Se Jilħquk il-Barkiet taʼ Jehovah?
“Dawn il-barkiet kollha jridu jiġu fuqek u jilħquk, għaliex int tibqaʼ tagħti widen għal leħen Jehovah Alla tiegħek.”—DEWTERONOMJU 28:2, NW.
1. X’kien se jiddetermina jekk l-Iżraelin jirċivux barkiet jew inkella saħtiet?
L-ERBGĦIN sena li qattgħu jiġġerrew fid-deżert kienu waslu biex jispiċċaw, u l-Iżraelin kienu kkampjati fil-Pjanuri taʼ Mowab. L-Art Imwiegħda kienet quddiemhom. F’dan il-perijodu, Mosè kiteb il-ktieb tad-Dewteronomju, li fih serje taʼ barkiet u maledizzjonijiet, jew saħtiet. Jekk l-Iżraelin kienu se ‘jibqgħu jagħtu widen għal leħen il-Mulej’ billi jobduh, huma kienu se ‘jintlaħqu’ minn barkiet. Jehovah ħabbhom bħala l-“poplu maħtur” tiegħu, jew propjetà speċjali, u ried juri l-qawwa tiegħu f’isimhom. Imma jekk ma kinux se jibqgħu jisimgħu minnu, żgur li kienu se jintlaħqu minn saħtiet.—Dewteronomju 8:10-14; 26:18; 28:2, 15.
2. X’inhi t-tifsira tal-verbi Ebrajċi tradotti ‘jibqaʼ jagħti widen’ u ‘jintlaħaq’ f’Dewteronomju 28:2 (NW)?
2 Il-verb Ebrajk tradott ‘jibqaʼ jagħti widen’ f’Dewteronomju 28:2 (NW) juri azzjoni kontinwa. In-nies taʼ Jehovah ma jridux jisimgħu biss darba kultant; huma jridu jibqgħu jagħtu widen dejjem. Imbagħad biss jistgħu l-barkiet t’Alla jilħquhom. Il-verb Ebrajk tradott ‘jintlaħaq’ ġie identifikat bħala terminu użat għall-kaċċa li taʼ spiss għandu t-tifsira taʼ “li tiġi fuq xi ħadd” jew “tasal fuq.”
3. Kif nistgħu nkunu bħal Ġożwè, u dan għala huwa taʼ importanza vitali?
3 Il-mexxej Iżraeli Ġożwè għażel li jismaʼ minn Jehovah, u għalhekk ġie mbierek. Ġożwè qal: “Agħżlu llum lil min tridu taqdu . . . Imma jien u dari naqdu l-Mulej.” Meta semaʼ dan, il-poplu wieġeb: “Ma jkun qatt li aħna nħallu l-Mulej biex naqdu allat oħra.” (Ġożwè 24:15, 16) Minħabba l-attitudni mill-aħjar li wera Ġożwè, hu kien fost dawk il-ftit mill-ġenerazzjoni tiegħu li kellhom il-privileġġ li jidħlu fl-Art Imwiegħda. Illum, aħna qegħdin fuq l-għatba taʼ Art Imwiegħda ferm iżjed superjuri—art magħmula ġenna fejn hemm barkiet ferm akbar minn dawk taʼ żmien Ġożwè jistennew lil kulmin ikollu l-approvazzjoni t’Alla. Se jilħquk dawn il-barkiet? Iva, jekk tibqaʼ tismaʼ minn Jehovah. Sabiex issaħħaħ id-determinazzjoni tiegħek biex tagħmel dan, ikkunsidra r-rakkont storiku nazzjonali taʼ Iżrael tal-qedem kif ukoll xi eżempji individwali li nistgħu nitgħallmu ħafna minnhom.—Rumani 15:4.
Barka jew Saħta?
4. Alla x’tah lil Salamun bi tweġiba għat-talba tiegħu, u kif għandna nħossuna dwar dawn il-barkiet?
4 Matul il-biċċa l-kbira tar-renju tas-Sultan Salamun, l-Iżraelin irċivew barkiet straordinarji mingħand Jehovah. Kienu jgawdu sigurtà u abbundanza t’affarijiet tajbin. (1 Slaten 5:5 [4:25, NW]) L-għana li kellu Salamun sar magħruf sew, għalkemm hu ma kienx talab lil Alla biex jagħtih ġid materjali. Minflok, meta kien għadu żgħir u bla esperjenza, hu kien talab biex ikollu qalb ubbidjenti—talba li Jehovah wieġeb billi bierku b’għerf u fehma. B’hekk Salamun kien kapaċi jmexxi sewwa lin-nies, billi setaʼ jagħraf it-tajjeb mill-ħażin. Għalkemm Alla tah ukoll għana u glorja, bħala żagħżugħ, Salamun apprezza l-valur eċċellenti tal-ġid spiritwali. (1 Slaten 3:9-13) Sew jekk għandna ħafna materjalment u sew jekk le, kemm għandna għalfejn inkunu grati jekk għandna l-approvazzjoni taʼ Jehovah u aħna għonja spiritwalment!
5. X’ġara meta n-nies taʼ Iżrael u Ġuda naqsu li jibqgħu jisimgħu minn Jehovah?
5 L-Iżraelin naqsu li juru apprezzament għall-barka taʼ Jehovah. Ladarba huma ma baqgħux jisimgħu minnu, laħquhom is-saħtiet li kienu ġew imbassra. Ir-riżultat kien li waqgħu taħt idejn l-għedewwa tagħhom u l-abitanti taʼ Iżrael u Ġuda ġew eżiljati. (Dewteronomju 28:36; 2 Slaten 17:22, 23; 2 Kronaki 36:17-20) Tgħallmu n-nies t’Alla minn dak li sofrew li l-barkiet divini jilħqu biss lil dawk li jibqgħu jisimgħu minn Jehovah? Il-fdal Lhudi, li reġaʼ lura lejn art twelidu fis-sena 537 Q.E.K., kellu l-opportunità li juri jekk kienx kiseb “qalb għarfa” u jekk issa kienx qed jara l-bżonn li jibqaʼ jismaʼ minn Alla.—Salm 90:12, Karm Żammit.
6. (a) Jehovah għala bagħat lil Ħaggaj u lil Żakkarija biex jipprofetizzaw lill-poplu tiegħu? (b) Liema prinċipju ngħata stampa tiegħu bil-messaġġ t’Alla permezz taʼ Ħaggaj?
6 Lura f’Ġerusalemm, il-Lhud bnew artal u bdew ix-xogħol fuq it-tempju. Imma meta qamet oppożizzjoni ħarxa, iż-żelu tagħhom beda jbatti u l-bini waqaf. (Esdra 3:1-3, 10; 4:1-4, 23, 24) Barra minn hekk, sar moħħhom biss fil-kumdità persunali tagħhom. Għaldaqstant, Alla bagħat lill-profeti Ħaggaj u Żakkarija biex jerġgħu jkebbsu ż-żelu tal-poplu għall-qima vera. Permezz taʼ Ħaggaj, Jehovah qal: “Jaqaw għalikom huwa issa l-waqt li intom tgħammru fi djarkom imsaqqfa waqt li din id-dar [taʼ qima] għadha ħerba? . . . Ġibu quddiem għajnejkom [“il-mogħdijiet tagħkom,” NW]! Bosta żrajtu, imma ftit ħżintu; kiltu, u m’hemmx li tixbgħu . . . u l-ħaddiem mikri jqiegħed ħlasu f’but imtaqqab.” (Ħaggaj 1:4-6) Jekk tant inkunu moħħna biex nakkwistaw vantaġġi materjali li nispiċċaw nissagrifikaw l-interessi spiritwali, mhux se jkollna l-barka taʼ Jehovah.—Luqa 12:15-21.
7. Jehovah għala qal lil-Lhud: ‘Ġibu quddiem għajnejkom il-mogħdijiet tagħkom’?
7 Medhijin bil-ħsibijiet taʼ kuljum, il-Lhud insew li l-barkiet divini, bħal ngħidu aħna x-xita u l-istaġuni b’ħafna frott, kienu se jilħquhom biss jekk huma jibqgħu ubbidjenti lejn Alla, anki f’każ t’oppożizzjoni. (Ħaggaj 1:9-11) Mela, kemm hi xierqa t-twissija: ‘Ġibu quddiem għajnejkom il-mogħdijiet tagħkom!’ (Ħaggaj 1:7) Fi kliem ieħor, Jehovah kien qed jgħidilhom: ‘Aħsbu ftit! Araw x’konnessjoni hemm bejn ix-xogħol li qed tagħmlu għalxejn fir-rabaʼ u l-istat imwiegħer tad-dar għall-qima tiegħi.’ Il-kliem ispirat tal-profeti taʼ Jehovah fl-aħħar mess il-qalb tan-nies li semgħuh, għax reġgħu bdew ix-xogħol fuq it-tempju u lestewh fis-sena 515 Q.E.K.
8. Jehovah x’ħeġġiġhom jagħmlu lil-Lhud fi żmien Malakija, u għala?
8 Iktar tard, fi żmien il-profeta Malakija, il-Lhud reġgħu bdew imajnaw spiritwalment u saħansitra bdew joffru lil Alla sagrifiċċji li ma jogħġbuhx. (Malakija 1:6-8) Għalhekk, Jehovah ħeġġiġhom biex iġibu l-għexur mill-prodotti tagħhom fid-dar tiegħu u jġarrbuh biex jaraw jekk jiftaħx għalihom it-twieqi tas-sema u jsawwabx fuqhom barka bl-abbundanza. (Malakija 3:10) Kemm kienu boloh il-Lhud li qagħdu jaħdmu iebes għal dawk l-istess affarijiet li Alla kien se jagħtihom bl-abbundanza, li kieku biss baqgħu jisimgħu leħnu!—2 Kronaki 31:10.
9. Taʼ liema tliet individwi Bibliċi se neżaminaw il-ħajjiet?
9 Minbarra r-rakkont storiku nazzjonali taʼ Iżrael, il-Bibbja tagħti wkoll rakkonti dettaljati dwar il-ħajja taʼ ħafna individwi li rċivew barkiet jew saħtiet mingħand Alla, skond jekk ikunux baqgħu jisimgħu minn Jehovah jew le. Ejja naraw x’nistgħu nitgħallmu minn tlieta minnhom—Bogħaż, Nabal, u Anna. Dwar dawn, forsi tixtieq taqra l-ktieb taʼ Rut kif ukoll l-1 Samwel 1:1–2:21 u l-1 Samwel 25:2-42.
Bogħaż Semaʼ minn Alla
10. Bogħaż u Nabal liema affarijiet komuni kellhom bejniethom?
10 Għalkemm Bogħaż u Nabal ma kinux jgħixu fl-istess żmien, huma kellhom xi affarijiet komuni bejniethom. Per eżempju, it-tnejn li huma kienu jgħixu fl-art taʼ Ġuda. Huma kienu għonja u kellhom ħafna artijiet. Kellhom ukoll opportunità speċjali li juru mħabba u qalb tajba lejn xi ħadd fil-bżonn. Iżda dawn kienu l-uniċi affarijiet komuni bejniethom.
11. Bogħaż kif wera li hu baqaʼ jismaʼ minn Jehovah?
11 Bogħaż kien jgħix fil-perijodu meta f’Iżrael kien hemm l-imħallfin. Hu kien juri rispett lejn oħrajn, u l-ħassada tiegħu kellhom stima kbira lejh. (Rut 2:4) Biex jobdi l-Liġi, Bogħaż kien jaċċerta ruħu li fir-rabaʼ tiegħu kienu jitħallew xi fdalijiet għal dawk fil-bżonn u għall-foqra. (Levitiku 19:9, 10) X’għamel Bogħaż meta sar jaf dwar Rut u Nagħomi, u ra lil Rut taħdem iebes biex tieħu ħsieb il-kunjata tagħha li kienet imdaħħla fiż-żmien? Hu stmaha lil Rut b’mod speċjali u ordna lill-irġiel tiegħu biex iħalluha tlaqqat fir-rabaʼ tiegħu. Bi kliemu u bl-għemejjel kollha mħabba tiegħu, Bogħaż wera li hu kien raġel spiritwali li kien jismaʼ minn Jehovah. Għaldaqstant, hu kellu l-approvazzjoni u l-barka t’Alla.—Levitiku 19:18; Rut 2:5-16.
12, 13. (a) Bogħaż kif wera rispett profond lejn il-liġi taʼ Jehovah dwar id-dritt tal-fidwa? (b) Liema barkiet divini laħqu lil Bogħaż?
12 L-iktar evidenza ċara li Bogħaż baqaʼ jismaʼ minn Jehovah kienet il-mod kif hu aġixxa mingħajr egoiżmu fuq il-Liġi t’Alla dwar id-dritt tal-fidwa. Bogħaż għamel dak kollu li setaʼ biex jaċċerta ruħu li l-wirt tal-qarib tiegħu—ir-raġel taʼ Nagħomi, Elimelek, li issa kien mejjet—jibqaʼ fil-familja t’Elimelek. Skond il-Liġi, l-armla kellha tiżżewweġ l-eqreb qarib taʼ żewġha biex b’hekk it-tifel li kien jitwildilhom setaʼ jżomm il-wirt. (Dewteronomju 25:5-10; Levitiku 25:47-49) Rut ippreżentat ruħha minflok Nagħomi għaż-żwieġ, ladarba din kienet kibret ħafna fl-età u ma setax ikollha tfal. Wara li l-eqreb qarib t’Elimelek irrifjuta li jgħin lil Nagħomi, Bogħaż ħa lil Rut b’martu. Binhom, Għobed, ġie meqjus bħala n-nisel taʼ Nagħomi u l-eredi legali t’Elimelek.—Rut 2:19, 20; 4:1, 6, 9, 13-16.
13 Barkiet kbar laħqu lil Bogħaż talli mingħajr egoiżmu mexa fi qbil mal-Liġi t’Alla. Permezz taʼ binhom, Għobed, hu u Rut tbierku bil-privileġġ li jkunu l-antenati taʼ Ġesù Kristu. (Rut 2:12; 4:13, 21, 22; Mattew 1:1, 5, 6) Mill-għemejjel mhux egoistiċi taʼ Bogħaż nitgħallmu li l-barkiet jilħqu lil min juri mħabba lejn oħrajn u jimxi fi qbil mal-ħtiġijiet t’Alla.
Nabal Ma Semax
14. X’tip taʼ bniedem kien Nabal?
14 B’kuntrast maʼ Bogħaż, Nabal ma semax minn Jehovah. Hu kiser il-liġi t’Alla: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.” (Levitiku 19:18) Nabal ma kienx raġel spiritwali; hu kien “goff u ħażin f’għemilu.” Saħansitra l-qaddejja tiegħu kienu jħarsu lejh bħala “raġel mill-agħar.” B’mod xieraq, ismu, Nabal, ifisser “bla moħħ,” jew “bluha.” (1 Samwel 25:3, 17, 25) Allura, Nabal kif kien se jaġixxi meta ġietu l-opportunità li juri qalb tajba lejn xi ħadd fil-bżonn—lejn David, il-midluk taʼ Jehovah?—1 Samwel 16:13.
15. Nabal kif ittrattah lil David, u Abigajl kif kienet differenti minn żewġha f’dan ir-rigward?
15 Meta kienu kkampjati viċin il-merħliet taʼ Nabal, David u l-irġiel tiegħu pproteġewhom mill-ħallelin mingħajr ma talbu ħlas. “Kienu sur għalina billejl u binhar,” qal wieħed mir-rgħajja taʼ Nabal. Madankollu, meta l-messaġġiera taʼ David talbuh ftit ikel, Nabal “għamel għalihom” u keċċiehom b’idejhom vojta. (1 Samwel 25:2-16) Il-mara taʼ Nabal, Abigajl, mill-ewwel ħadet xi ikel lil David. Fis-saħna tad-demm, David kien se jeqridhom l-aħħar lil Nabal u lin-nies kollha tiegħu. Għalhekk, bl-inizjattiva tagħha Abigajl salvat il-ħajja taʼ ħafna u skansat lil David milli jsir ħati tad-demm. Iżda r-regħba u l-kefrija taʼ Nabal kienu kbar wisq. Xi għaxart ijiem wara, “il-Mulej laqat lil Nabal, u dan miet.”—1 Samwel 25:18-38.
16. Aħna kif nistgħu nimitaw lil Bogħaż u nżommu ’l bogħod mill-attitudnijiet taʼ Nabal?
16 X’kuntrast hemm bejn Bogħaż u Nabal! Waqt li nżommu ’l bogħod mill-kefrija u l-egoiżmu taʼ Nabal, ejja nimitaw il-qalb tajba u n-nuqqas taʼ egoiżmu taʼ Bogħaż. (Lhud 13:16) Dan nistgħu nagħmluh billi napplikaw il-parir taʼ l-appostlu Pawlu: “Dment li għandna ż-żmien ħa nagħmlu l-ġid maʼ kulħadd, l-iktar maʼ qrabatna fil-fidi.” (Galatin 6:10) Illum, in-“nagħaġ oħra” taʼ Ġesù, il-Kristjani b’tama għall-art, għandhom il-privileġġ li jagħmlu l-ġid mal-midlukin taʼ Jehovah, il-fdal tal-144,000, li se jingħataw l-immortalità fis-sema. (Ġwann 10:16; 1 Korintin 15:50-53; Apokalissi 14:1, 4) Ġesù jħares lejn dawn l-għemejjel taʼ mħabba bħallikieku saru miegħu stess, u meta nagħmlu dawn l-għemejjel nirċievu barkiet akbar mingħand Jehovah.—Mattew 25:34-40; 1 Ġwann 3:18.
Il-Provi u l-Barkiet t’Anna
17. Anna maʼ liema provi kellha tħabbat wiċċha, u liema attitudni wriet?
17 Il-barka taʼ Jehovah laħqet ukoll lil Anna, waħda mara devota. Din kienet toqgħod fir-reġjun muntanjuż t’Efrajm flimkien maʼ żewġha, Elkana, li kien Levita. Billi l-Liġi kienet tippermetti dan, hu kellu mara oħra jisimha Peninna. Anna baqgħet bla tfal, li kienet xi ħaġa taʼ tmaqdir għal mara Iżraelija, filwaqt li Peninna kellha ħafna tfal. (1 Samwel 1:1-3; 1 Kronaki 6:1, 18, 19 [6:16, 33, 34, NW]) Madankollu, minflok ma kienet tfarraġha, Peninna b’nuqqas taʼ mħabba kienet toqgħod tinki lil Anna tant li din kienet taqbad tibki u ma tkunx trid tiekol. Jerġaʼ agħar minn hekk, dan kien jiġri “kull sena,” kull darba li l-familja kienet tmur fid-dar taʼ Jehovah f’Silo. (1 Samwel 1:4-8) X’qalb taż-żonqor kellha Peninna, u xi prova kienet din għal Anna! Minkejja dan, Anna qatt ma waħħlet f’Jehovah, u lanqas ma kienet toqgħod id-dar meta żewġha kien imur Silo. Għalhekk, maż-żmien, żgur li kienet se tiġi mbierka bil-kbir.
18. Liema eżempju tat Anna?
18 Anna hija t’eżempju mill-aqwa għan-nies taʼ Jehovah llum, speċjalment għal dawk li setgħu ġew imweġġgħin b’xi kummenti kattivi. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, billi tinqataʼ għalik waħdek m’intix se ssolvi l-problema. (Proverbji 18:1) Anna ma ħallietx il-provi tagħha jberrdulha x-xewqa tagħha li tkun fil-post fejn tiġi mgħallma l-Kelma t’Alla u fejn jinġabar il-poplu tiegħu għall-qima. Hu għalhekk li baqgħet spiritwalment b’saħħitha. Nistgħu naraw kemm kienet mara spiritwali meta naqraw it-talba mill-isbaħ li għamlet u li nsibuha fl-1 Samwel 2:1-10.a
19. Kif nistgħu nuru l-apprezzament tagħna lejn l-affarijiet spiritwali?
19 Bħala l-qaddejja taʼ Jehovah, illum aħna ma nagħtux qima fit-tabernaklu. Madankollu, nistgħu nuru l-apprezzament tagħna għall-affarijiet spiritwali sewwa sew bħalma għamlet Anna. Per eżempju, nistgħu nuru l-apprezzament profond tagħna għall-għana spiritwali billi nkunu preżenti regolarment għal-laqgħat Kristjani, l-assembleat, u l-konvenzjonijiet. Ejja nużaw dawn l-okkażjonijiet biex ninkuraġġixxu lil xulxin fil-qima vera taʼ Jehovah, li tana l-privileġġ li nagħtuh servizz sagru bla biżaʼ, bil-lealtà u bit-tjieba.—Luqa 1:74, 75; Lhud 10:24, 25.
20, 21. Anna kif ġiet premjata għad-devozzjoni tagħha lejn Alla?
20 Jehovah nnota d-devozzjoni li Anna kellha lejh u ppremjaha bil-kbir. F’wieħed mill-vjaġġi li l-familja kienet tagħmel kull sena lejn Silo, Anna bid-dmugħ f’għajnejha talbet lil Alla minn qalbha u wegħditu: “Mulej taʼ l-eżerċti, jekk inti tħares lejn l-hemm tal-qaddejja tiegħek, u tagħtiha tifel, hija tagħtih lill-Mulej il-jiem kollha taʼ ħajtu.” (1 Samwel 1:9-11) Alla semaʼ t-talba kollha ħrara t’Anna u berikha b’tifel, li semmietu Samwel. Meta ma baqgħetx treddgħu, ħaditu f’Silo sabiex ikun jistaʼ jaqdi fit-tabernaklu.—1 Samwel 1:20, 24-28.
21 Anna wriet imħabba lejn Alla u wettqet il-wegħda li għamlitlu dwar Samwel. Aħseb daqsxejn fuq kemm ġew imberkin hi u Elkana minħabba li binhom l-għażiż kien jaqdi fit-tabernaklu taʼ Jehovah! Ħafna ġenituri Kristjani llum għandhom ferħ u barkiet simili għaliex uliedhom qed jaqdu bħala pijunieri full-time, membri tal-familja taʼ Betel, jew b’xi modi oħra li jonoraw lil Jehovah.
Ibqaʼ Ismaʼ minn Jehovah
22, 23. (a) Dwar xiex nistgħu nkunu ċerti jekk nibqgħu nagħtu widen għal leħen Jehovah? (b) X’se nikkunsidraw fl-artiklu li jmiss?
22 Dwar xiex nistgħu nkunu ċerti jekk nibqgħu nisimgħu minn Jehovah? Aħna se nkunu għonja spiritwalment jekk inħobbu lil Alla b’qalbna kollha u nuru bil-mod kif ngħixu ħajjitna li aħna qaddejja dedikati. Anki meta li ngħixu b’dan il-mod ikun ifisser li nissaportu provi diffiċli, il-barka taʼ Jehovah se tilħaqna żgur—taʼ spiss iktar milli qatt inkunu immaġinajna.—Salm 37:4; Lhud 6:10.
23 Il-poplu t’Alla se jirċievi ħafna barkiet fil-futur. Talli tkun obdiet u semgħet minn Jehovah, “kotra kbira” se tgħaddi mit-tribulazzjoni l-kbira u se tesperjenza l-ferħ taʼ li tgħix fid-dinja l-ġdida t’Alla. (Apokalissi 7:9-14; 2 Pietru 3:13) Hemmhekk Jehovah se jissodisfa għalkollox ix-xewqat tajbin tal-poplu kollu tiegħu. (Salm 145:16) Madankollu, bħalma se jurina l-artiklu li jmiss, dawk li jibqgħu jagħtu widen għal leħen Jehovah qed jiġu mberkin saħansitra issa ‘b’affarijiet tajbin u doni perfetti mis-sema.’—Ġakbu 1:17.
[Nota taʼ taħt]
a L-espressjonijiet t’Anna jixbhu xi ftit dak li qalet it-tfajla verġni Marija ftit wara li saret taf li kienet se tkun omm il-Messija.—Luqa 1:46-55.
Tiftakar Int?
• X’jistaʼ jgħallimna r-rakkont storiku taʼ Iżrael dwar il-barkiet divini?
• Bogħaż u Nabal kif kienu differenti minn xulxin?
• Kif nistgħu nimitawha lil Anna?
• Għala għandna nibqgħu nagħtu widen għal leħen Jehovah?
[Stampa f’paġna 10]
Is-Sultan Salamun talab għal qalb ubbidjenti, u Jehovah bierku bl-għerf
[Stampa f’paġna 12]
Bogħaż kien juri rispett u qalb tajba m’oħrajn
[Stampa f’paġna 15]
Anna tbierket bil-kbir talli fdat f’Jehovah