-għodu twassal lit-tfal tagħha bil-mixi biex jaqbdu l-private taʼ l-iskola. Waqt li jistennew il-private, iqattgħu madwar għaxar minuti jaqraw u jiddiskutu flimkien materjal Skritturali taʼ l-istudju addattat, u mbagħad l-omm tgħid talba qasira qabel it-tfal jirkbu l-private. Fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, waħda mara, li telaqha żewġha li ma kienx taʼ l-istess twemmin, ikollha taħdem iebes biex tagħmel l-istudju minħabba li ma tantx taf skola. Binha l-kbir jgħinha billi jżur lill-familja kull ġimgħa biex jikkonduċi l-istudju li jinvolvi lil ommu u lil ħutu żgħar. L-omm tagħti eżempju mill-aħjar billi tagħmel ħilitha kollha biex tipprepara sew. Teżisti xi sitwazzjoni li minħabba fiha huwa diffiċli li jsir studju regulari fil-familja tiegħek? Taqtax qalbek. Fittex bis-serjetà l-barka taʼ Jehovah fuq l-isforzi tiegħek biex tagħmel studju tal-Bibbja regulari.—Mark 11:23, 24.
Il-Perseveranza Tiġi Premjata
17. (a) X’inhu meħtieġ sabiex ikollok studju regulari tal-familja? (b) Liema esperjenza turi l-valur taʼ istruzzjoni regulari fil-familja dwar il-mogħdijiet taʼ Jehovah?
17 Hemm bżonn taʼ ppjanar. Jeħtieġ il-perseveranza. Imma l-benefiċċji li jiġu mill-istudju regulari tal-familja jissuperaw kull sforz li tistaʼ tagħmel. (Proverbji 22:6; 3 Ġwann 4) Franz u Hilda, fil-Ġermanja, kellhom 11-il tifel u tifla. Snin wara, binthom Magdalena qalet: “Dak li nikkunsidrah bħala l-iktar importanti llum hu li ma kinitx tgħaddi ġurnata mingħajr ma nkunu ħadna xi istruzzjoni spiritwali.” Meta l-ispirtu taʼ nazzjonaliżmu tant ħrax taħt Adolf Hitler, missier Magdalena uża l-Bibbja biex jipprepara lill-familja tiegħu għall-provi li rrealizza li kienu ġejjin fuqhom. Maż-żmien, l-iżgħar membri tal-familja nħatfu u ttieħdu ġewwa riformatorju; xi oħrajn mill-familja ġew arrestati u nżammu priġunieri fil-ħabs u fil-kampijiet tal-konċentrament. Xi wħud ngħataw il-mewt. Il-fidi tagħhom ilkoll baqgħet sħiħa—mhux biss matul dak iż-żmien taʼ persekuzzjoni ħarxa imma wkoll, għal dawk li baqgħu ħajjin, matul is-snin taʼ wara.
18. L-isforzi li għamlu ġenituri waħedhom kif ġew premjati?
18 Ħafna ġenituri waħedhom, kif ukoll dawk li s-sieħeb jew is-sieħba tagħhom m’humiex taʼ l-istess twemmin, ipprovdew bl-istess mod lil uliedhom istruzzjoni regulari minn fuq il-Bibbja. Omm li hija armla, u toqgħod l-Indja, ħadmet iebes biex tnaqqax l-imħabba lejn Jehovah fiż-żewġt itfal tagħha. Madankollu, qalbha nqasmet meta binha ma baqax jassoċja mal-poplu taʼ Jehovah. Hi talbet lil Jehovah bil-ħniena biex jaħfrilha taʼ kwalunkwe nuqqasijiet li setgħet għamlet f’li tħarreġ lil binha. Imma binha ma nsiehx għalkollox dak li kien tgħallem. Wara iktar minn għaxar snin, hu reġaʼ lura, għamel progress spiritwali mill-aħjar, u sar anzjan fil-kongregazzjoni. Issa hu u martu qed jaqdu bħala ministri pijunieri full-time. Kemm huma grati dawk il-ġenituri li għożżew il-parir mingħand Jehovah u l-organizzazzjoni tiegħu biex jipprovdu istruzzjoni regulari minn fuq il-Bibbja ġewwa l-familja! Qed tapplikah int dan il-parir fil-familja tiegħek?
Tistaʼ Tispjega?
◻ Studju regulari tal-familja għala hu importanti?
◻ X’għandhom ikunu l-objettivi tagħna matul kull studju tal-familja li nagħmlu?
◻Liema għodod għat-tagħlim intgħamlu disponibbli għalina?
◻ L-istudju kif jistaʼ jiġi addattat għall-bżonnijiet tal-familja?
[Stampa f’paġna 15]
Objettivi ċari se jtejbu l-istudju tal-familja tiegħek