Nitgħallmu t-Triq li Tisboq taʼ l-Imħabba
Il-Kosovo, il-Libanu, u l-Irlanda. Dawn huma ismijiet li f’dawn l-aħħar snin dehru bosta drabi fl-aħbarijiet. Lin-nies iġibulhom f’moħħhom xeni taʼ ċarċir taʼ demm, attakki bil-bombi, u qtil. M’għandniex xi ngħidu, il-konflitti vjolenti kaġunati minn differenzi reliġjużi, razzjali, etniċi u oħrajn m’humiex affarijiet ġodda. Fil-fatt, il-paġni taʼ l-istorja huma mimlijin bihom, u dawn ġabu magħhom sofferenzi inkredibbli għall-umanità.
MINĦABBA l-fatt li matul l-istorja dejjem kien hemm xi gwerra, ħafna waslu għall-konklużjoni li l-gwerer ma jistgħux jiġu skansati u li huwa naturali li l-bnedmin jobogħdu lil xulxin. Madankollu, opinjonijiet bħal dawn huma kompletament il-kontra tat-tagħlim tal-Kelma t’Alla, il-Bibbja. L-Iskrittura tiddikjara b’mod ċar: “Dak li ma jħobbx ma għarafx lil Alla, għax Alla hu mħabba.” (1 Ġwann 4:8) Jidher ċar li l-Ħallieq irid li l-bnedmin iħobbu lil xulxin.
Il-Bibbja turi wkoll li l-bniedem inħalaq fuq ix-xbieha t’Alla. (Ġenesi 1:26, 27) Dan ifisser li l-umanità hija mżejna bil-kapaċità li tirrifletti l-kwalitajiet t’Alla, li l-iktar waħda li tispikka minnhom kollha hi l-imħabba. Allura jekk dan huwa minnu, il-bnedmin għala fallew tant bil-kbir f’li juru mħabba lejn xulxin matul l-istorja? Għal darb’oħra, il-Bibbja tfehemna. Huwa minħabba li Adam u Eva, l-ewwel koppja umana, irribellaw kontra Alla u waqgħu fid-dnub. B’riżultat taʼ dan, in-nisel kollu tagħhom wiret id-dnub u l-imperfezzjoni. Rumani 3:23 jispjega: “Il-bnedmin kollha dinbu u ċċaħħdu mill-glorja taʼ Alla.” L-abbiltà li nħobbu mogħtija minn Alla hija mħassra mid-dnub u l-imperfezzjoni li writna. Ifisser dan li l-bnedmin m’humiex iżjed kapaċi jħobbu lil xulxin? X’tama hemm li qatt se ngawdu relazzjoni paċifika u kollha mħabba maʼ bnedmin sħabna?
Irridu Nitgħallmu Nħobbu lil Alla
Alla Jehovah jaf li minkejja dan kollu, l-umanità xorta għadha kapaċi turi mħabba. Huwa minħabba f’hekk li hu jitlob lil kulmin irid jogħġbu biex juri mħabba bl-aħjar mod li jistaʼ. Din il-ħtieġa għamilha ċara l-Iben t’Alla, Ġesù Kristu, meta ġie mistoqsi jsemmi l-akbar kmandament fil-Liġi li ngħatat lil Iżrael. Hu qal: “‘Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu.’ Dan hu l-kmandament il-kbir u l-ewwel wieħed.” Imbagħad żied: “It-tieni jixbhu: ‘Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.’ Dawn iż-żewġ kmandamenti huma l-qofol tal-Liġi kollha u tal-Profeti.”—Mattew 22:37-40.
Madankollu, ħafna nies iħossu li huwa diffiċli ħafna li jħobbu lil xi ħadd li ma jistgħux jarawh, u aħna l-bnedmin ma nistgħux naraw lil Alla Jehovah għaliex hu spirtu. (Ġwann 4:24) Xorta waħda, dak li jagħmel Alla jeffettwana kuljum, peress li aħna lkoll niddependu mill-bosta affarijiet tajbin li hu ħalaq għall-ġid tagħna. L-appostlu Pawlu ġibed l-attenzjoni lejn dan il-fatt meta qal: “[Alla] ma naqasx li jagħti xhieda fuqu nnifsu bil-ġid li jagħmlilkom, meta jagħtikom ix-xita mis-sema u l-frott fi żmienu, u hekk ixebbagħkom bl-ikel u jimlielkom qalbkom bl-hena.”—Atti 14:17.
Avolja b’xi mod jew ieħor kulħadd jibbenefika mill-provvedimenti tal-Ħallieq, meta nqisu l-affarijiet, ftit huma grati lejh jew jitqanqlu biex jirringrazzjawh. B’hekk, irridu nirrevedu l-affarijiet tajbin kollha li Alla għamel għalina u nimmeditaw fuq il-kwalitajiet meraviljużi li jidhru ċar f’kulma jagħmel. Jekk nagħmlu dan inkunu nistgħu nifhmu l-għerf u l-qawwa taʼ l-għaġeb li għandu l-Ħallieq Grandjuż tagħna. (Isaija 45:18) Fuq kollox, dan għandu jgħinna naraw kemm hu Alla taʼ mħabba, billi mhux biss tana l-ħajja, imma wkoll għamilhielna possibbli li ngawdu l-ħafna pjaċiri tal-ħajja.
Per eżempju, aħseb ftit dwar il-varjetà li ma tispiċċa qatt taʼ fjuri sbieħ li Alla ħalaq fuq l-art. Kemm hi xi ħaġa meraviljuża għalina li hu żejjinna bl-abbiltà li naraw u li nieħdu ħafna gost b’dawn l-affarijiet mimlijin ġmiel! Bl-istess mod, Alla pprovda kull xorta taʼ ikel sustanzjuż għan-nutriment tagħna. Kemm kien qalbu tajba li ħalaq ukoll fina s-sens tat-togħma sabiex inkunu nistgħu nieħdu pjaċir nieklu! M’humiex dawn provi qawwijin li Alla tassew iħobbna u li għandu f’moħħu l-aħjar interessi tagħna?—Salm 145:16, 17; Isaija 42:5, 8.
Minbarra li jurina min hu permezz tal-“ktieb tan-natura,” il-Ħallieq, permezz tal-Kelma tiegħu, il-Bibbja, jurina x’tip t’Alla hu. Dan peress li fil-Bibbja hemm imniżżlin ħafna mill-affarijiet li Alla Jehovah għamel b’imħabba fil-passat u l-għadd taʼ barkiet li jwiegħed li jferraʼ fuq l-umanità fil-futur qarib. (Ġenesi 22:17, 18; Eżodu 3:17; Salm 72:6-16; Apokalissi 21:4, 5) Fuq kollox, il-Bibbja turina liema hi l-akbar espressjoni taʼ l-imħabba t’Alla lejn l-umanità—li ta lill-iben uniġenitu tiegħu biex ikun il-Feddej tagħna ħalli aħna nkunu nistgħu ninħelsu mill-jasar tad-dnub u l-mewt. (Rumani 5:8) Tabilħaqq, iktar ma nitgħallmu dwar il-Ħallieq tagħna kollu mħabba, iktar se nitqanqlu biex inħobbuh minn qalbna.
Nitgħallmu Nħobbu lil Sħabna l-Bnedmin
Bħalma enfasizza Ġesù, flimkien maʼ li nħobbu lil Alla b’qalbna kollha, b’ruħna kollha, u b’moħħna kollu, għandna nħobbu lil għajrna bħalna nfusna. Fil-fatt, l-imħabba t’Alla tobbligana nħobbu lil sħabna l-bnedmin. L-appostlu Ġwanni spjega: “Għeżież, jekk Alla ħabbna daqshekk, aħna wkoll għandna nħobbu lil xulxin.” Hu kompla jenfasizza: “Jekk xi ħadd jgħid: ‘Jiena nħobb ’l Alla’, u jobgħod lil ħuh, dan ikun giddieb. Għax min ma jħobbx lil ħuh li jara, kif jistaʼ jħobb lil Alla li hu qatt ma rah? Dan hu l-kmandament li tana hu: li min iħobb ’l Alla, iħobb ukoll lil ħuh.”—1 Ġwann 4:11, 20, 21.
Illum qegħdin ngħixu f’dinja fejn il-biċċa l-kbira tan-nies juru attitudni taʼ ‘jien l-ewwel.’ Huma “jingħataw għall-imħabba tagħhom infushom,” eżatt bħalma bassret il-Bibbja. (2 Timotju 3:2) Għalhekk, jekk irridu nitgħallmu t-triq li tisboq taʼ l-imħabba, għandna nagħmlu sforz kbir biex inġeddu fehmietna u nixbhu lill-Ħallieq tagħna kollu mħabba, minflok ma nsegwu l-modi egoistiċi tal-biċċa l-kbira tan-nies. (Rumani 12:2; Efesin 5:1) Alla saħansitra hu “tajjeb maʼ l-ingrati u l-ħżiena,” u “jtallaʼ x-xemx tiegħu sew fuq il-ħżiena u sew fuq it-tajbin, u jniżżel ix-xita sew fuq min hu tajjeb u sew fuq min m’huwiex.” Peress li Missierna tas-sema jagħtina dan l-eżempju eċċellenti, għandna nistinkaw biex inkunu qalbna tajba maʼ kulħadd u ngħinu lil kulħadd. Billi nagħmlu hekk, se nuru li aħna ‘wlied Missierna kollu mħabba li hu fis-smewwiet.’—Luqa 6:35; Mattew 5:45.
Xi drabi dawn l-atti taʼ mħabba jirriżultaw f’li aħna ngħinu lin-nies isiru adoraturi tal-veru Alla. Ftit tas-snin ilu, mara tad-dar li hija waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah pprovat taqsam il-messaġġ tal-Bibbja mal-ġâra tagħha, imma din irrifjutatha bil-qawwi. Madankollu, it-tweġiba ma qatgħatilhiex qalbha. Minflok, hi kompliet turi qalb tajba u pprovat tgħin lil ġâra. Darba minnhom għenitha ġġorr f’dar differenti. Darb’oħra ftehmet biex xi ħadd iwassal lill-ġâra sa l-ajruport ħalli tiltaqaʼ maʼ qrabatha. Iktar tard, il-ġâra aċċettat studju tal-Bibbja u maż-żmien saret Kristjana żeluża minkejja persekuzzjoni ħarxa minn żewġha. Iva, dawk l-espressjonijiet taʼ mħabba qegħdu l-pedament għal barkiet dejjiema.
Jekk inkunu onesti se nammettu li Alla jħobbna mhux għax għandna għadd taʼ kwalitajiet ammirevoli. Għall-kuntrarju, hu jħobbna avolja nagħmlu ħafna żbalji u għandna ħafna nuqqasijiet. Minħabba f’hekk, bl-istess mod għandna nitgħallmu nħobbu lil sħabna l-bnedmin minkejja d-diversi difetti tagħhom. Jekk inħarrġu lilna nfusna biex nagħrfu u napprezzaw il-kwalitajiet tajbin taʼ l-oħrajn minflok ma nfittxulhom l-iżbalji, se nsibuha iktar faċli biex inħobbuhom. Dak li nħossu għalihom jistaʼ jkun iktar minn imħabba kontrollata minn prinċipju u jibda jinkludi affezzjoni tenera u għożża li teżisti bejn ħbieb tal-qalb.
Ħallu l-Imħabba Tagħkom Tikber
L-imħabba u l-ħbiberija għandhom bżonn jiġu kultivati, u fost l-ingredjenti essenzjali għal dan, hemm is-sinċerità u l-onestà. Xi wħud jipprovaw jaħbu n-nuqqasijiet tagħhom sabiex jagħtu impressjoni favorevoli lin-nies li jridu jitħabbu magħhom. Madankollu, jekk naġixxu hekk se jiġina l-kontra, għax l-oħrajn fl-aħħar jiskopru l-fatti u jiddiżgustaw ruħhom b’diżonestà bħal din. Għalhekk, m’għandniex għalfejn nibżgħu nħallu lil ħaddieħor ikun jafna eżatt kif aħna—anki jekk għandna nuqqasijiet li qed nistinkaw biex negħlbuhom. Dan jistaʼ jgħinna nistabbilixxu ħbiberija magħhom.
Per eżempju, Xhud anzjana fil-kongregazzjoni fil-Lvant Imbiegħed ma tantx kellha edukazzjoni. Madankollu, lill-oħrajn hi qatt ma tipprova taħbilhom dan il-fatt. Per eżempju, hi tammetti bis-sinċerità kollha, li m’hijiex kapaċi turi lil ħaddieħor kif jistabbilixxi mill-profeziji u l-istorja tal-Bibbja li Żminijiet il-Ġentili ntemmu fl-1914.a Madankollu, hi tant tagħti eżempju tajjeb fiż-żelu għall-ministeru, kif ukoll fl-imħabba u l-ġenerożità lejn l-aħwa, li jirreferu għaliha b’affezzjoni bħala l-ġawhra tal-kongregazzjoni.
F’xi kulturi, ma tantx titqies bħala ħaġa sabiħa li turi l-affezzjoni bil-miftuħ; in-nies jitgħallmu juru formalità b’mod pulit meta jittrattaw m’oħrajn. Filwaqt li dejjem hu tajjeb li nkunu edukati u nuru konsiderazzjoni, m’għandniex inħallu l-pulitizza tagħna tifga jew ma tħalliniex nesprimu dak li nħossu għal ħaddieħor. Jehovah ma staħax jistqarr l-affezzjoni tiegħu għall-poplu magħżul tiegħu, Iżrael tal-qedem, għax qalilhom: “Bi mħabba taʼ dejjem ħabbejtek.” (Ġeremija 31:3) Bl-istess mod, l-appostlu Pawlu qal lil kredenti sħabu f’Tessalonika: “Aħna għożżejniekom hekk li ridna naqsmu magħkom mhux biss l-Evanġelju taʼ Alla imma wkoll ħajjitna stess, daqskemm ħabbejniekom.” (1 Tessalonikin 2:8) Mela hekk kif nistinkaw biex nikkultivaw affezzjoni ġenwina għal bnedmin sħabna, li nesprimu b’mod naturali sentimenti bħal dawn jaqbel iktar mat-tagħlim tal-Bibbja milli li nrażżnuhom.
Jinħtieġ Sforz Kontinwu
Il-proċess taʼ li nitgħallmu nħossu għal oħrajn u nuruhom imħabba huwa wieħed kontinwu. Dan jirrikjedi sforz kbir min-naħa tagħna għax irridu naħdmu iebes biex negħlbu l-imperfezzjonijiet tagħna stess kif ukoll biex nirreżistu l-influwenza qawwija taʼ din id-dinja bla mħabba. Madankollu, dan taʼ min jagħmlu minħabba l-barkiet abbundanti li jġib.—Mattew 24:12.
Anki f’din id-dinja tant imperfetta, nistgħu ngawdu relazzjonijiet aħjar maʼ bnedmin sħabna. Ir-riżultat ikun ħafna ferħ, paċi, u sodisfazzjon għalina u għal ħaddieħor. Billi nagħmlu dan l-isforz, nistgħu nuru li tixirqilna t-tama meraviljuża taʼ ħajja taʼ dejjem fid-dinja l-ġdida t’Alla. Fuq kollox, billi nitgħallmu t-triq li tisboq taʼ l-imħabba, nistgħu niksbu l-approvazzjoni u l-barkiet tal-Ħallieq tagħna kollu mħabba, kemm issa kif ukoll għall-eternità!
[Nota taʼ taħt]
a Għal dettalji, ara l-Insight on the Scriptures, l-1 Volum, paġni 132-5.
[Stampi f’paġna 10]
L-imħabba Kristjana tistaʼ tintwera b’atti taʼ qalb tajba
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 8]
UN PHOTO 186226/M. Grafman