“Xabla għall-Mulej u għal Gidgħon!”
TANT hemm folla kbira li qishom ġradijiet, u l-għelieqi fertili ġabuhom qishom xagħri. Iż-żmien hu għal ħabta li l-imħallfin qed jaħkmu fuq Iżrael, u l-Iżraelin jinsabu ddisprati. Ġemgħat sħaħ taʼ Midjanin, Għamalekin, u nies mil-Lvant rekbin fuq iġmla ilhom sebaʼ snin jinvadu l-art biex jisirqu dak li jsibu hekk kif iż-żrieragħ ikunu se jibdew jinbtu. L-imrieħel tagħhom jitferrxu sabiex isibu fejn jirgħu u jibilgħu l-ħaxix kollu li jsibu. Imma l-poplu taʼ Iżrael la għandu ħmir, la barrin, u lanqas nagħaġ. Il-ħakma tal-biżaʼ tal-Midjanin tant hija kiefra li l-Iżraelin li huma milqutin mill-faqar ikollhom jerfgħu xi affarijiet fil-muntanji, fl-għerien, u f’postijiet diffiċli biex jintlaħqu.
Is-sitwazzjoni għala hija daqshekk imwiegħra? Iżrael apostat qed iqim l-allat foloz, u b’hekk, Ġeħova abbandunahom f’idejn dan it-tirann. Issa li wlied Iżrael ma jifilħux iktar, huma jgħajtu lil Ġeħova għall-għajnuna. Sejjer hu jismagħhom? L-esperjenza taʼ Iżrael x’tgħallimna?—Mħallfin 6:1-6.
Bidwi Attent jew “Raġel Qalbieni”?
Ġeneralment, il-bdiewa Iżraelin jidirsu lqamħ b’barri u slitta fil-beraħ u għall-arja ħalli ż-żiffa tkun tistaʼ ttajjar il-karfa u tisseparaha minn mal-qamħa waqt il-proċess tat-tidrir. Imma sforz it-theddida li hemm minħabba l-ħallelin li huma determinati li jħarbtu l-art, dan jagħmel it-tidrir jidher iktar ovvju. Bil-moħbi tal-Midjanin, Gidgħon jidres il-qamħ fejn jagħsru l-inbid—x’aktarx li f’bittija mkennija mnaqqxa fil-blat u daqsxejn imdaqqsa. (Mħallfin 6:11) Hemmhekk, x’aktarx li l-qamħ jistaʼ jiġi misħuq b’biċċa injama fi kwantitajiet żgħar biss. F’ċirkustanzi bħal dawn, Gidgħon jagħmel dak li jistaʼ.
Immaġina x’sorpriża ħa Gidgħon meta l-anġlu taʼ Ġeħova deherlu u qallu: “Il-Mulej miegħek, ja raġel qalbieni!” (Mħallfin 6:12) Peress li beda jisħaq il-qamħ f’magħsar, Gidgħon abbli ma tantx ħassu hekk dwaru nnifsu. Madankollu, dan il-kliem jindika li Alla kien ċert li Gidgħon jistaʼ jkun mexxej qalbieni taʼ Iżrael. Minkejja dan, hu għandu bżonn jikkonvinċi lilu nnifsu.
Meta Ġeħova jagħtih l-inkarigu biex ‘jeħles lil Iżrael mill-ħakma taʼ idejn Midjan,’ Gidgħon bil-modestja kollha jgħid: “Iddew, ja Sidi, biex se neħles lil Iżrael? Ara, il-familja tiegħi hi l-inqas waħda fit-tribù taʼ Manassi, u jien iż-żgħir f’dar missieri.” B’attenzjoni kbira, Gidgħon jitlob lil Alla għal sinjal biex jinduna li Hu se jkun miegħu meta jmur ikisser lil Midjanin, u meta Ġeħova jara li Gidgħon għandu bżonn li jiġi rassigurat, Hu minn qalbu jagħmel dan. Għalhekk, Gidgħon jippreżenta offerta taʼ l-ikel lill-anġlu li ġie jżuru, u jitlaʼ nar mill-blata filwaqt li jaħraq l-offerta. Wara li Ġeħova jtaffi l-biżaʼ taʼ Gidgħon, Gidgħon jibni artal f’dak il-post.—Mħallfin 6:12-24.
“Ħa Jeħodha Kontrieh Bagħal”
L-akbar problema li għandhom l-Iżraelin m’hijiex l-oppressjoni taʼ Midjan. Il-vera problema hi li ngħaqdu fil-qima maʼ Bagħal. Ġeħova huwa “Alla għajjur,” u ħadd ma jistaʼ jaqdih b’mod aċċettabbli jekk ikun qed jaqdi lil allat oħrajn. (Eżodu 34:14) Għalhekk, Ġeħova jikkmanda lil Gidgħon sabiex iħott l-artal li missieru kien għamel għal Bagħal u jqaċċat ix-xbieha taʼ l-Asera. Minħabba l-biżaʼ mir-reazzjoni taʼ missieru u kif ukoll t’oħrajn, Gidgħon jagħmel dan bil-lejl minflok bi nhar, bl-għajnuna taʼ għaxar qaddejja.
Nistgħu nifhmu għala Gidgħon huwa daqshekk attent għax malli jiskopru dan is-“sagrileġġ,” l-aduraturi lokali taʼ Bagħal iridu jagħtuh il-mewt. Madankollu, Ġowas, missier Gidgħon, jibda jirraġuna mal-poplu b’loġika li ma tistax tiċħadha u jgħidilhom li kieku Bagħal hu Alla, hu kien ikun kapaċi jiddefendi lilu nnifsu. Għal dan, b’mod xieraq Ġowas isejjaħ lil ibnu Ġerub-bagħal, li jfisser “Ħa Jeħodha Kontrieh Bagħal.”—Mħallfin 6:25-32.
Alla dejjem ibierek lill-qaddejja tiegħu kulmeta jieħdu waqfa kuraġġuża għall-qima vera. Meta l-Midjanin u l-alleati tagħhom jerġgħu jinvadu t-territorji taʼ Iżrael, l-ispirtu taʼ Ġeħova “[‘jimla,’ Saydon] lil Gidgħon.” (Mħallfin 6:34) Taħt l-influwenza taʼ l-ispirtu, jew il-forza attiva, t’Alla, Gidgħon jiġmaʼ t-truppi mit-tribujiet taʼ Manasse, Aser, Żebulun, u Naftali.—Mħallfin 6:35.
Jipprepara għal Azzjoni
Għalkemm Gidgħon issa għandu armata taʼ 32,000, hu jitlob lil Alla għal sinjal. Jekk il-ġeżża li jħalli fl-art fejn jidirsu tkun imxarrba bin-nida filwaqt li l-art tkun xotta, dan kien se juri li Alla se jsalva lil Iżrael permezz tiegħu. Ġeħova jagħmel dan il-miraklu, u Gidgħon jitlob għal sinjal ieħor u jieħu l-konferma meta jitolbu biex iwettaq l-ewwel miraklu imma bil-kontra—l-art tixxarrab u l-ġeżża tibqaʼ xotta. Qiegħed Gidgħon ikun attent iżżejjed? Mid-dehra le, għax Ġeħova jaqtaʼ x-xewqa taʼ Gidgħon biex ikun rassigurat. (Mħallfin 6:36-40) Illum il-ġurnata ma nistgħux nistennew li se jseħħu mirakli bħal dawn. Madankollu, nistgħu nirċievu l-gwida u l-assiguranza taʼ Ġeħova mill-Kelma tiegħu.
Alla issa jgħid li l-armata taʼ Gidgħon hija kbira. Jekk huma jirbħu kontra l-għedewwa tagħhom b’armata daqshekk kbira, l-Iżraelin għandhom mnejn jiftaħru li huma salvaw lilhom infushom. Imma Ġeħova għandu jkun il-wieħed li jieħu l-kredtu għar-rebħa li ġejja. X’inhi s-soluzzjoni? Gidgħon irid jestendi l-provvediment li hemm imniżżel fil-Liġi Mosajka u jistieden lil dawk li huma mbeżżgħin biex jirtiraw. Għal dan, 22,000 mill-irġiel tiegħu jagħmlu dan, u jifdal biss 10,000.—Dewteronomju 20:8; Mħallfin 7:2, 3.
Mill-ħarsa t’Alla, xorta għad hemm ħafna rġiel. Lil Gidgħon jintqallu biex jiħodhom ħdejn l-ilma. L-istorjografu Lhudi Ġużeppi Flavju jgħid li Alla ġiegħel lil Gidgħon jimmarċja t-truppi tiegħu lejn xmara fl-eqqel tal-ġurnata. Hu x’inhu il-każ, Gidgħon joqgħod josserva lill-irġiel waqt li jkunu qegħdin jixorbu. Tliet mija biss iniżżlu id waħda fl-ilma u jixorbu minnha filwaqt li joqogħdu għassa għal xi attakk mill-għadu. Dawn it-300 raġel attent biss se jmorru maʼ Gidgħon. (Mħallfin 7:4-8) Immaġina lilek innifsek fiż-żarbun tagħhom. Ladarba l-għedewwa tiegħek huma iktar minn 135,000, żgur li se tgħid li r-rebħa tistaʼ tiġi biss bil-qawwa taʼ Ġeħova, u mhux b’tiegħek!
Alla jistieden lil Gidgħon biex flimkien mal-qaddej tiegħu jispija l-kamp taʼ Midjan. Waqt li qegħdin hemm, Gidgħon jismaʼ raġel jirrakkonta ħolma lil sieħbu li mingħajr ma joqgħod jaħsibha jgħid li t-tifsira tal-ħolma hi li Alla kien se jagħti lill-Midjanin f’idejn Gidgħon. Dan hu dak li Gidgħon għandu bżonn jismaʼ. Hu ċert li Ġeħova se jgħin lilu u lit-300 raġel li kienu miegħu jirbħu lill-Midjanin.—Mħallfin 7:9-15.
L-Istrateġija tal-Battalja
Hemm 300 raġel maqsumin fi tliet gruppi taʼ 100 kull wieħed. Kull raġel tingħatalu tromba u ġarra kbira vojta. F’kull ġarra hemm torċa moħbija. L-ewwel ordni taʼ Gidgħon hi: ‘Ħarsu lejja u agħmlu bħali. Malli ndoqq it-tromba, doqqu wkoll intom u għajtu “Xabla għall-Mulej u għal Gidgħon!”’—Mħallfin 7:16-18, 20.
It-300 suldat Iżraeli jersqu bil-moħbi lejn it-tarf tal-kamp taʼ l-għadu. Saru madwar l-għaxra taʼ fil-għaxija—għadhom kif inbidlu l-għassiesa. Jidher li issa huwa l-aħjar ħin biex jattakkaw, għax jieħu ftit tal-ħin sakemm joqogħdu għad-dlam għajnejn l-għassiesa li għadhom kif ġew.
X’biżaʼ jaqbadhom il-Midjanin issa! F’daqqa waħda l-ħemda tinkiser hekk kif 300 ġarra jitfarrku, 300 tromba jżarżru, u 300 raġel jgħajtu. Miblugħin, speċjalment meta jisimgħu l-għajta “Xabla għall-Mulej u għal Gidgħon!,” il-Midjanin iżidu l-għajjat tagħhom mal-geġwiġija. F’dan il-kaos, huwa verament diffiċli biex tara min hu ħabib u min hu għadu. It-300 raġel għadhom weqfin fil-post li ngħatalhom hekk kif Alla jġiegħel lill-għedewwa jużaw ix-xwabel tagħhom stess biex joqtlu lil xulxin. Il-kamp tħarbat, huwa diffiċli biex taħrab, u l-aħħar attakk jinvolvi li jmorru għal wara dawk li għad fadal u jtemmu t-theddida tal-Midjanin darba għal dejjem. L-invażjoni li ħadet tant fit-tul u li tant kien sar qtil fiha fl-aħħar spiċċat.—Mħallfin 7:19-25; 8:10-12, 28.
Saħansitra wara rebħa bħal din, Gidgħon jibqaʼ modest. Meta nies minn Efrajm, li mid-dehra ħassewhom insultati għax ma ssejħux għall-gwerra, jipprovaw jiħduha miegħu, hu jweġibhom bil-kalma kollha. It-tweġiba ħelwa tiegħu ttaffi d-dagħdigħa tagħhom u tikkalmahom.—Mħallfin 8:1-3; Proverbji 15:1.
Issa li hemm il-paċi, l-Iżraelin iħeġġu lil Gidgħon biex isir sultan fuqhom. X’tentazzjoni dik! Imma Gidgħon jirrifjuta. Hu ma nesiex min kien rebaħ lill-Midjanin. “Ma nsaltanx fuqkom, la jien u lanqas ibni,” jgħid hu. “Il-Mulej isaltan fuqkom.”—Mħallfin 8:23.
Peress li kien imperfett, Gidgħon mhux dejjem jaġixxi bl-għaqal. Għal xi raġuni li ma nafux biha, hu jagħmel efod mill-priża tal-gwerra u juriha lin-nies tal-belt. Ir-rakkont jgħid li Iżrael kollu jibda ‘jiżni’ maʼ l-efod. Huma jibdew iqimuh, u jsir bħal nassa saħansitra għal Gidgħon u għan-nies taʼ daru. Madankollu, hu ma sarx idolatra għall-aħħar, għax l-Iskrittura tgħid li hu kien raġel li kellu fidi f’Ġeħova.—Mħallfin 8:27; Ebrej 11:32-34.
Lezzjonijiet Għalina
L-istorja taʼ Gidgħon tagħtina lezzjonijiet kemm bħala twissija u kemm bħala inkuraġġiment. Twissina li jekk Ġeħova jneħħi minn fuqna l-ispirtu u l-barka tiegħu minħabba kondotta ħażina min-naħa tagħna, il-kundizzjoni spiritwali tagħna se ssir bħal dik tar-residenti milqutin mill-faqar li kienu jgħixu f’art mifnija bil-ġradijiet. Aħna ngħixu fi żminijiet kritiċi u m’għandna qatt ninsew li l-barka taʼ Ġeħova “ġġib l-għana, u xejn ma jżid magħha t-taħbit tagħna.” (Proverbji 10:22) Aħna ngawdu l-barka t’Alla għax ‘naqduh b’qalbna sħiħa u b’rieda soda.’ Inkella hu jwarrabna.—1 Kronaki 28:9.
Nistgħu ninkuraġġixxu ruħna minn dan ir-rakkont dwar Gidgħon, għax jagħti prova li Ġeħova jistaʼ jsalva lill-poplu tiegħu mill-periklu, anki billi juża lil dawk li huma dgħajfin jew bla għajnuna. Il-fatt li Gidgħon u t-300 raġel li kienu miegħu setgħu jirbħu 135,000 Midjan jagħti prova tal-qawwa infinita t’Alla. Għandna mnejn li nkunu f’qagħda kritika u forsi l-għedewwa tagħna jkunu iktar minna fin-numru. Madankollu, ir-rakkont Bibliku taʼ Gidgħon jinkuraġġina nafdaw f’Ġeħova, li se jbierek u jeħles lil dawk kollha li jeżerċitaw fidi Fih.