Miexi ’l Quddiem Lejn ir-Rebħa Finali!
“Ħares! żiemel abjad; u dak bil-qegħda fuqu kellu qaws; u ngħatatlu kuruna, u hu mar ’il quddiem jikkonkwista u biex iwettaq għalkollox il-konkwista tiegħu.”—RIVELAZZJONI 6:2, NW.
1. Liema ġrajjiet, li kellhom jiġru fil-futur, ra Ġwanni fil-viżjoni?
B’ISPIRAZZJONI minn Alla, l-appostlu Ġwanni setaʼ jara x’kien se jiġri madwar 1,800 sena bil-quddiem u jiddeskrivi meta Kristu ngħata t-tron bħala Sultan. Ġwanni kellu bżonn il-fidi biex jemmen dak li ra fil-viżjoni. Aħna llum għandna evidenza ċara li Kristu ngħata t-tron fl-1914, preċiż bħalma kien imbassar. Bl-għajnejn tagħna tal-fidi, aħna qed naraw lil Ġesù Kristu sejjer “’il quddiem jikkonkwista u biex iwettaq għalkollox il-konkwista tiegħu.”
2. Ix-Xitan kif irreaġixxa għat-twelid tas-Saltna, u dan taʼ liema ħaġa hu evidenza?
2 Mat-twelid tas-Saltna, Satana tkeċċa ’l barra mis-sema, u dan ġagħlu jħarrax iktar il-ġlieda tiegħu u jimtela iktar bir-rabja, imma kollu taʼ xejn għax xorta mhux se jkollu ċans jirbaħ. (Apokalissi 12:7-12) Minħabba r-rabja tiegħu, il-kundizzjonijiet tad-dinja bdew isiru iktar kritiċi. Is-soċjetà umana tidher li qed titkisser. Għax-Xhieda taʼ Jehovah din hija evidenza ċara li s-Sultan tagħhom miexi ’l quddiem “biex iwettaq għalkollox il-konkwista tiegħu.”
Soċjetà tad-Dinja l-Ġdida Qed Tiġi Fformata
3, 4. (a) Liema bidliet fl-organizzazzjoni saru fil-kongregazzjoni Kristjana mit-twelid tas-Saltna ’l hawn, u għala kien hemm bżonnhom? (b) Skond ma kien imbassar minn Isaija, x’ġid għamlu dawn il-bidliet?
3 Ladarba seħħ it-twelid tas-Saltna, kien wasal iż-żmien biex il-kongregazzjoni Kristjana, li issa ngħatat il-ħajja mill-ġdid u kellha iktar responsabbiltajiet tas-Saltna, tinġieb iktar fi qbil maʼ kif kienet titmexxa l-kongregazzjoni Kristjana taʼ l-ewwel seklu. B’hekk, fil-ħarġiet taʼ l-1 u l-15 taʼ Ġunju, 1938, The Watchtower eżamina kif kellha taħdem l-organizzazzjoni Kristjana. Iktar tard, fil-ħarġa tal-15 taʼ Diċembru, 1971, ngħatat iktar spjegazzjoni ċara dwar il-Ġemgħa li Tiggverna taʼ żmienna fl-artiklu “A Governing Body as Different From a Legal Corporation” (Ġemgħa li Tiggverna li Hi Differenti minn Korporazzjoni Legali). Fl-1972 inħatru ġemgħat t’anzjani biex jipprovdu għajnuna u direzzjoni għall-kongregazzjonijiet lokali.
4 L-indokrar xieraq li reġaʼ beda jsir saħħaħ ferm lill-kongregazzjoni Kristjana. Dan kien dovut ukoll għall-arranġamenti li l-Ġemgħa li Tiggverna għamlet biex tagħti istruzzjonijiet lill-anzjani dwar id-dmirijiet tagħhom, inkluż taħriġ fi kwistjonijiet ġudizzjarji. L-iżviluppi li saru pass pass fl-organizzazzjoni t’Alla fuq l-art u r-riżultati tajbin li nkisbu kienu mbassrin f’Isaija 60:17: “Minflok il-bronż, nġiblek id-deheb; flok il-ħadid, il-fidda; flok l-injam, il-bronż; flok il-ġebel, il-ħadid. U nagħmel is-Sliem [“l-indokraturi,” NW] tiegħek, u l-Ġustizzja [“dawk li jagħtuk ix-xogħol,” NW].” Dawn il-bidliet pożittivi kienu xiehda tal-barka u l-approvazzjoni t’Alla fuq dawk li kienu qed jappoġġaw is-Saltna tiegħu fil-beraħ u b’żelu kbir.
5. (a) Satana kif irreaġixxa meta ra l-barka li Jehovah xeħet fuq in-nies Tiegħu? (b) Fi qbil maʼ Filippin 1:7, NW, ix-Xhieda taʼ Jehovah kif irreaġixxew għar-rabja taʼ Satana?
5 L-attenzjoni u l-gwida li Alla b’imħabba ta lin-nies tiegħu wara t-twelid tas-Saltna ma naqsux li jiġu nnotati minn Satana. Per eżempju, fl-1931, il-membri taʼ dan il-grupp żgħir taʼ Kristjani ddikjaraw pubblikament li huma ma kinux biss Studenti tal-Bibbja. Fi qbil maʼ Isaija 43:10, huma kienu Xhieda taʼ Jehovah! Jekk hux b’kumbinazzjoni jew le, ix-Xitan qanqal mewġa taʼ persekuzzjoni, li qatt ma kien hawn bħalha, mal-globu kollu. Saħansitra f’pajjiżi li normalment huma magħrufin għal-libertà reliġjuża, bħall-Istati Uniti, il-Kanada, u l-Ġermanja, ix-Xhieda ġew imġagħlin, darba wara l-oħra, jiġġieldu battalji legali biex ikunu jistgħu jgawdu l-libertà tal-qima. Sa l-1988, il-Qorti Suprema taʼ l-Istati Uniti kienet eżaminat 71 każ li kienu jinvolvu lix-Xhieda taʼ Jehovah, u żewġ terzi minnhom inqatgħu favur tagħhom. Illum, madwar id-dinja, għadhom qed isiru battalji legali biex, bħalma sar fl-ewwel seklu, il-Kristjani ‘jiddefendu u jistabbilixxu legalment l-aħbar tajba.’—Filippin 1:7, NW.
6. Irnexxielhom il-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet iwaqqfu lin-nies taʼ Jehovah milli jkomplu jimxu ’l quddiem? Agħti eżempju.
6 Matul is-snin tletin, fil-perijodu li wassal għall-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija, gvernijiet dittatorjali għamlu projbizzjonijiet u restrizzjonijiet fuq ix-xogħol tax-Xhieda taʼ Jehovah fil-Ġermanja, Spanja, u l-Ġappun, biex insemmu biss tlieta minnhom. Imma fis-sena 2000, f’dawn it-tliet pajjiżi biss kien hemm kważi 500,000 xhud attiv fix-xandir tas-Saltna t’Alla. Dan kien kważi għaxar darbiet iktar min-numru taʼ Xhieda li kien hawn fid-dinja kollha fl-1936! Jidher ċar li l-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet ma jistgħux iwaqqfu lin-nies taʼ Jehovah milli jkomplu jimxu ’l quddiem taħt il-Mexxej rebbieħ tagħhom, Ġesù Kristu.
7. Liema ġrajja li tispikka seħħet fl-1958, u x’bidla drammatika seħħet minn dakinhar ’il quddiem?
7 X’turija kienet taʼ dan il-mixi ’l quddiem meta, fl-1958, il-Belt taʼ New York rat l-akbar konvenzjoni li qatt kellhom ix-Xhieda taʼ Jehovah, Divine Will International Assembly (Assemblea Internazzjonali Rieda Divina), li għaliha attendew numru rekord taʼ 253,922 ruħ. Sa l-1970 ix-xogħol tagħhom kien infetaħ fit-tliet pajjiżi li ssemmew qabel, ħlief f’dik li qabel kienet magħrufa bħala l-Ġermanja tal-Lvant. Imma x-Xhieda kienu għadhom taħt projbizzjoni fl-Unjoni Sovjetika, li kienet immensa, u fil-ġnus alleati tagħha skond il-Patt taʼ Varsavja. Illum, f’dawn in-nazzjonijiet li qabel kienu Komunisti, hemm iktar minn nofs miljun Xhud attiv.
8. X’kien ir-riżultat tal-barka taʼ Jehovah fuq in-nies tiegħu, u The Watchtower taʼ l-1950 x’qal dwar dan?
8 Ix-Xhieda taʼ Jehovah ġew imberkin b’żjieda għaliex komplew ‘ifittxu l-ewwel is-Saltna u l-ġustizzja taʼ Alla.’ (Mattew 6:33) Il-profezija taʼ Isaija diġà twettqet letteralment: “L-iżgħar fostkom isir tribù u l-iċken isir ġens qawwi. Jien il-Mulej, li nfittex nagħmel dan kollu f’waqtu.” (Isaija 60:22) U dan mhux kollox. F’dawn l-aħħar għaxar snin biss, in-numru taʼ dawk li jitkellmu m’oħrajn favur it-tmexxija tas-Saltna żdied b’iktar minn 1,750,000 ruħ. Dawn minn jeddhom saru parti minn grupp taʼ nies li dwarhom il-Watchtower taʼ l-1950 għamel din l-osservazzjoni: “Alla issa qed iħejji soċjetà tad-dinja l-ġdida. . . . Dan il-grupp li se jkun il-qalba tad-dinja l-ġdida se jgħaddi minn Armageddon, . . . l-ewwel li se jkun preżenti fuq l-‘art il-ġdida’ . . . , organizzat b’mod teokratiku billi hu midħla sew tal-proċeduri organizzazzjonali.” L-artiklu kkonkluda: “Mela, ejja lkoll flimkien nimxu ’l quddiem b’pass determinat, bħala soċjetà tad-dinja l-ġdida!”
9. L-affarijiet li tgħallmu x-Xhieda taʼ Jehovah matul is-snin kif kienu taʼ benefiċċju għalihom?
9 Sadanittant, din is-soċjetà tad-dinja l-ġdida li qegħda dejjem tikber kisbet l-esperjenza u l-effiċjenza meħtieġa li tant huma imprezzabbli llum u li forsi saħansitra għad ikunu taʼ siwi fix-xogħol taʼ tiġdid wara Armageddon. Per eżempju, ix-Xhieda tgħallmu jorganizzaw konvenzjonijiet kbar ħafna, iwasslu fil-pront l-għajnuna f’każi t’emerġenza, u jibnu bini fi ftit żmien. Din l-attività kienet il-kaġun li ħafna bdew iħarsu lejn ix-Xhieda taʼ Jehovah b’ammirazzjoni u rispett.
Jinbidlu Opinjonijiet Żbaljati
10, 11. Uri kif inbidlu opinjonijiet żbaljati dwar ix-Xhieda taʼ Jehovah.
10 Minkejja dan, għad hemm nies li jakkużaw lix-Xhieda taʼ Jehovah li huma kontra s-soċjetà umana. Dan hu l-iktar minħabba li x-Xhieda jieħdu l-waqfa tagħhom ibbażata fuq il-Bibbja dwar kwistjonijiet bħalma huma t-trasfużjonijiet tad-demm, in-newtralità, it-tipjip, u l-morali. Imma n-nies iktar ma jmorru iktar qed jammettu li dak li jgħidu x-Xhieda taʼ min jagħti kasu. Per eżempju, tabiba fil-Polonja ċemplet l-uffiċċju taʼ l-amministrazzjoni tax-Xhieda taʼ Jehovah u qaltilhom li hi u l-kollegi tagħha fl-isptar damu sigħat sħaħ jiddibattu dwar is-suġġett tat-trasfużjonijiet tad-demm. Id-diskussjoni bdiet minħabba artiklu li deher dak in-nhar fil-gazzetta Pollakka Dziennik Zachodni. “Jien personalment jiddispjaċini meta nara li fil-qasam mediku qed jingħata d-demm għal kull ħaġa taʼ xejn,” ammettiet din it-tabiba. “Jeħtieġ li l-affarijiet jinbidlu, u ħadt gost li xi ħadd qajjem dan is-suġġett. Jien nixtieq iktar informazzjoni.”
11 Waqt konferenza li nżammet is-sena l-oħra, awtoritajiet mediċi mill-Kanada, l-Ewropa, l-Iżrael, u l-Istati Uniti ddiskutew materjal li kien maħsub biex jgħin lit-tobba jikkuraw pazjenti mingħajr l-użu tad-demm. F’din il-laqgħa li saret fl-Isvizzera ħareġ il-punt li, kontra taʼ dak li jaħsbu l-maġġuranza tan-nies, ir-rata taʼ mwiet f’pazjenti li ngħataw trasfużjonijiet tad-demm hi fil-fatt iktar għolja minn dik taʼ pazjenti li ma ngħatawx demm. Pazjenti li kienu Xhieda ġeneralment setgħu joħorġu mill-isptar qabel dawk li jkunu ngħataw id-demm, u b’hekk ħafna drabi l-kura kienet tkun tiswa inqas.
12. Agħti eżempju taʼ kif nies prominenti faħħru l-waqfa li ħadu x-Xhieda taʼ Jehovah f’dik li hi newtralità politika.
12 Saru wkoll ħafna kummenti pożittivi dwar il-waqfa newtrali li ħadu x-Xhieda taʼ Jehovah qabel u matul it-Tieni Gwerra Dinjija meta ssaportew b’kuraġġ kbir l-attakk brutali tan-Nazi. Il-vidjo Jehovah’s Witnesses Stand Firm Against Nazi Assault (Ix-Xhieda taʼ Jehovah Jieqfu Sodi Kontra l-Attakki tan-Nazi), li pproduċew ix-Xhieda taʼ Jehovah, intwera bix-xieraq għall-ewwel darba fil-kamp tal-konċentrament taʼ Ravensbrück, fil-Ġermanja nhar is-6 taʼ Novembru, 1996 fejn kiseb ħafna kummenti favorevoli. Saret preżentazzjoni simili fil-kamp tal-konċentrament magħruf taʼ Bergen-Belsen fit-18 t’April, 1998. Fil-ftuħ taʼ din il-preżentazzjoni Dr. Wolfgang Scheel, id-direttur taċ-Ċentru għall-Edukazzjoni Politika fin-naħa t’isfel tas-Sassonja, ammetta: “Waħda mill-veritajiet imbarazzanti taʼ l-istorja hi li x-Xhieda taʼ Jehovah rrifjutaw is-Soċjaliżmu Nazzjonali b’determinazzjoni ferm akbar minn dik tal-knejjes Kristjani. . . . Naħsbu x’naħsbu dwar it-tagħlim u ż-żelu reliġjuż tax-Xhieda taʼ Jehovah, irridu nammettu li s-sodizza li wrew matul ir-reġim tan-Nazi jixirqilha kull rispett.”
13, 14. (a) Liema osservazzjoni f’lokha għan-nom tal-Kristjani tal-bidu saret minn xi ħadd li lanqas biss kont tistennieha minnu? (b) Agħti eżempji taʼ kummenti favorevoli li saru għan-nom tan-nies t’Alla fi żmienna.
13 Il-fatt li nies prominenti jew il-qrati joħorġu xi stqarrija favur ix-Xhieda taʼ Jehovah fi kwistjonijiet taʼ kontroversja jistaʼ jwassal biex in-nies ma jibqgħux preġudikati kontrihom u jibdew iħarsu lejhom b’mod iktar pożittiv. Dan taʼ spiss jiftaħ it-triq biex ikunu jistgħu jkellmu lil nies li qabel qatt ma kienu lesti li jisimgħuhom. Għalhekk, ix-Xhieda taʼ Jehovah tgħidx kemm jieħdu gost bihom azzjonijiet bħal dawn u verament japprezzawhom. Dan ifakkarna dwar dak li ġara fl-ewwel seklu f’Ġerusalemm. Meta s-Sinedriju, il-qorti għolja Lhudija, ried jeħles mill-Kristjani minħabba l-ippridkar żeluż tagħhom, Gamaljel, “mgħallem fil-Liġi u miġjub mill-poplu kollu,” wissiehom u qal: “Rġiel taʼ Iżrael, iftħu għajnejkom x’sejrin tagħmlu lil dawn in-nies. . . . Ħallukom minn dawn in-nies u itilquhom. Għax dan il-ħsieb jew ħidma tagħhom, jekk hi ġejja mill-bnedmin, għad tisfaʼ fix-xejn; iżda jekk hi ġejja minn Alla, ma jseħħilkomx teqirduhom. Araw li ma ssibux ruħkom li qegħdin teħduha kontra Alla!”—Atti 5:33-39.
14 Bħal Gamaljel, xi nies prominenti dan l-aħħar tkellmu favur li x-Xhieda taʼ Jehovah jkollhom il-libertà reliġjuża. Per eżempju, dak li qabel kien iċ-chairman taʼ l-Akkademja Internazzjonali għal-Libertà tar-Reliġjon u t-Twemmin qal: “Id-drittijiet reliġjużi taʼ reliġjon m’għandhomx jiġu miċħudin sempliċement għaliex is-soċjetà tqis il-konvinzjonijiet taʼ din ir-reliġjon bħala inaċċettabbli jew mhux konvenzjonali.” U professur taʼ l-istudju xjentifiku dwar ir-reliġjon fl-università taʼ Leipzig qajjem mistoqsija f’waqtha rigward il-kummissjoni li nħatret mill-gvern Ġermaniż biex tinvestiga l-hekk imsejħa setet reliġjużi. Dan staqsa: “Għala għandhom jiġu investigati biss ir-reliġjonijiet iż-żgħar u mhux ukoll iż-żewġ knejjes il-kbar [il-Knisja Kattolika Rumana u l-Knisja Luterana]?” Ir-risposta nistgħu faċilment insibuha fil-kliem taʼ wieħed li qabel kien uffiċjal Ġermaniż, li kiteb: “M’hemm ebda dubju li wara l-kwinti kien hemm il-fanatiċi tal-knisja li ddettaw liema deċiżjoni politika kellha tieħu l-kummissjoni tal-gvern.”
Lejn Min Għandna Nduru għas-Serħan?
15, 16. (a) L-azzjoni li ħa Gamaljel għala kienet effettiva sa ċertu punt biss? (b) Tlieta min-nies importanti oħra kif kienu limitati f’dak li setgħu jagħmlu għal Ġesù?
15 Dak li qal Gamaljel sempliċement jenfasizza l-fatt li xogħol li jkollu l-appoġġ t’Alla ma jistax ikun li jfalli. Il-Kristjani tal-bidu żgur li bbenefikaw mill-kliem li hu qal lis-Sinedriju, però ma nsewx li anki l-kliem taʼ Ġesù, li s-segwaċi tiegħu kellhom jiġu persegwitati, kien minnu. L-azzjoni taʼ Gamaljel ġabet fix-xejn il-ħsieb tal-mexxejja reliġjużi biex joqtluhom, imma dan ma waqqafx il-persekuzzjoni għalkollox għax naqraw: “Mbagħad qagħdu fuq il-parir tiegħu. Sejjħu lill-appostli quddiemhom, u, wara li tawhom is-swat, ordnawlhom li ma jitkellmux fuq l-isem taʼ Ġesù; mbagħad telquhom.”—Atti 5:39, 40 [5:40, NW].
16 Meta Ġesù kien għaddej ġuri, Ponzju Pilatu, billi ma sab ebda ħtija fih, ipprova jeħilsu. Imma ma rnexxilux. (Ġwann 18:38, 39; 19:4, 6, 12-16) Anki ż-żewġ membri tas-Sinedriju, Nikodemu u Ġużeppi t’Arimatija, li kienu favur Ġesù, kienu limitati f’dak li setgħu jagħmlu biex ma jħallux il-qorti tieħu azzjoni kontra Ġesù. (Luqa 23:50-52; Ġwann 7:45-52; 19:38-40) Ikun xi jkun il-motiv tagħhom, xi nies jistgħu jiddefendu lix-Xhieda taʼ Jehovah u jiksbulhom xi ftit tas-serħan, imma dan jistaʼ jkun biss limitat. Id-dinja se tkompli tobgħodhom lis-segwaċi veri taʼ Kristu preċiż bħalma kienet tobgħod lilu. Jehovah biss jistaʼ jagħti serħan komplet.—Atti 2:24.
17. Liema ħarsa realistika għandhom ix-Xhieda taʼ Jehovah, imma għala ma jħalluhiex tiddgħajjef id-determinazzjoni tagħhom li jkomplu jippridkaw l-aħbar tajba?
17 Ix-Xhieda taʼ Jehovah huma realistiċi, u jistennew li jibqaʼ jkollhom il-persekuzzjoni. L-oppożizzjoni se tispiċċa biss meta s-sistema taʼ Satana tkun inqerdet għalkollox. Madankollu, din il-persekuzzjoni, għalkemm m’hijiex pjaċevoli, m’hijiex se żżomm lix-Xhieda milli jwettqu l-inkarigu tagħhom li jippridkaw dwar is-Saltna. Kif tistaʼ, la għandhom l-appoġġ t’Alla? Huma jistrieħu fuq il-Mexxej kuraġġuż tagħhom, Ġesù Kristu, bħala l-eżempju xieraq għalihom.—Atti 5:17-21, 27-32.
18. Liema diffikultà għad hemm għan-nies taʼ Jehovah, imma liema riżultat huma konvinti li se jkollhom?
18 Sa mill-bidunett, ir-reliġjon vera ffaċċjat oppożizzjoni ħarxa. Dalwaqt, se tkun il-mira t’attakk spjetat minn Gog, li hu Satana fil-kundizzjoni baxxa tiegħu mindu tkeċċa mis-sema. Imma r-reliġjon vera se tibqaʼ ħajja. (Eżekjel 38:14-16) “Is-slaten tad-dinja kollha,” taħt il-gwida taʼ Satana, se “jagħmlu gwerra lill-Ħaruf, u l-Ħaruf joħroġ rebbieħ fuqhom, għax hu Sid is-sidien u Sultan is-slaten.” (Apokalissi 16:14; 17:14) Iva, is-Sultan tagħna miexi ’l quddiem lejn ir-rebħa finali u dalwaqt se “jwettaq għalkollox il-konkwista tiegħu.” Xi privileġġ li ninsabu mexjin flimkien miegħu, billi nafu li fi ftit żmien ieħor ħadd ma se jerġaʼ jikkontradixxi lill-adoraturi taʼ Jehovah meta dawn jgħidu: “Alla hu magħna”!—Rumani 8:31; Filippin 1:27, 28.
Tistaʼ Tispjega?
• Jehovah x’għamel biex isaħħaħ lill-kongregazzjoni Kristjana mit-twelid tas-Saltna ’l hawn?
• Satana x’għamel biex jipprova jwaqqaf lil Kristu milli jwettaq għalkollox il-konkwista tiegħu, u b’liema riżultati?
• Kif għandna nħossuna dwar xi azzjoni favorevoli min-naħa taʼ dawk li m’humiex Xhieda?
• Satana x’se jagħmel dalwaqt, u x’se jkun ir-riżultat?
[Stampa f’paġna 18]
Il-konvenzjonijiet huma turija taʼ kemm qed jimxu ’l quddiem in-nies taʼ Jehovah
[Stampi f’paġna 20]
In-newtralità tax-Xhieda matul it-Tieni Gwerra Dinjija għadha ġġib tifħir lil Jehovah