Filippu—Evanġelista Żeluż
FL-ISKRITTURA hemm ħafna rakkonti taʼ rġiel u nisa li kellhom fidi taʼ min jimitaha. Ikkunsidra lil Filippu, missjunarju Kristjan li kien jgħix fl-ewwel seklu. Hu ma kienx appostlu, u madankollu kien għodda qawwija fit-tixrid tal-messaġġ tas-Saltna. Fil-fatt, Filippu sar magħruf bħala “l-evanġelista.” (Atti 21:8) Filippu għala kien magħruf b’dan il-laqam? U x’nistgħu nitgħallmu minnu?
Filippu jissemma għall-ewwel darba fil-Bibbja ftit wara Pentekoste tas-sena 33 E.K. Dak iż-żmien, il-Lhud li kienu jitkellmu bil-Grieg bdew igergru kontra l-Lhud li kienu jitkellmu bl-Ebrajk, billi sostnew li r-romol tagħhom kienu qed jinqabżu fit-tqassim taʼ kuljum taʼ l-ikel. Biex isolvu din il-kwistjoni, l-appostli ħatru ‘sebat irġiel li kellhom isem tajjeb.’ Filippu kien fost dawk magħżulin.—Atti 6:1-6.
Dawn is-sebat irġiel kellhom “isem tajjeb.” In-New World Translation tgħid li kienu “ċċertifikati.” Iva, meta nħatru kienu diġà magħrufin bħala rġiel spiritwali li kienu prattiċi fil-mod taʼ ħsieb tagħhom. Huwa simili fil-każ taʼ dawk li jaqdu bħala indokraturi Kristjani llum. Dawn l-irġiel ma jinħatrux kif ġieb u laħaq. (1 Timotju 5:22) Irid ikollhom “isem tajjeb mal-barranin,” u Kristjani sħabhom għandhom ikunu jafuhom bħala rġiel raġunevoli li għandhom moħħ f’loku.—1 Timotju 3:2, 3, 7; Filippin 4:5, NW.
L-evidenza turi li Filippu kien iwettqu tajjeb l-inkarigu tiegħu f’Ġerusalemm. Madankollu, malajr faqqgħet mewġa taʼ persekuzzjoni ħarxa li xerrdet lis-segwaċi taʼ Kristu. Filippu telaq mill-belt, bħalma għamlu xi oħrajn, imma l-ministeru tiegħu ma spiċċax hawn. F’qasir żmien, hu kien medhi jippriedka f’territorju ġdid—is-Samarija.—Atti 8:1-5.
Jiftaħ Territorji Ġodda
Ġesù kien bassar li d-dixxipli tiegħu kellhom jippridkaw “f’Ġerusalemm, fil-Lhudija kollha u s-Samarija u sa truf l-art.” (Atti 1:8) Billi ppriedka fis-Samarija, Filippu kien qed ikollu sehem fit-twettiq taʼ dan il-kliem. Il-Lhud ġeneralment ftit kellhom stima lejn is-Samaritani. Imma Filippu ma ġġudikahomx minn qabel lil dawn in-nies, u l-imparzjalità tiegħu tbierket. Tabilħaqq, kien hemm ħafna Samaritani li tgħammdu, inkluż raġel li qabel kien jagħmel is-sħarijiet u li kien jismu Xmun.—Atti 8:6-13.
Maż-żmien, l-anġlu taʼ Jehovah dderieġa lil Filippu biex jgħaddi mit-triq fid-deżert li kienet tieħu minn Ġerusalemm għal Gaża. Hemmhekk Filippu lemaħ karru li kien qed iġorr uffiċjal Etjopjan li kien qed jaqra jgħajjat mill-profeziji taʼ Isaija. Filippu beda jiġri maġenb il-karru u qabad konversazzjoni. Għalkemm l-Etjopjan kien proselita li kellu xi ftit għarfien dwar Alla u l-Iskrittura, hu bl-umiltà kollha ammetta li kellu bżonn l-għajnuna biex jifhem dak li kien qed jaqra. Għalhekk, stieden lil Filippu biex jitlaʼ fuq il-karru u joqgħod bil-qegħda ħdejh. Wara li ngħata xiehda, waslu ħdejn medda taʼ ilma. “X’qiegħed iżommni li ma nitgħammidx?” staqsa l-Etjopjan. Filippu għammdu dak il-ħin stess, u l-Etjopjan baqaʼ sejjer fi triqtu kollu ferħan. X’aktarx li dan id-dixxiplu ġdid xerred l-aħbar tajba lura f’art twelidu.—Atti 8:26-39.
X’nistgħu nitgħallmu mill-ministeru taʼ Filippu li kien jinvolvi s-Samaritani u l-uffiċjal Etjopjan? Qatt m’għandna nassumu li individwi taʼ ċerta nazzjonalità, razza, jew stat soċjali m’humiex se jkunu interessati fl-aħbar tajba. Minflok, għandna niddikjaraw il-messaġġ tas-Saltna lil “kulħadd.” (1 Korintin 9:19-23) Jekk nagħmlu lilna nfusna disponibbli billi nippridkaw lil kulħadd, Jehovah jistaʼ jużana fix-xogħol taʼ li ‘nagħmlu dixxipli mill-ġnus kollha’ qabel ma jasal it-tmiem taʼ din is-sistema ħażina.—Mattew 28:19, 20.
Privileġġi Oħrajn li Kellu Filippu
Wara li ppriedka lill-uffiċjal Etjopjan, Filippu ta xiehda f’Ażotu, u “huwa u għaddej minn dawk l-inħawi, kien ixandar l-Evanġelju f’kull belt sakemm wasal Ċesarija.” (Atti 8:40) Fl-ewwel seklu, dawn iż-żewġt ibliet kellhom popolazzjonijiet Ġentili mdaqqsin. X’aktarx li meta kien fi triqtu lejn it-tramuntana, hu u sejjer Ċesarija, Filippu ppriedka f’ċentri prominenti tal-Lhud, bħal dawk taʼ Lidda u Ġaffa. Forsi din hija r-raġuni għala iktar tard kien hemm xi dixxipli f’dawn l-inħawi.—Atti 9:32-43.
L-aħħar darba li jissemma Filippu hija xi 20 sena wara. Fi tmiem it-tielet vjaġġ missjunarju tiegħu, Pawlu żbarka fi Ptolemajs. ‘L-għada tlaqna u morna Ċesarija, u dħalna fid-dar taʼ Filippu l-evanġelista,’ jgħid Luqa, li kien qed jivvjaġġa maʼ Pawlu. Sa dakinhar Filippu kien laħaq kellu “erbaʼ xebbiet, li kellhom id-don tal-profezija.”—Atti 21:8, 9.
Milli jidher, Filippu kien mar joqgħod f’Ċesarija. Imma ma kienx tilef l-ispirtu taʼ missjunarju li kellu, għaliex Luqa jsejjaħlu “l-evanġelista.” Din l-espressjoni taʼ spiss tindika xi ħadd li jħalli daru biex jippriedka l-aħbar tajba f’reġjuni mhux maħdumin. Il-fatt li Filippu kellu erbaʼ xebbiet li kienu jipprofetizzaw jissuġġerixxi li huma segwew l-eżempju żeluż taʼ missierhom.
Ġenituri Kristjani fi żmienna jridu jiftakru li wliedhom huma l-iktar dixxipli importanti li jistgħu jħarrġu. Anki jekk xi ġenituri jkollhom iċedu ċerti privileġġi teokratiċi minħabba r-responsabbiltajiet tal-familja, bħal Filippu, huma jistgħu jibqgħu jkunu qaddejja li jaqdu lil Alla b’qalb sħiħa, u ġenituri eżemplari.—Efesin 6:4.
Iż-żjara taʼ Pawlu u sħabu offriet opportunità mill-aħjar lill-familjari taʼ Filippu biex juru ospitalità. Immaġina ftit kemm inkuraġġew lil xulxin! Forsi kien f’din l-okkażjoni li Luqa ġabar id-dettalji taʼ l-attivitajiet taʼ Filippu, li mbagħad ġew inklużi f’Atti kapitli 6 u 8.
Alla Jehovah uża lil Filippu b’mod estensiv biex javanza l-interessi tas-Saltna. Iż-żelu li kellu Filippu għenu jxerred l-aħbar tajba f’territorji ġodda u jippromwovi atmosfera spiritwali u edifikanti ġewwa d-dar tiegħu. Tixtieq tgawdi privileġġi u barkiet bħal dawn? Mela allura tagħmel tajjeb jekk timita l-kwalitajiet murijin minn Filippu l-evanġelista.