Teħtieġ l-Għajnuna biex Tifhem il-Bibbja
IL-BIBBJA hija ktieb uniku. Dawk li kitbuha jsostnu li kienu mnebbħin minn Alla, u dak li hemm miktub fiha jipprovdi provi biżżejjed li dak li jsostnu huwa minnu. (2 Timotju 3:16) Fost affarijiet oħra, il-Bibbja turi minfejn ġejna, għala qegħdin hawn, u x’se jsir minna. Żgur li dan hu ktieb taʼ min jiftħu u jara x’fih!
Forsi int ipprovajt taqra l-Bibbja imma sibtha tqila wisq biex tifhimha. Jew forsi ma tafx kif issib it-tweġibiet għall-mistoqsijiet tiegħek. Jekk inhu hekk, m’intix waħdek. Int qiegħed fl-istess sitwazzjoni li kien fiha wieħed raġel lura fl-ewwel seklu li kien qed jivvjaġġa f’karru minn Ġerusalemm lejn pajjiżu, l-Etjopja. Dan kien uffiċjal Etjopjan li kien qed jaqra b’leħen għoli minn Isaija, wieħed mill-kotba profetiċi tal-Bibbja, miktub iktar minn sebaʼ mitt sena qabel.
F’daqqa waħda, beda jkellmu wieħed raġel li kien qed jiġri maġenb il-karru. Dan kien wieħed mid-dixxipli taʼ Ġesù jismu Filippu, li staqsa lill-Etjopjan: “Dan li qed taqra qiegħed tifhmu?” L-Etjopjan wieġbu: “Kif nistaʼ nifhem jekk xi ħadd ma jurinix?” Imbagħad stieden lil Filippu biex jitlaʼ ħdejh fil-karru. Filippu spjegalu x’kienet tfisser dik is-silta li kien qed jaqra u kompla jxandarlu “l-Evanġelju [dwar] Ġesù.”—Atti 8:30-35.
Bħalma Filippu għen lil dak l-Etjopjan jifhem il-Kelma t’Alla żmien twil ilu, hekk ukoll ix-Xhieda taʼ Jehovah qed jgħinu lin-nies jifhmu l-Bibbja llum. Huma jixtiequ jgħinu lilek ukoll. Ġeneralment, l-aħjar mod biex tistudja l-Bibbja jkun pass pass, billi l-ewwel tibda bit-tagħlim Skritturali bażiku. (Lhud 6:1) Hekk kif tibda tagħmel progress, se tkun kapaċi tifhem dak li l-appostlu Pawlu sejjaħlu “ikel sħiħ,” jiġifieri, veritajiet iktar profondi. (Lhud 5:14) Għalkemm hija l-Bibbja li int qed tistudja, hemm pubblikazzjonijiet oħra li jgħinuk tistudja l-Bibbja u li permezz tagħhom tkun tistaʼ ssib u tifhem xi siltiet mill-Bibbja li jkunu jitkellmu dwar suġġetti differenti.
Ġeneralment, l-istudju jsir fejn u meta jkun konvenjenti għalik. Hemm anki min jistudja bit-telefon. Dan l-istudju ma jsirx bħallikieku qiegħed l-iskola, imma jsir privatament u jiġi addattat apposta għalik, għaliex iċ-ċirkustanzi, it-trobbija, u l-edukazzjoni m’humiex taʼ kulħadd xorta. L-istudju tal-Bibbja jsir bla ħlas. (Mattew 10:8) M’hemmx eżamijiet, u m’intix se tħossok imbarazzat. Il-mistoqsijiet li jkollok jiġu mweġbin, u int se titgħallem kif tersaq eqreb lejn Alla. Iżda, għala għandek bżonn tistudja l-Bibbja? Ikkunsidra xi raġunijiet għala studju tal-Bibbja jistaʼ jagħmlek iktar kuntent.