Kif Tistaʼ Żżomm Ħarsa Bilanċjata Lejn il-Flus?
Ir-regħba għall-flus u x-xewqa li jkollok il-ġid m’humiex affarijiet ġodda, bħallikieku xi fenomenu reċenti, għax anki l-Bibbja ssemmihom. Ilhom minn żmien żemżem. Fil-Liġi Mosajka, Alla wissa lill-Iżraelin: “La tixtieqx dar għajrek . . . u xejn minn kull ma għandu għajrek.”—Eżodu 20:17.
IR-REGĦBA għall-flus u l-ġid kienet xi ħaġa komuni fi żmien Ġesù. Ikkunsidra din il-konversazzjoni bejn Ġesù u żagħżugħ “tassew għani.” “Ġesù qallu: ‘Ħaġa waħda tonqsok: bigħ kull ma għandek, agħtih lill-foqra, u jkollok teżor fis-smewwiet: mbagħad ejja u imxi warajja.’ Iżda dak, meta semgħu jgħid dan, sewwed qalbu ħafna, għax kien tassew għani.”—Luqa 18:18-23.
Ħarsa Xierqa Lejn il-Flus
Madankollu, inkunu qed nagħmlu ħażin jekk nikkonkludu li l-Bibbja tikkundanna l-flus fihom infushom jew kwalunkwe użu tagħhom. Il-Bibbja turi li l-flus jipprovdu difiża prattika kontra l-faqar u l-inkwiet li dan iġib miegħu, billi jippermettu lin-nies ikollhom in-neċessitajiet tal-ħajja. Is-Sultan Salamun kiteb: “Fih kenn l-għerf u fihom kenn il-flus.” U: “Biex jgħadduha tajjeb iħejju l-mejda, u l-inbid iferraħhom, u l-flus jagħmlu tajjeb għal kollox.”—Koħèlet 7:12; 10:19.
L-użu xieraq tal-flus huwa approvat minn Alla. Per eżempju, Ġesù qal: “Agħmlu għalikom infuskom ħbieb taʼ qligħ il-ħżunija.” (Luqa 16:9) Dan jinkludi li nagħtu kontribuzzjoni għall-avvanz tal-qima vera t’Alla, għax aħna mingħajr dubju nixtiequ lil Alla bħala l-Ħabib tagħna. Salamun stess, billi mexa fuq l-eżempju taʼ missieru, David, ikkontribwixxa ammonti kbar taʼ flus u affarijiet prezzjużi għall-bini tat-tempju taʼ Jehovah. Kmand Kristjan ieħor hu li nagħtu għajnuna materjali lil dawk fil-bżonn. “Aqsmu ġidkom mal-qaddisin li jinsabu fil-bżonn,” qal l-appostlu Pawlu. Hu żied: “Ilqgħu f’darkom lill-barranin.” (Rumani 12:13) Dan taʼ spiss jinvolvi li nonfqu xi ftit tal-flus. Madankollu, xi ngħidu dwar ir-regħba għall-flus?
‘L-Imħabba għall-Fidda’
Pawlu ddiskuta fit-tul dwar “ir-regħba għall-flus”—jew letteralment, “l-imħabba għall-fidda”—meta kien qed jikteb liż-żagħżugħ Kristjan sieħbu Timotju. It-twissija taʼ Pawlu tistaʼ tinstab fl-1 Timotju 6:6-19. Hu tkellem dwar “ir-regħba għall-flus” waqt li kien qed jikkunsidra s-suġġett taʼ l-affarijiet materjali. Nagħmlu tajjeb jekk nistudjaw bir-reqqa l-kummenti ispirati taʼ Pawlu, meta nqisu l-enfasi li qed titpoġġa fuq il-flus mis-soċjetà taʼ llum. Eżaminar bħal dan hu mingħajr dubju taʼ benefiċċju għax jirrivela s-sigriet dwar kif ‘niksbu l-ħajja, il-ħajja vera.’
Pawlu jwissi: “Ir-regħba għall-flus hi l-għerq taʼ kull ħażen; kien ħtija taʼ din ir-regħba li xi wħud ħarġu barra mit-triq tal-fidi u nfnew b’niket kbir.” (1 Timotju 6:10) Dan il-vers ma jgħidx li l-flus fihom infushom huma ħżiena—u l-ebda skrittura oħra ma tgħid dan. L-appostlu lanqas ma jgħid li l-flus huma l-kaġun prinċipali tal-“ħażen” jew li huma r-raġuni bażika taʼ kull problema. Minflok, ir-regħba għall-flus tistaʼ tkun kaġun—anki jekk mhux l-uniku kaġun—taʼ kull “ħażen.”
Oqgħod Attent mir-Regħba
Il-fatt li l-flus fihom infushom m’humiex kundannati fl-Iskrittura m’għandux inaqqas l-importanza tat-twissija taʼ Pawlu. Il-Kristjani li jibdew ikollhom ir-regħba għall-flus ikunu qed jiftħu l-bieb għal kull tip taʼ problema, li l-agħar waħda minnhom hi li jabbandunaw il-fidi. Din il-verità tiġi msaħħa minn dak li qal Pawlu lill-Kristjani f’Kolossi: “Mewwtu ġo fikom dak kollu li hu taʼ l-art: . . . xewqat ħżiena, u r-regħba li hi idolatrija.” (Kolossin 3:5) Kif jistaʼ jkun li x-xenqa, il-kilba, jew “ir-regħba għall-flus” huma l-istess bħall-idolatrija? Ifisser dan li hu ħażin li tkun tixtieq dar akbar, karozza iktar ġdida, jew xogħol li jħallilek iktar qligħ? Le, xejn minn dawn l-affarijiet m’huma ħżiena fihom infushom. Il-mistoqsija hi: X’inhi dik il-ħaġa li tqanqal il-qalb taʼ dak li jkun biex jixtieq dawn l-affarijiet, u huma dawn verament bżonnjużi?
Id-differenza bejn xewqa normali u r-regħba tistaʼ titqabbel mad-differenza bejn ħuġġieġa żgħira li fuqha tistaʼ ssajjar l-ikel u l-fjammi għoljin li jeqirdu foresta sħiħa. Xewqa f’lokha u xierqa tistaʼ tkun t’għajnuna. Din tqanqalna biex naħdmu u nkunu produttivi. Proverbji 16:26 jgħid: “Il-ħaddiem jaħdem għax irid jiekol, għax il-ġuħ iġiegħlu jaħdem.” Imma r-regħba hija perikoluża u distruttiva. Hija xewqa bla kontroll.
Li nikkontrollaw ix-xewqa tagħna għall-flus hija l-problema prinċipali. Sejrin il-flus li nġemmgħu jew l-affarijiet materjali li rridu jissodisfaw il-bżonnijiet tagħna, jew il-bżonnijiet tagħna se jagħmluna lsiera tal-flus? Huwa għalhekk li Pawlu jgħid li min hu “rgħib . . . hu idolatra.” (Efesin 5:5) Li nkunu rgħiba għal xi ħaġa fir-realtà jfisser li nċedu għaliha—fil-fatt, din nagħmluha s-sid tagħna, l-alla tagħna, il-ħaġa li naqdu. B’kuntrast, Alla jinsisti: “Ma jkollokx allat oħra għajri.”—Eżodu 20:3.
Il-fatt li nkunu rgħiba jindika wkoll li m’aħniex fiduċjużi li Alla se jwettaq il-wegħda tiegħu li jipprovdilna dak li għandna bżonn. (Mattew 6:33) Mela, ir-regħba twassalna biex nitbegħdu minn Alla. F’dan is-sens ukoll, hi “idolatrija.” Mhux taʼ b’xejn li Pawlu jwissi b’mod daqshekk ċar kontriha!
Ġesù wkoll ta twissija diretta kontra r-regħba. Hu kkmandana biex noqogħdu attenti milli nixxennqu għal xi ħaġa li m’għandniex: “Iftħu għajnejkom u ħarsu rwieħkom minn kull regħba, għax imqar jekk wieħed ikollu bir-radam, ħajtu ma tiddependix mill-ġid li jkollu.” (Luqa 12:15) Skond din is-silta u t-tixbieha li Ġesù jagħti eżattament wara, ir-regħba hija bbażata fuq il-ħarsa bla għaqal li l-iktar ħaġa importanti fil-ħajja hi kemm għandek affarijiet. Dawn jistgħu jkunu l-flus, il-pożizzjoni, il-poter, jew affarijiet simili. Tistaʼ tkun rgħib għal kwalunkwe ħaġa li tistaʼ tinkiseb. Forsi naħsbu li dik il-ħaġa se tagħmilna kuntenti. Imma skond il-Bibbja u l-esperjenza tal-bniedem, Alla biss jistaʼ jissodisfa l-bżonnijiet veri tagħna, bħalma rraġuna Ġesù mas-segwaċi tiegħu. U fil-fatt Alla hekk se jagħmel.—Luqa 12:22-31.
Is-soċjetà taʼ llum, li moħħha biss biex tixtri u tbigħ oġġetti tal-konsum, qed tħeġġeġ lil dak li jkun biex isir rgħib. Influwenzati minn modi sottili imma fl-istess ħin qawwijin, ħafna nies qed jibdew jemmnu li dak li għandhom m’huwiex biżżejjed. Għandhom bżonn iktar affarijiet, u li huma akbar, u aqwa. Filwaqt li ma nistgħux nittamaw li nbiddlu d-dinja taʼ madwarna, kif nistgħu nirreżistuha personalment din it-tendenza?
Il-Kuntentizza Kontra r-Regħba
Pawlu joffri l-alternattiva għar-regħba, li hi l-kuntentizza. Hu jgħid: “Sakemm għandna x’nieklu u x’nilbsu, dan għandu jkun biżżejjed għalina.” (1 Timotju 6:8) Din id-deskrizzjoni taʼ dak kollu li għandna bżonn—“x’nieklu u x’nilbsu”—tistaʼ tinstemaʼ daqsxejn sempliċi. Ħafna nies jieħdu pjaċir jaraw ċerti programmi tat-televixin li juruhom id-djar lussużi li fihom jgħixu ċ-ċelebritajiet. Dan mhux il-mod li bih tikseb il-kuntentizza.
M’għandniex xi ngħidu, il-qaddejja t’Alla m’humiex mistennijin jgħixu fil-faqar. (Proverbji 30:8, 9) Madankollu, Pawlu jfakkarna xi jfisser tassew il-faqar: nuqqas taʼ ikel, ilbies, u kenn adegwat fejn wieħed jistaʼ jgħix. Mill-banda l-oħra, jekk ikollna dawn l-affarijiet għandna l-bażi għall-kuntentizza.
Setaʼ Pawlu jkun sinċier dwar din id-deskrizzjoni tal-kuntentizza? Huwa tassew possibbli li nkunu sodisfatti bl-affarijiet bażiċi biss—ikel, ilbies, u kenn? Pawlu setaʼ jkun jaf dan personalment. Hu esperjenza direttament il-ġid materjali u l-vantaġġi speċjali taʼ pożizzjoni għolja fil-komunità Lhudija u taċ-ċittadinanza Rumana. (Atti 22:28; 23:6; Filippin 3:5) Pawlu sofra wkoll provi ħorox fl-attivitajiet missjunarji tiegħu. (2 Korintin 11:23-28) Permezz taʼ dan kollu, hu tgħallem sigriet li għenu jżomm il-kuntentizza. X’kien dan?
“Jien Tgħallimt is-Sigriet”
Pawlu spjega f’waħda mill-ittri tiegħu: “Jien naf tabilħaqq kif inkun baxx fi proviżjonijiet, naf tabilħaqq kif ikolli abbundanza. F’kollox u fiċ-ċirkustanzi kollha jien tgħallimt is-sigriet taʼ kif inkun mimli u kif inkun bil-ġuħ, kemm kif ikolli abbundanza u kemm kif inbati l-bżonn.” (Filippin 4:12, NW) Pawlu jinstemaʼ tant fiduċjuż, tant ottimist! Nistgħu faċilment nassumu li ħajtu kienet ward u żahar meta kiteb dan il-kliem, imma ma kienx hekk. Hu kien fil-ħabs ġewwa Ruma!—Filippin 1:12-14.
Jekk noqogħdu naħsbu ftit, din is-silta twassal messaġġ qawwi dwar il-kwistjoni tal-kuntentizza mhux biss bil-ġid materjali imma wkoll fi kwalunkwe ċirkustanza. Kemm l-għana u kemm il-provi estremi jistgħu jittestjaw x’inhuma l-prijoritajiet tagħna. Pawlu tkellem dwar ir-riżorsi spiritwali li ġagħluh ikun kuntent minkejja ċ-ċirkustanzi materjali: “Għal kollox niflaħ bis-saħħa taʼ [Alla] li jqawwini.” (Filippin 4:13) Minflok ma kien jiddependi mill-ġid tiegħu, ħafna jew ftit, jew miċ-ċirkustanzi tiegħu, favorevoli jew mhux, Pawlu dar lejn Alla biex jissodisfa l-bżonnijiet tiegħu. Ir-riżultat kien li kellu l-kuntentizza.
L-eżempju taʼ Pawlu kien importanti ħafna għal Timotju. L-appostlu ħeġġeġ liż-żagħżugħ biex isegwi stil taʼ ħajja li jpoġġi d-devozzjoni lejn Alla u r-relazzjoni mill-qrib m’Alla qabel l-għana materjali. Pawlu qal: “Imma int, bniedem taʼ Alla, aħrab dan kollu; fittex li jkollok ġustizzja, it-tjieba, il-fidi, l-imħabba, is-sabar, il-ħlewwa.” (1 Timotju 6:11) Dan il-kliem forsi kien indirizzat lil Timotju, imma japplika għal kulmin irid jonora lil Alla u jkollu ħajja tassew ferħana.
Timotju kellu bżonn joqgħod attent mir-regħba sewwa sew bħal kwalunkwe Kristjan ieħor. Mid-dehra, fil-kongregazzjoni taʼ Efesu fejn kien meta kitiblu Pawlu, kien hemm kredenti għonja. (1 Timotju 1:3) Pawlu kien mar ixandar l-aħbar tajba taʼ Kristu f’dan iċ-ċentru kummerċjali prosperuż, u kien ikkonverta lil ħafna. Mingħajr ebda dubju, xi wħud minn dawn kienu nies għonja, bħalma huma xi wħud fil-kongregazzjoni Kristjana llum.
Mela l-mistoqsija, speċjalment kif nitgħallmu mill-1 Timotju 6:6-10, hi: X’għandhom jagħmlu dawk in-nies b’iktar riżorsi finanzjarji jekk iridu jonoraw lil Alla? Pawlu jgħid li jridu jibdew billi jeżaminaw l-attitudni tagħhom. Hemm it-tendenza li minħabba l-flus wieħed iħossu indipendenti. Pawlu jgħid: “Lil dawk li huma għonja bil-ġid taʼ din l-art widdibhom biex ma jitkabbrux u ma jqegħdux it-tama tagħhom f’għana li ma tistax torbot fuqu, imma li għandhom jittamaw f’Alla li jagħtina kollox bix-xabaʼ biex ingawdu bih.” (1 Timotju 6:17) Nies għonja jridu jitgħallmu jħarsu lil hinn mill-flus; għandhom bżonn iduru lejn Alla, is-sors oriġinali taʼ kwalunkwe għana materjali.
Imma l-attitudni hija biss parti mis-soluzzjoni. Illum jew għada, il-Kristjani għonja jridu jitgħallmu jagħmlu użu tajjeb mill-ġid tagħhom. Pawlu jwissi: ‘Agħmlu l-ġid, stagħnew b’opri tajba, kunu ġenerużi u aqsmu maʼ l-oħrajn.’—1 Timotju 6:18.
“Il-Ħajja Vera”
L-objettiv prinċipali tal-parir taʼ Pawlu hu li rridu nfakkru lilna nfusna dwar sa liema punt huma importanti l-affarijiet materjali. Il-Kelma t’Alla tgħid: “Ġid l-għani hu belt qawwija għalih; jistħajjlu sur għoli madwaru.” (Proverbji 18:11) Iva, fl-aħħar mill-aħħar, is-sigurtà li tistaʼ tipprovdi l-għana materjali hija biss immaġinarja u fil-fatt tqarraq b’dak li jkun. Huwa ħażin li niċċentraw ħajjitna fuq il-flus minflok fuq li niksbu l-approvazzjoni t’Alla.
Il-fatt li l-ġid materjali mhux taʼ min joqgħod fuqu jurina li ma tantx huwa għaqli li nittamaw fih. It-tama ġenwina trid tkun ankrata f’xi ħaġa soda, sinifikanti, u dejjiema. It-tama Kristjana hija ffokata fuq il-Ħallieq tagħna, Alla Jehovah, u l-wegħda tiegħu taʼ ħajja taʼ dejjem. Filwaqt li huwa veru li l-flus ma jistgħux jixtru l-hena, huwa ferm iktar minnu li l-flus ma jistgħux jixtru s-salvazzjoni. Il-fidi tagħna f’Alla biss tistaʼ tagħtina tama bħal din.
Għalhekk, kemm jekk aħna għonja u kemm jekk aħna fqar, ejja ngħixu ħajja li ġġagħalna ‘nistagħnew quddiem Alla.’ (Luqa 12:21) Xejn m’hu iktar taʼ valur minn waqfa approvata mal-Ħallieq. L-isforzi kollha li nagħmlu biex inżommuha se jgħinuna ‘naħżnu għalina nfusna teżor sabiħ għal li ġej, biex bih niksbu l-ħajja, il-ħajja vera.’—1 Timotju 6:19.
[Stampa f’paġna 7]
Pawlu tgħallem is-sigriet tal-kuntentizza
[Stampi f’paġna 8]
Nistgħu nkunu ferħanin u kuntenti b’dak li għandna