Ir-Rombli tal-Baħar il-Mejjet Għala Għandhom Jinteressawk?
Sakemm instabu r-Rombli tal-Baħar il-Mejjet, l-eqdem manuskritti disponibbli taʼ l-Iskrittura Ebrajka kienu jmorru lura sad-disaʼ u l-għaxar seklu E.K. Setgħu dawn il-manuskritti jiġu fdati li kienu qed iwasslu l-Kelma t’Alla lealment, ladarba l-kitba taʼ l-Iskrittura Ebrajka tlestiet iktar minn elf sena qabel? Il-Professur Julio Trebolle Barrera, membru tat-tim internazzjonali t’edituri tar-Rombli tal-Baħar il-Mejjet, jgħid: “Ir-Romblu taʼ Isaija [minn Qumran] jagħtina prova ċara li f’perijodu taʼ iktar minn elf sena l-kopjisti Lhud għaddewlna t-test bibliku b’mod mill-iktar leali u bir-reqqa.”
IR-ROMBLU li jirreferi għalih Barrera fih il-ktieb sħiħ taʼ Isaija. Sal-lum, fost il-manuskritti Bibliċi li nstabu f’Qumran, li jgħoddu ’l fuq minn 200, ġew identifikati partijiet minn kull ktieb taʼ l-Iskrittura Ebrajka minbarra l-ktieb taʼ Ester. Għall-kuntrarju tar-Romblu taʼ Isaija, ħafna minnhom huma biss frammenti li fihom inqas minn wieħed minn kull għaxra tal-kontenut taʼ kwalunkwe ktieb speċifiku. Il-kotba Bibliċi li kienu l-iktar popolari f’Qumran kienu s-Salmi (36 kopja), id-Dewteronomju (29 kopja), u Isaija (21 kopja). Dawn huma wkoll l-iktar kotba li ġew kwotati fl-Iskrittura Griega Kristjana.
Ir-rombli juru li ma kien hemm l-ebda bidla fundamentali fil-kontenut tal-Bibbja. Madankollu, juru wkoll li sa ċertu punt kien hemm verżjonijiet differenti tat-testi Bibliċi Ebrajċi li kienu jiġu użati mil-Lhud fil-perijodu tat-Tieni Tempju. Dawn il-verżjonijiet kellhom il-varjazzjonijiet tagħhom. Mhux ir-rombli kollha huma identiċi għat-test Masoretiku fil-mod kif jiġi spellut jew impoġġi l-kliem. Xi wħud minnhom jixbhu ħafna s-Settanta Griega. Qabel, l-istudjużi kienu jaħsbu li d-differenzi li hemm fis-Settanta setgħu kienu r-riżultat taʼ żbalji jew saħansitra taʼ invenzjonijiet li saru apposta mit-traduttur. Issa r-rombli juru li ħafna minn dawn id-differenzi fil-fatt ġew minħabba l-varjazzjonijiet fit-test Ebrajk. Dan jistaʼ jispjega għala kien hemm każi li fihom il-Kristjani bikrin ikkwotaw mill-Iskrittura Ebrajka u użaw kliem differenti mit-test Masoretiku.—Eżodu 1:5; Atti 7:14.
B’hekk, din l-iskoperta imprezzabbli taʼ rombli u frammenti Bibliċi tipprovdi bażi mill-aqwa biex wieħed jistudja kif wasal għandna t-test Bibliku Ebrajk. Ir-Rombli tal-Baħar il-Mejjet ikkonfermaw il-valur kemm tas-Settanta kif ukoll tal-Pentatewku Samaritan meta niġu biex inqabblu l-kitbiet. Għat-tradutturi tal-Bibbja, ir-rombli huma sors ieħor li jridu jikkunsidraw meta jiġu biex jagħmlu xi korrezzjonijiet għal titjib fit-test Masoretiku. F’numru taʼ każi, jikkonfermaw id-deċiżjonijiet li ħa l-Kumitat tat-Traduzzjoni tal-Bibbja New World biex jerġaʼ jpoġġi l-isem Jehovah f’ċerti postijiet minfejn kien tneħħa mit-test Masoretiku.
Ir-rombli li jiddeskrivu r-regoli u t-twemmin tas-setta taʼ Qumran jagħmluha ċara li fi żmien Ġesù kien hemm iktar minn forma waħda taʼ Ġudaiżmu. Is-setta taʼ Qumran kellha tradizzjonijiet differenti minn dawk tal-Fariżej u s-Sadduċej. Dawn id-differenzi x’aktarx wasslu biex din is-setta tmur toqgħod fix-xagħri. B’mod żbaljat, huma ħasbu li s-setta tagħhom kienet qed twettaq il-kliem taʼ Isaija 40:3 dwar leħen fix-xagħri li jwitti t-triq għal Jehovah. Numru taʼ frammenti tar-rombli jirreferu għall-Messija, li l-miġja tiegħu l-awturi rawha li kienet qorbot sew. Dan hu verament interessanti għaliex Luqa jgħid li “l-poplu kien qiegħed jistenna ħerqan” il-miġja tal-Messija.—Luqa 3:15.
Ir-Rombli tal-Baħar il-Mejjet, sa ċertu punt, jgħinuna nifhmu l-kuntest tal-ħajja Lhudija fiż-żmien li kien jippriedka Ġesù. Jipprovdu tagħrif komparattiv li jistaʼ jintuża mill-istudjużi biex iqabblu t-test Ebrajk maʼ dak tal-Bibbja. Imma l-kontenut taʼ ħafna mir-Rombli tal-Baħar il-Mejjet għad għandu bżonn jiġi analizzat bir-reqqa. Għalhekk, għad nistgħu niksbu ħafna għarfien ieħor. Tabilħaqq, l-akbar skoperta arkeoloġika tas-seklu 20 tkompli tqanqal entużjażmu kbir fost l-istudjużi u l-istudenti tal-Bibbja hekk kif inkomplu mexjin fis-seklu 21.
[Sors tal-Istampa f’paġna 7]
Tħaffir f’Qumran: Pictorial Archive (Near Eastern History) Est.; manuskritt: Bil-korteżija tal- Mużew tax-Shrine of the Book, Iżrael, Ġerusalemm