Il-Prinċipji Divini Jistgħu Jkunu taʼ Benefiċċju Għalik
BLA dubju taf li l-annimali huma maħluqin biex jimxu bl-istint. Ħafna magni huma disinjati biex jintużaw skond l-istruzzjonijiet. Imma huwa fatt li l-bnedmin ġew maħluqin biex jiġu gwidati minn prinċipji. Kif nistgħu nkunu ċerti dwar dan? Sewwa, ara x’ħabbar Jehovah, l-Oriġinatur taʼ kull prinċipju tajjeb, meta għamel l-ewwel bnedmin: “Ħa nagħmlu l-bniedem fuq is-sura u x-xbieha tagħna.” Il-Ħallieq hu spirtu; m’għandu ebda ġisem fiżiku bħalna, għalhekk aħna fix-“xbieha” tiegħu fis-sens li nistgħu nirriflettu l-personalità tiegħu, filwaqt li nuru ftit mill-kwalitajiet mill-aqwa tiegħu. Il-bnedmin kapaċi jfasslu ħajjithom skond il-prinċipji, jiġifieri, skond dak li jaħsbu li hu s-sett taʼ regoli dwar x’inhu sewwa għalihom. Jehovah ġiegħel li ħafna minn dawn il-prinċipji jitniżżlu fil-Kelma tiegħu.—Ġenesi 1:26; Ġwann 4:24; 17:17.
‘Imma l-Bibbja fiha mijiet taʼ prinċipji,’ xi ħadd forsi jgħid. ‘Kif jistaʼ jkun tkun tafhom kollha?’ Veru. Iżda ikkunsidra dan il-fatt: Filwaqt li l-prinċipji divini kollha huma taʼ benefiċċju, xi wħud minnhom jispikkaw iktar minn oħrajn. Dan nistgħu narawh minn Mattew 22:37-39, fejn Ġesù wera li fost il-kmandamenti u l-prinċipji relatati mal-Liġi Mosajka, xi wħud kienu iktar importanti minn oħrajn.
Liema minn dawn il-prinċipji huma l-iktar importanti? L-iktar prinċipji li jispikkaw fil-Bibbja huma dawk li għandhom effett dirett fuq ir-relazzjoni tagħna maʼ Jehovah. Jekk ngħożżu dawn il-prinċipji, il-Ħallieq se jsir il-qawwa prinċipali li tinfluwenza l-boxxla morali tagħna. Barra minn hekk, hemm il-prinċipji li jeffettwaw ir-relazzjoni tagħna maʼ nies oħra. Jekk napplikawhom, dawn se jgħinuna biex ma niġux effettwati la mill-attitudni magħrufa bħala “l-ewwel jien” u lanqas b’xi mod ieħor.
Ejja nibdew b’waħda mill-iktar veritajiet importanti li nsibu fil-Bibbja. X’inhi din il-verità, u kif teffettwana?
‘L-Iktar Għoli fuq l-Art Kollha’
L-Iskrittura Mqaddsa tagħmilha ċara li Jehovah hu l-Ħallieq Grandjuż tagħna, Alla li Jistaʼ Kollox. Ħadd qatt ma jistaʼ jkun daqsu jew jiħodlu postu. Din hija verità fundamentali li nsibuha fil-Bibbja.—Ġenesi 17:1, Saydon; Koħèlet 12:1.
Wieħed mill-kittieba tal-ktieb tas-Salmi nnota dan dwar Jehovah: “Int waħdek l-Għoli fuq l-art kollha.” Is-Sultan David tal-qedem qal: “Tiegħek is-saltna, Mulej, int kap fuq kulħadd.” U l-profeta magħruf Ġeremija ġie mqanqal biex jikteb: “Ħadd m’hu bħalek, Mulej, int kbir, u kbir ismek f’qawwitu!”—Salm 83:19 [83:18, NW]; 1 Kronaki 29:11; Ġeremija 10:6.
Kif għandna napplikaw dawn il-veritajiet dwar Alla fil-ħajja tagħna taʼ kuljum?
M’hemm ebda dubju min tassew għandu jkun l-iktar wieħed importanti f’ħajjitna—il-Ħallieq u d-Donatur tal-Ħajja. Ma jkunx xieraq, mela, li nirreżistu kwalunkwe tendenza biex niġbdu l-attenzjoni lejna stess—tendenza li tistaʼ tkun iktar qawwija f’xi wħud milli f’oħrajn? Prinċipju għaqli li jiggwidana hu li ‘nagħmlu kollox għall-glorja taʼ Alla.’ (1 Korintin 10:31) Il-profeta Danjel ħallielna eżempju mill-aħjar f’dan.
Il-kitbiet storiċi jgħidulna li s-Sultan Nabukodonosor taʼ Babilonja darba kien inkwetat minħabba ħolma li kellu u ried ikun jaf it-tifsira tagħha akkost taʼ kollox. Filwaqt li kulħadd baqaʼ mħawwad, Danjel kellu l-ħila jfisser dik il-ħolma lis-sultan sa l-iċken dettall. Min ħadu l-kredtu għal dan? Danjel? Le, hu ta l-glorja lil “Alla fis-sema li jikxef il-misteri.” Danjel kompla: “Dan il-misteru kien irrivelat lili, mhux għax jien għandi xi għerf aktar minn kull ħaddieħor.” Danjel kien bniedem li kellu prinċipji tajbin. Mhux taʼ b’xejn li fil-ktieb taʼ Danjel, hu jiġi deskritt tliet darbiet bħala “għażiż” f’għajnejn Alla.—Danjel 2:28, 30; 9:23; 10:11, 19.
Int se tibbenefika jekk timita lil Danjel. Biex issegwi l-eżempju tiegħu, il-fattur deċiżiv hu l-motiv. Min għandu jieħu l-glorja għal dak li tagħmel? Hi x’inhi s-sitwazzjoni tiegħek, int għandek l-abbiltà li taġixxi fi qbil maʼ dan il-prinċipju tal-Bibbja li hu tant importanti—Jehovah hu l-Mulej Sovran. Jekk tagħmel hekk int se tkun “għażiż” f’għajnejh.
Ejja issa nikkunsidraw żewġ prinċipji bażiċi li jistgħu jiggwidawna fir-relazzjonijiet tagħna maʼ bnedmin oħrajn. Minħabba l-enfasi kbira li hawn biex kulħadd iġib lilu nnifsu l-ewwel, dan l-aspett tal-ħajja hu speċjalment taʼ sfida.
“Kunu Umli”
Dawk li dejjem jiġbdu lejhom rari jkollhom sodisfazzjon fil-ħajja. Il-biċċa l-kbira dejjem iridu ħajja aħjar, u jriduha dak il-ħin stess. Għalihom, il-modestja hija dgħjufija. Il-paċenzja ma teżistix għalihom però jistennewha mingħand oħrajn. Ikunu lesti li jagħmlu minn kollox basta jimxu ’l quddiem. Taħseb li tistaʼ taġixxi b’mod differenti milli jagħmlu huma?
Il-qaddejja t’Alla jħabbtu wiċċhom maʼ din l-attitudni kuljum, imma m’għandhomx iħalluha teffettwahom. Kristjani maturi jaċċettaw il-prinċipju li “mhux dak li jiftaħar bih innifsu jkun jingħoġob [jew “approvat,” NW], imma dak li jfaħħru l-Mulej.”—2 Korintin 10:18.
Il-prinċipju li nsibu f’Filippin 2:3, 4 jistaʼ jgħinna ħafna. Din l-iskrittura tinkuraġġina biex ma ‘nagħmlu xejn b’pika taʼ partit, anqas għall-ftaħir fieragħ; imma nkunu umli u kull wieħed minna jqis lill-ieħor aħjar minnu.’ B’hekk, ma nkunux qed ‘infittxu dak li jaqblilna, imma dak li jaqbel lil ħaddieħor.’
Xi ħadd li kellu attitudni xierqa dwaru nnifsu u li kellu opinjoni realistika tiegħu nnifsu kien Gidgħon, wieħed mill-imħallfin Lhud tal-qedem. Dan ma kienx jippretendi li jsir xi mexxej f’Iżrael. Anzi, meta ntgħażel biex ikollu dik il-pożizzjoni, Gidgħon stqarr li ma kienx denju. “Il-familja tiegħi hi l-inqas waħda fit-tribù taʼ Manassi, u jien iż-żgħir f’dar missieri.”—Mħallfin 6:12-16.
Iktar minn hekk, wara li Jehovah ta r-rebħa lil Gidgħon, l-irġiel taʼ Efrajm qabdu jitlewmu miegħu. Gidgħon kif irreaġixxa? Beda hu jara lil kulħadd dubbien minħabba r-rebħa li kellu? Le. Hu skansa l-inkwiet billi wieġeb bil-kalma. “X’għamilt jien ħdejkom?” Gidgħon wera l-umiltà.—Mħallfin 8:1-3.
Veru, il-ġrajjiet li jinvolvu lil Gidgħon seħħew żmien twil ilu. Però, xorta waħda se nibbenefikaw jekk nikkunsidraw dan ir-rakkont. Nistgħu naraw li Gidgħon kellu attitudni differenti mhux ħażin minn dik li hija komuni llum, u l-fatt li baqaʼ dejjem juri l-istess attitudni swielu taʼ ġid.
L-attitudni popolari li kulħadd jiġbed lejh tistaʼ b’mod żbaljat iġġagħalna naħsbu li aħna xi ħaġa. Il-prinċipji tal-Bibbja jgħinuna nbiddlu din l-attitudni u jgħallmuna nqisu dak li aħna tassew f’konnessjoni mal-Ħallieq u m’oħrajn.
Meta aħna nagħtu kas il-prinċipji tal-Bibbja, inkunu qed nevitaw li ninġarru mal-kurrent. Ma nibqgħux inħallu s-sentimenti jew il-personalitajiet tagħna jikkontrollawna. Iktar ma nitgħallmu dwar prinċipji taʼ tjieba, iktar insiru nafu l-Oriġinatur tagħhom. Iva, jekk noqogħdu b’sebaʼ għajnejn għall-prinċipji divini meta naqraw il-Bibbja ma jiddispjaċiniex.—Ara l-kaxxa.
Jehovah għamel lill-bniedem ogħla mill-annimali li jimxu primarjament bl-istint. Jekk irridu nagħmlu r-rieda t’Alla jeħtieġ li napplikaw il-prinċipji divini. B’hekk, inkunu nistgħu nħallu l-boxxla morali tagħna taħdem tajjeb, u din se tidderiġina għal ġos-sistema l-ġdida t’Alla. Il-Bibbja tagħtina raġuni għala għandna nistennew li dalwaqt se tiġi sistema ġdida mad-dinja kollha li fiha “tgħammar il-ġustizzja.”—2 Pietru 3:13.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 6]
Xi Prinċipji fil-Bibbja li Huma t’Għajnuna
Fil-Familja:
“Ħadd ma għandu jqis qjiesu biss, iżda qjies ħaddieħor.”—1 Korintin 10:24.
“L-imħabba . . ma tfittixx dak li hu tagħha.”—1 Korintin 13:4, 5.
“Kull wieħed minnkom, għandu jħobb lil martu bħalu nnifsu.”—Efesin 5:33.
“Intom, nisa miżżewwġa, obdu lil żwieġkom.”—Kolossin 3:18.
“Ismaʼ minn missierek li tak il-ħajja, u tmaqdarx ’l ommok meta tixjieħ.”—Proverbji 23:22.
Fl-iskola, fuq ix-xogħol, jew fin-negozju:
“Miżien qarrieq jistkerrhu l-Mulej . . . Il-ħażin jikseb ħlas qarrieqi.”—Qwiel 11:1, 18, Saydon.
“Iqis il-ħalliel li ma jisraqx aktar, imma jaħdem bl-onestà b’idejh.”—Efesin 4:28.
“Jekk xi ħadd ma jridx jaħdem, dan anqas ma għandu jiekol.”—2 Tessalonikin 3:10.
“Kull ma tagħmlu, agħmluh minn qalbkom bħallikieku lill-Mulej.”—Kolossin 3:23.
“Aħna . . . rridu nġibu ruħna sewwa f’kollox.”—Lhud 13:18.
L-attitudni lejn il-ġid materjali:
“Min jgħaġġel biex jistagħna ma jibqax bla ħtija.”—Qwiel 28:20, Saydon.
“Min iħobb il-flus ma jixbax bil-flus.”—Koħèlet 5:9 [5:10, NW].
Opinjoni realistika tagħna nfusna:
“Hu ġieħ li n-nies ifittxu ġieħhom stess”?—Proverbji 25:27, Karm Żammit.
“Ħa jfaħħrek ħaddieħor, iżda mhux fommok.”—Proverbji 27:2.
“Jiena ngħidilkom . . . tippretendux li intom xi ħaġa aktar milli intom kif għandu jkun!”—Rumani 12:3.
“Jekk xi ħadd jaħseb li hu xi ħaġa meta ma hu xejn, ikun iqarraq bih innifsu.”—Galatin 6:3.
[Stampa f’paġna 5]
Danjel ta l-kredtu xieraq lil Alla
[Stampa f’paġna 7]
Meta nittrattaw lil oħrajn fi qbil mal-prinċipji divini nkunu qed nikkontribwixxu għal relazzjonijiet pjaċevoli u għall-hena
[Sors tal-Istampa f’paġna 7]
U.S. Fish & Wildlife Service, Washington, D.C./Robert Bridges