Bijografija
Dawl Spiritwali Jiddi fil-Lvant Nofsani
KIF RAKKONTATA MINN NAJIB SALEM
Fl-ewwel seklu E.K., id-dawl tal-Kelma t’Alla beda jiddi mil-Lvant Nofsani u xtered sa truf l-art. Matul is-seklu 20, dak id-dawl reġaʼ lura biex idawwal dik il-parti tad-dinja għal darb’oħra. Ħalli ngħidlek kif ġara dan.
JIEN twelidt fl-1913 fil-belt taʼ Amioun, fit-tramuntana tal-Libanu. Dik kienet l-aħħar sena taʼ stabbiltà relattiva u kalma fid-dinja, għax is-sena taʼ wara faqqgħet l-Ewwel Gwerra Dinjija. Meta ntemmet il-gwerra fl-1918, il-Libanu, li dak iż-żmien kien magħruf bħala l-ġawhra tal-Lvant Nofsani, kien fallut kemm ekonomikament kif ukoll politikament.
Fl-1920, meta s-servizzi postali reġgħu bdew jaħdmu fil-Libanu, bdew jaslu ittri mingħand nies Lebaniżi li kienu jgħixu barra l-pajjiż. Fosthom kien hemm dawk taz-zijiet tiegħi Abdullah u George Ghantous. Dawn kitbu lil missierhom, Habib Ghantous, li kien jiġi nannuwi, biex jgħidulu dwar is-Saltna t’Alla. (Mattew 24:14) Għax sempliċement irrakkonta lil sħabu tal-belt x’kien fihom l-ittri taʼ wliedu, lin-nannu bdew iwaqqgħuh għaċ-ċajt. In-nies tal-belt xerrdu x-xniegħa li wlied Habib kienu qed iħeġġu lil missierhom ibigħ l-art li kellu, jixtri ħmar, u jmur jippriedka.
Id-Dawl Jinfirex minn Kmieni
Is-sena taʼ wara, fl-1921, Michel Aboud, li kien qed joqgħod Brooklyn, New York, fl-Istati Uniti, ġie lura Tripli, fil-Libanu. Kien sar Student tal-Bibbja, bħalma kienu magħrufin dak iż-żmien ix-Xhieda taʼ Jehovah. Għalkemm il-biċċa l-kbira mill-ħbieb u l-qraba taʼ Ħuna Aboud ma laqgħuhx il-messaġġ tal-Bibbja, kien hemm żewġ persuni magħrufa li laqgħuh. Dawn kienu Ibrahim Atiyeh, li kien professur, u Hanna Shammas, li kien dentist. Dr. Shammas, fil-fatt, ħalla d-dar u l-klinika tiegħu jintużaw għal-laqgħat Kristjani.
Kont għadni daqsxejn taʼ tifel meta Ħuna Aboud u Ħuna Shammas żaru Amioun, fejn kont noqgħod jien. Iż-żjara tagħhom kellha effett profond fuqi, u bdejt immur maʼ Ħuna Aboud fix-xogħol taʼ l-ippridkar. It-tnejn li aħna konna noħorġu regolarment flimkien fil-ministeru għal 40 sena, sakemm Ħuna Aboud miet fl-1963.
Bejn l-1922 u l-1925, id-dawl tal-verità tal-Bibbja xtered sew f’bosta rħula fit-tramuntana tal-Libanu. Bejn 20 u 30 ruħ kienu jiltaqgħu biex jiddiskutu l-Bibbja fi djar privati, bħad-dar tagħna ġewwa Amioun. Il-membri tal-kleru kienu jibagħtu lit-tfal biex joqogħdu jħabbtu fuq il-bottijiet tal-landa u jgħajtu u jwerżqu biex jipprovaw jisfrattawlna l-laqgħat, u għalhekk xi kultant konna niltaqgħu fil-foresta.
Meta kont għadni żgħir, peress li kelli ħeġġa kbira għall-ministeru u kont nattendi l-laqgħat Kristjani kollha, laqqmuni Timotju. Id-direttur taʼ l-iskola ordnali biex ma nkomplix nattendi “dawk il-laqgħat,” kif kien isejħilhom hu. Meta rrifjutajt, keċċieni mill-iskola.
Nagħti Xiehda f’Artijiet Bibliċi
Ftit wara li tgħammidt fl-1933 bdejt fis-servizz taʼ pijunier, il-ministeru full-time kif isejħulu x-Xhieda taʼ Jehovah. Għalkemm konna ftit dak iż-żmien, mhux biss ippridkajna kważi fl-irħula kollha fin-naħa taʼ fuq tal-Libanu imma wasalna wkoll sa Bejrut u l-inħawi taʼ madwaru u bqajna neżlin san-naħa t’isfel tal-Libanu. Ġeneralment, f’dawk iż-żminijiet tal-bidu, konna nivvjaġġaw bil-mixi jew fuq xi ħmar, bħalma għamlu Ġesù Kristu u s-segwaċi tiegħu fl-ewwel seklu.
Fl-1936, Yousef Rahhal, Xhud Lebaniż li kien għex fl-Istati Uniti għal bosta snin, ġie lura l-Libanu biex iżurna. Miegħu ġab sistema taʼ mikrofoni u loudspeakers u żewġ kaxxi tad-daqq. Għabbejna kollox fuq karozza Ford taʼ l-1931 u vvjaġġajna mal-Libanu kollu u s-Sirja, inġorru l-messaġġ tas-Saltna lejn inħawi li diffiċli biex jintlaħqu. Il-loudspeaker setaʼ jinstemaʼ minn xi 10 kilometri ’l bogħod. In-nies kienu jitilgħu fuq il-bjut biex jisimgħu dawk il-vuċijiet li huma kienu jistħajluhom ġejjin mis-sema. Nies li kienu jkunu qegħdin jaħdmu fl-għelieqi kienu jitilqu kollox u jersqu qrib biex jisimgħu.
Wieħed mill-aħħar vjaġġi li għamilt maʼ Yousef Rahhal kien lejn Aleppo, fis-Sirja, fix-xitwa taʼ l-1937. Qabel mar lura lejn l-Istati Uniti vvjaġġajna wkoll sal-Palestina. Hemm żorna l-bliet taʼ Ħajfa u Ġerusalemm, u anki l-irħula fil-kampanja. Wieħed li għamilna kuntatt miegħu kien Ibrahim Shehadi, li jien kont sirt nafu iktar qabel bl-ittri li konna niktbu lil xulxin. Ibrahim kien għamel progress biżżejjed fl-għarfien tal-Bibbja tant li matul iż-żjara tagħna beda jiġi magħna fil-ministeru minn dar għal dar.—Atti 20:20.
Kont ħerqan ukoll biex niltaqaʼ mal-Professur Khalil Kobrossi, wieħed Kattoliku ferventi li kien qed jistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Jehovah permezz taʼ l-ittri. Dan kif kien irnexxielu jikseb l-indirizz tax-Xhieda fil-Libanu? Sewwa, ġewwa ħanut f’Ħajfa, sid il-ħanut kien geżwer l-affarijiet li kien xtara Khalil f’karta li ġiet maqtugħa minn waħda mill-pubblikazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Jehovah. Dik il-karta kellha l-indirizz tagħna fuqha. It-tnejn li aħna ħadna gost b’dik iż-żjara, u iktar tard, fl-1939, hu ġie Tripli biex jitgħammed.
Fl-1937 waslu Tripli Petros Lagakos u martu. Għal xi snin, it-tlieta li aħna dorna kważi l-Libanu u s-Sirja kollha, billi morna għand in-nies fi djarhom bil-messaġġ tas-Saltna. Sa ma miet Ħuna Lagakos fl-1943, ix-Xhieda kienu ġarrew id-dawl spiritwali lejn il-biċċa l-kbira mill-bliet u l-irħula tal-Libanu, is-Sirja, u l-Palestina. Xi drabi, madwar 30 minna konna nerħulha minn kmieni bil-karozza jew b’tal-linja, ġieli anki f’xi t-tlieta taʼ fil-għodu biex infittxu naslu f’inħawi li diffiċli biex jintlaħqu.
Fis-snin 40, Ibrahim Atiyeh kien jittraduċi It-Torri taʼ l-Għassa bl-Għarbi. Imbagħad, jien kont nagħmel erbaʼ kopji tar-rivista bl-idejn u nibgħathom lil Xhieda fil-Palestina, fis-Sirja, u fl-Eġittu. F’dawk il-jiem matul it-Tieni Gwerra Dinjija, l-oppożizzjoni għall-ippridkar tagħna kienet kbira, imma xorta bqajna f’kuntatt maʼ dawk kollha li kienu jħobbu l-verità tal-Bibbja fil-Lvant Nofsani. Jien stess kont inpinġi mapep tal-bliet u l-irħula taʼ madwarhom, u konna nagħmlu kull sforz biex nilħquhom bl-aħbar tajba.
Fl-1944, waqt li t-Tieni Gwerra Dinjija kienet għadha fl-eqqel tagħha, iżżewwiġt lil Evelyn, bint Michel Aboud li kien sieħbi fix-xogħol taʼ pijunier. Maż-żmien kellna tlett itfal, tifla u żewġ subien.
Naħdem mal-Missjunarji
Ftit wara li spiċċat il-gwerra, waslu l-Libanu l-ewwel gradwati mill-Iskola taʼ Gilgħad għall-missjunarji. Bis-saħħa t’hekk, twaqqfet l-ewwel kongregazzjoni fil-Libanu, u jien inħtart bħala l-qaddej tal-kumpanija. Imbagħad, fl-1947 żaru l-Libanu Nathan H. Knorr u s-segretarju tiegħu, Milton G. Henschel, li kienu taʼ inkuraġġiment kbir għall-aħwa. Ma damux ma ġew iktar missjunarji, u dawn kienu t’għajnuna kbira għalina biex norganizzaw il-ministeru u nikkonduċu l-laqgħat tal-kongregazzjoni.
Matul wieħed mill-vjaġġi tagħna lejn post imbiegħed fis-Sirja, sibna oppożizzjoni mill-isqof t’hemmhekk. Dan beda jakkużana li konna qegħdin inqassmu pubblikazzjonijiet li hu sejħilhom Zijonisti. Ironikament, qabel l-1948, il-kleru spiss kien ilaqqamna “Komunisti.” F’din l-okkażjoni ġejna arrestati u interrogati għal sagħtejn sħaħ, li matulhom tajna xiehda mill-aqwa.
Fl-aħħar, l-imħallef li semaʼ l-każ tagħna ddikjara: “Għalkemm nisħet dik id-daqna [idjoma li tirreferi għall-isqof] li ġabet l-akkużi kontra tagħkom, ikolli nirringrazzjaha talli tatni din l-opportunità biex niltaqaʼ magħkom u nsir naf x’qegħdin tgħallmu.” Imbagħad skuża ruħu talli kien skomodana.
Waqt li konna sejrin lejn Bejrut b’tal-linja għaxar snin wara, bdejt nitkellem maʼ wieħed raġel bil-qiegħda ħdejja, li kien inġinier agrikolu. Wara li dam xi ftit minuti jismaʼ dwar it-twemmin tagħna, qalilna li kien semaʼ diskors simili mingħand wieħed ħabib tiegħu fis-Sirja. U min kien dak il-ħabib? Ħadd ħlief l-imħallef li kien semaʼ l-każ tagħna għaxar snin qabel!
Matul is-snin 50, żort Xhieda fl-Iraq u ħriġt magħhom nagħti xiehda minn dar għal dar. Għamilt ukoll ħafna vjaġġi lejn il-Ġordan u lejn ix-Xatt tal-Punent. Fl-1951 kont wieħed minn grupp t’erbaʼ Xhieda li marru sa Betlehem. Hemm fakkarna l-Ikla taʼ Fil-Għaxija tal-Mulej. Iktar kmieni dakinhar dawk kollha li kienu preżenti għal dik l-okkażjoni kienu marru b’tal-linja sax-Xmara Ġordan, fejn kien hemm 22 ruħ li tgħammdu b’simbolu tad-dedikazzjoni tagħhom lil Jehovah. Kulmeta konna nħabbtu wiċċna maʼ xi oppożizzjoni f’dawk l-inħawi, konna ngħidulhom: “Ġejna ngħidulkom li wieħed minn uliedkom li twieled hawn se jsir Sultan fuq l-art kollha! Għala qed tinkwetaw? Imisskom tifirħu!”
Nippriedka Fost Ħafna Diffikultajiet
In-nies fil-Lvant Nofsani huma fil-biċċa l-kbira qalbhom tajba, umli, u ospitabbli. Hemm ħafna li jisimgħu l-messaġġ tas-Saltna t’Alla b’interess. Verament, m’hemm xejn li jistaʼ jserrħek iktar milli tkun taf li din il-wegħda tal-Bibbja dalwaqt se sseħħ: “Alla nnifsu jkun [mal-poplu tiegħu], Alla tagħhom. Hu jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom: ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed.”—Apokalissi 21:3, 4.
Jien sibt li l-biċċa l-kbira min-nies li jopponu l-attività tagħna fil-fatt ma jifhmuhx ix-xogħol tagħna u l-messaġġ li qegħdin inġorru. Il-kleru tal-Kristjaneżmu għamel minn kollox biex iġagħalna nidhru koroh! Minħabba f’hekk, matul il-gwerra ċivili li faqqgħet fil-Libanu fl-1975 u li damet sejra iktar minn 15-il sena, ix-Xhieda ħabbtu wiċċhom maʼ bosta diffikultajiet.
Darba minnhom kont qed nikkonduċi studju tal-Bibbja maʼ familja li l-membri tagħha qabel tgħidx kemm kienu tal-knisja. Dawn tant kienu qed jagħmlu progress fit-tagħlim tal-Bibbja li l-membri tal-kleru ma felħux iktar. Dan wassal biex grupp reliġjuż lokali xewwex lill-membri tiegħu, u dawn attakkaw il-ħanut taʼ dik il-familja matul il-lejl u ħarqulhom il-merkanzija kollha li kienet tiswa iktar minn Lm4,000. F’dak il-lejl stess ġew għalija u ħatfuni. Madankollu, irnexxieli nirraġuna mal-mexxej tagħhom, billi spjegajtlu li kieku kienu verament Kristjani ma kinux jaġixxu b’mod barbaru. Malli semaʼ dan, ordna li jwaqqfu l-karozza u qalli biex noħroġ minnha.
Kien hemm okkażjoni oħra fejn ġejt maħtuf minn erbaʼ suldati tal-milizzja. Wara ħafna theddid, il-mexxej tagħhom, li kien qal li se jisparali, f’daqqa waħda biddel fehemtu, u ħallewni nitlaq. Tnejn minnhom bħalissa qegħdin il-ħabs fuq qtil u serq, u t-tnejn l-oħra ngħataw il-mewt.
Opportunitajiet Oħrajn biex Nagħti Xiehda
Spiss kelli l-opportunità li mmur bl-ajruplan minn pajjiż għall-ieħor. Darba minnhom waqt titjira minn Bejrut sa l-Istati Uniti, sibt ruħi bil-qiegħda ħdejn Charles Malek, li darba kien il-ministru taʼ l-affarijiet barranin Lebaniż. Qagħad jismagħni b’attenzjoni kbira, u apprezza kull vers li qrajtlu mill-Bibbja. Fl-aħħar, hu qalli li kien imur l-iskola fi Tripli fejn kien jgħallmu Ibrahim Atiyeh, ir-raġel li missier il-mara tiegħi kien kellmu għall-ewwel darba dwar il-verità tal-Bibbja! Mr. Malek qal li Ibrahim kien għallmu jirrispettaha l-Bibbja.
Waqt titjira oħra qgħadt bil-qiegħda ħdejn rappreżentant tal-Palestinjani fil-Ġnus Magħquda. Kelli l-opportunità ngħidlu l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla. Iktar tard introduċieni mal-familja taʼ ħuh fi New York, u spiss kont inżurhom hemmhekk. Jien ukoll kelli lil min jiġi minni jaħdem fil-bini tal-Ġnus Magħquda fi New York. Żjara li għamilt fl-uffiċċju tiegħu darba damet tliet sigħat, li matulhom stajt nagħtih xiehda rigward is-Saltna t’Alla.
Illum għandi 88 sena, u xorta għadni nistaʼ nieħu sehem attiv f’dawk li huma responsabbiltajiet fil-kongregazzjoni. Marti Evelyn għadha taqdi ’l Jehovah miegħi. Bintna żżewġet Xhud taʼ Jehovah li kien indokratur li jivvjaġġa u issa jaqdi bħala anzjan f’kongregazzjoni f’Bejrut. Binthom ukoll hija Xhud. It-tifel iż-żgħir tagħna u martu huma Xhieda, u binthom ukoll qiegħda fil-verità. Lill-iben il-kbir tagħna, il-fidi Kristjana daħħalnihielu f’qalbu, u nittama li maż-żmien jasal li jħaddanha.
Fl-1933 kont ġejt maħtur biex naqdi bħala pijunier—l-ewwel wieħed fil-Lvant Nofsani. Ma stajtx insib mod aħjar kif inqattaʼ ħajti ħlief li naqdi lil Jehovah bħala pijunier għal dawn l-aħħar 68 sena. U ninsab determinat li nkompli miexi fid-dawl spiritwali li jipproduċi hu.
[Stampa f’paġna 23]
Najib fl-1935
[Stampa f’paġna 24]
B’karozza armata b’loudspeaker fuq il-Muntanji tal-Libanu, fl-1940
[Stampi f’paġna 25]
Min-naħa taʼ fuq tax-xellug skond l-arloġġ: Najib, Evelyn, binthom, Ħuna Aboud u l-iben il-kbir taʼ Najib, fl-1952
Isfel (fil-filliera taʼ quddiem): Ħutna Shammas, Knorr, Aboud, u Henschel fid-dar taʼ Najib, fi Tripli, fl-1952
[Stampi f’paġna 26]
Najib u martu, Evelyn