BIJOGRAFIJA
Dejjem Żammejt lil Ġeħova f’Moħħi fid-Deċiżjonijiet li Ħadt
FL-1984, konna ngħixu f’belt fil-Venezwela, jisimha Caracas. Darba waħda filgħodu, hekk kif kont sejjer ix-xogħol bdejt niftakar dwar artiklu li kont qrajt f’It-Torri tal-Għassa li kien jitkellem dwar kif il-ġirien iħarsu lejna. Hekk kif kont għaddej minn ħdejn id-djar sbieħ tal-ġirien tiegħi, bdejt naħseb: ‘Il-ġirien tiegħi jafuni bħala wieħed imlaħħaq fil-bank jew jarawni bħala Xhud taʼ Ġeħova li naħdem fil-bank biex nieħu ħsieb il-familja?’ Indunajt li għall-ġirien tiegħi kont sempliċiment raġel li jaħdem il-bank. Imma jien ma ridthomx li jaħsbu hekk, allura ddeċidejt li nagħmel xi ħaġa dwarha.
Jiena twelidt fid-19 taʼ Mejju 1940, f’Amioûn, il-Libanu. Wara ftit snin, jien u l-familja tiegħi morna ngħixu fil-belt taʼ Tripoli. Jien trabbejt f’familja magħquda li kienet tħobb lil Ġeħova. Konna tlett ibniet u żewġ subien, u jien kont l-iżgħar wieħed. Għall-ġenituri tiegħi, li jaqilgħu l-flus ma kinitx l-iktar ħaġa importanti. L-iktar ħaġa importanti kienet li nistudjaw il-Bibbja, il-laqgħat Kristjani, u ngħinu lil oħrajn isiru jafu lil Alla.
Fil-kongregazzjoni tagħna kien hemm uħud mill-midlukin. Wieħed minnhom kien Michel Aboud, li kien jikkonduċi l-book study. Hu sar jaf bil-verità fi New York, u beda x-xogħol tal-ippritkar fil-Libanu fl-1921. Għadni niftakar kemm kien t’għajnuna għal żewġ aħwa żgħażagħ li kienu ggradwaw mill-Iskola taʼ Gilegħad, Anne u Gwen Beavor. Huma saru ħbieb kbar tagħna. Ħafna snin wara, jien tgħidx kemm fraħt meta ltqajt maʼ Anne fl-Istati Uniti. U xi żmien wara, iltqajt maʼ Gwen, li kienet iżżewġet lil Wilfred Gooch, u dawn kienu qed jaqdu fil-Betel tal-Ingilterra.
L-IPPRITKAR FIL-LIBANU
Meta kont żgħir ma kienx hemm ħafna Xhieda taʼ Ġeħova fil-Libanu. Imma b’żelu għallimna lil oħrajn dwar il-Bibbja. Aħna ppritkajna minkejja l-persekuzzjoni li sibna minn xi mexxejja reliġjużi. Għadni niftakar sew xi affarijiet li kienu ġrawlna.
Darba waħda, jien u oħti Sana konna qegħdin nippritkaw fi blokka appartamenti. Waqt li konna qed nitkellmu maʼ xi ħadd, ġie qassis. Xi ħadd kien ċempillu. Hu qabad jgħajjar lil oħti u bir-rabja li kellu imbottaha t-taraġ. Sana weġġgħet. Xi ħadd ieħor kien ċempel għall-pulizija, u xħin ġew taw l-għajnuna lil Sana. Huma ħadu lill-qassis l-għassa tal-pulizija u sabu li kellu revolver. Is-surġent tal-pulizija qallu: “Inti tgħallem lin-nies dwar Alla jew tgħallimhom ikunu vjolenti?”
Xi ħaġa oħra li niftakar sew hi meta darba waħda l-aħwa tal-kongregazzjoni krew tal-linja u morna nippritkaw ġo raħal ’il bogħod mill-belt. Tgħidx kemm konna qed nieħdu pjaċir sakemm il-qassis tar-raħal semaʼ x’konna qegħdin nagħmlu u xewwex lin-nies biex jagħmlu għalina. Huma bdew iwaddbulna l-ġebel, u lil missieri laqtuh f’rasu. Niftakar wiċċu kien mimli bid-demm. Missieri reġaʼ mar lura f’tal-linja maʼ ommi u aħna morna warajhom inkwetati. Ma ninsa qatt meta ommi, waqt li kienet qed timsaħ wiċċ missieri mid-demm, qalet: “Ġeħova, jekk jogħġbok, aħfrilhom għax ma jafux x’qegħdin jagħmlu.”
Darba oħra, morna nżuru lil tal-familja fir-raħal tagħna. Meta morna d-dar tan-nannu sibna isqof. L-isqof kien jaf li l-ġenituri tiegħi huma Xhieda taʼ Ġeħova. Minkejja li kien għad kelli sitt snin, hu beda jaqbad miegħi. Imbagħad qalli, “Int għala m’intix mgħammed?” Jien għedtlu li kont għadni żgħir, u biex nitgħammed kelli nitgħallem iżjed dwar il-Bibbja u jkolli fidi soda. Hu ma ħax pjaċir kif wiġibtu u qal lin-nannu tiegħi li jien ma wrejtux rispett.
Ma kellniex ħafna bħal dawn l-esperjenzi koroh. Il-maġġorparti tan-nies Lebaniżi huma dħulin u ospitabbli. Għalhekk, kellna ċ-ċans li nitkellmu dwar il-Bibbja maʼ ħafna nies u kellna ħafna studji tal-Bibbja.
BĦALA FAMILJA DDEĊIDEJNA LI MMORRU PAJJIŻ IEĦOR
Waqt li kont għadni l-iskola, ħu żagħżugħ mill-Venezwela ġie jżur il-Libanu. Hu beda jattendi l-laqgħat mal-kongregazzjoni tagħna, imbagħad beda joħroġ maʼ oħti Wafa. Wara ftit żmien, huma żżewġu u marru joqogħdu l-Venezwela. Fl-ittri tagħha, oħti bdiet tipprova tikkonvinċi lil missieri biex immorru ngħixu hemm. Hi riditna mmorru noqogħdu hemm għax bdiet timmissjana ħafna. Aħna smajna minnha u ddeċidejna li mmorru!
Wasalna l-Venezwela fl-1953, u bdejna ngħixu f’Caracas, viċin il-palazz tal-president. Minħabba li kont għadni żgħir, kont nieħu pjaċir nara lill-president għaddej fil-karozza tiegħu bix-xufier. Imma ma kienx faċli għall-ġenituri tiegħi biex jidraw il-lingwa, il-kultura, l-ikel, u t-temp taʼ pajjiż ġdid. Imbagħad, malli kienu qegħdin jidraw ġrat xi ħaġa terribbli.
Mix-xellug għal-lemin: Missieri. Ommi. Fl-1953, meta jien u l-familja tiegħi morna ngħixu l-Venezwela
TRAĠEDJA KBIRA
Missieri beda jħossu ma jiflaħx, u dan beda jinkwetana għax hu kien raġel b’saħħtu. Qatt ma konna smajnieh jgħid li ma jiflaħx. Imbagħad sabu li kellu kanċer fil-frixa u għalhekk kellu jagħmel operazzjoni. B’dispjaċir, ġimgħa wara l-operazzjoni miet.
Il-mewt taʼ missieri ħasditna u ħsibna li qatt mhu se nkunu ferħanin. Kien għad kelli 13-il sena. Huwa diffiċli biex nispjega kemm kienet taʼ dwejjaq. Għal xi żmien, ommi sabitha diffiċli taċċetta li missieri ma kienx għadu magħna. Però, irrealizzajna li l-ħajja għandha tkompli għaddejja u bl-għajnuna taʼ Ġeħova rnexxielna. Meta kelli 16-il sena u spiċċajt l-iskola sekondarja, jien vera xtaqt ngħin lill-familja tiegħi.
Oħti Sana u r-raġel tagħha Rubén, għenuni ħafna biex nagħmel progress spiritwali
Sadanittant, oħti Sana żżewġet lil Rubén Araujo, li kien iggradwa mill-Iskola taʼ Gilegħad u reġaʼ ġie lura l-Venezwela. Huma ddeċidew li jmorru jgħixu New York. Il-familja tiegħi riditni mmur l-università. Għalhekk, jiena mort New York biex inkun nistaʼ ngħix m’oħti u r-raġel tagħha waqt li nkun qed nistudja. Meta kont qed ngħix magħhom, għenuni nersaq eqreb lejn Ġeħova. Barra minn hekk, kien hemm ħafna aħwa maturi fil-kongregazzjoni Spanjola taʼ Brooklyn. Tnejn minnhom, li ħadt pjaċir ħafna li sirt nafhom kienu Milton Henschel u Frederick Franz, li kienu jaqdu fil-Betel taʼ Brooklyn.
Fl-1957, meta tgħammidt
Hekk kif l-ewwel sena fl-università kienet waslet biex tispiċċa, bdejt naħseb dwar dak li kont qed nagħmel fil-ħajja tiegħi. Wara li qrajt xi artikli f’It-Torri tal-Għassa dwar Kristjani li għamlu miri fis-servizz taʼ Ġeħova, ħsibt bis-serjetà dwarhom. Jien kont nara lill-Beteliti u lill-pijunieri fil-kongregazzjoni tagħna ferħanin ħafna u xtaqt inkun bħalhom. Imma kont għadni m’iniex mgħammed. Kont naf li kelli bżonn niddedika ħajti lil Ġeħova u hekk għamilt. Jien tgħammidt fit-30 taʼ Marzu 1957.
DEĊIŻJONIJIET IMPORTANTI
Wara li tgħammidt bdejt naħseb biex insir pijunier. Jien vera xtaqt li nkun pijunier, imma bdejt naħseb li se tkun diffiċli. Kif kont se nlaħħaq nagħmel is-sigħat u nistudja għall-università? Jien u l-familja tiegħi ktibna ħafna ittri lil xulxin dwar id-deċiżjoni li kelli nagħmel biex nieqaf mill-università, immur lura l-Venezwela, u nibda naqdi bħala pijunier.
F’Ġunju tal-1957, mort lura Caracas. Hemmhekk indunajt li s-sitwazzjoni tal-familja tiegħi ma kinitx tajba. Huma ma kinux qed ilaħħqu mal-ħajja, u għalhekk kellhom bżonn lil xi ħadd biex jgħinhom. Kif stajt ngħinhom? Ġejt offrut xogħol f’bank, imma jiena vera xtaqt inkun pijunier. Wara kollox, jien għalhekk kont mort lura. Kont determinat li nagħmilhom it-tnejn. Għal diversi snin, jien ħdimt il-bank u qdejt bħala pijunier. Minkejja li kelli ħafna x’nagħmel, qatt ma naf li ħassejtni daqshekk ferħan!
Il-ferħ tiegħi kompla jiżdied meta żżewwiġt lil Sylvia, oħt Ġermaniża li vera tħobb lil Ġeħova. Hi kienet ġiet tgħix il-Venezwela mal-ġenituri tagħha. Wara li żżewwiġna, kellna żewġt itfal, it-tifel Michel (Mike) u t-tifla Samira. Bdejt nieħu ħsieb ukoll lil ommi u ġiet tgħix magħna. Minkejja li ma stajtx nibqaʼ pijunier biex nieħu ħsieb lill-familja tiegħi, xorta bqajt żeluż fl-ippritkar. Meta konna nkunu nistgħu, jien u Sylvia, fil-vaganzi konna naqdu bħala pijunieri awżiljarji.
DEĊIŻJONI KBIRA OĦRA
It-tfal kienu għadhom l-iskola meta għaddejt mill-esperjenza li semmejt fil-bidu taʼ dan l-artiklu. Ikolli nammetti li kont qed ngħix ħajja komda ħafna u n-nies li kienu jaħdmu f’banek oħrajn kienu jirrispettawni. Imma l-iktar ħaġa importanti għalija kienet li jarawni bħala Xhud taʼ Ġeħova. Bqajt naħseb x’nistaʼ nagħmel biex jarawni b’dan il-mod. Għalhekk, jien u l-mara tiegħi poġġejna bilqiegħda biex nitkellmu dwar il-finanzi tagħna. Kieku kelli nieqaf naħdem il-bank, kont se nirċievi somma flus. Minħabba li ma kellniex dejn, ħsibna li jekk nissimplifikaw ħajjitna kien se jkollna biżżejjed flus biex ngħaddu għal ħafna żmien.
Ma kienx faċli biex nieħu din id-deċiżjoni imma l-mara tiegħi u ommi qablu miegħi. Għalhekk, għal darb’oħra kont se nkun pijunier. Kont vera ferħan! Imma mbagħad irċivejna aħbar li ma konniex qed nistennew.
SORPRIŻA SABIĦA!
It-tielet tifel tagħna Gabriel, li kien sorpriża sabiħa għalina
It-tabib qalilna li Sylvia se jkollha tarbija. Din kienet sorpriża għalina t-tnejn. Vera fraħt, imma ħsibt ukoll dwar id-deċiżjoni li kont ħadt biex naqdi bħala pijunier. Bdejna nħarsu ’l quddiem li se jkollna lil xi ħadd ieħor fil-familja. Imma ma kontx ċert jekk kienx se jirnexxili nkun pijunier.
Wara li tkellimna dwar il-miri li konna għamilna, iddeċidejna li ma nbiddlux il-pjan tagħna. It-tifel tagħna, Gabriel, twieled f’April 1985. Minkejja dan, xahrejn wara waqaft naħdem il-bank u rġajt bdejt naqdi bħala pijunier regolari. Iktar tard, sirt membru tal-Kumitat tal-Fergħa. Imma l-fergħa ma kinitx f’Caracas u dan kien ifisser li kien se jkolli nivvjaġġa madwar 80 kilometru, darbtejn jew tliet darbiet fil-ġimgħa.
MORNA NGĦIXU F’POST IEĦOR
L-uffiċċju tal-fergħa kien f’La Victoria, u għalhekk bħala familja ddeċidejna li mmorru ngħixu hemm biex inkunu viċin taʼ Betel. Din kienet bidla kbira għalina kollha. Jien nammira lill-familja tiegħi u grat ħafna li għandi lilhom. L-attitudni tagħhom kienet t’għajnuna kbira għalija. Oħti, Baha, kienet lesta li tieħu ħsieb lil ommi. Mike kien iżżewweġ, imma Samira u Gabriel kienu għadhom jgħixu magħna. Peress li morna ngħixu La Victoria, kellhom iħallu l-ħbieb li kellhom f’Caracas. Barra minn hekk, peress li qabel konna ngħixu f’belt, Sylvia kellha tidra tgħix f’raħal żgħir. U lkoll kemm aħna kellna nidraw ngħixu f’dar żgħira. Iva, biex immorru ngħixu f’La Victoria kellna nagħmlu ħafna bidliet.
L-affarijiet reġgħu nbidlu, Gabriel iżżewweġ u Samira marret tgħix għaliha. Imbagħad, fl-2007, jien u Sylvia ġejna mistidnin biex immorru naqdu f’Betel. Privileġġ sabiħ li għadna ngawdu sal-lum il-ġurnata. It-tifel il-kbir, Mike, qed jaqdi bħala anzjan u bħala pijunier flimkien mal-mara tiegħu, Monica. Gabriel hu anzjan ukoll u qed jaqdi fl-Italja mal-mara tiegħu, Ambra. Samira, minbarra li hi pijuniera tgħin fix-xogħol taʼ Betel.
Mix-xellug għal-lemin: Mal-mara tiegħi Sylvia, fil-fergħa tal-Venezwela. It-tifel l-kbir tagħna Mike, maʼ Monica. It-tifla tagħna Samira. It-tifel tagħna Gabriel, maʼ Ambra
MA JIDDISPJAĊINIX MID-DEĊIŻJONIJIET LI ĦADT
Iva, fil-ħajja tiegħi kelli nieħu deċiżjonijiet kbar. Però, ma jiddispjaċinix u kieku kelli nerġaʼ mmur lura, nerġaʼ nieħu l-istess deċiżjonijiet. Jien vera grat għall-affarijiet li rnexxieli nagħmel għal Ġeħova. Maż-żmien irrealizzajt kemm hu importanti li nżommu ħbiberija soda maʼ Ġeħova. Huma x’inhuma d-deċiżjonijiet li rridu nieħdu, sew jekk kbar u sew jekk żgħar, Ġeħova jistaʼ jagħtina l-paċi “li tisboq kull ħsieb.” (Flp. 4:6, 7) Jien u Sylvia nieħdu pjaċir naqdu f’Betel, u nħossu li Ġeħova bierek id-deċiżjonijiet tagħna għax dejjem poġġejnieh l-ewwel f’ħajjitna.