Il-Valdensi Minn Eretiċi għal Protestanti
Kienet is-sena 1545, f’Lubéron fir-reġjun sabiħ taʼ Provence fin-nofsinhar taʼ Franza. Hawnhekk kienet inġabret armata biex twettaq missjoni terribbli li tqanqlet mill-intolleranza reliġjuża. Dik il-ġimgħa kienet waħda mimlija tixrid taʼ demm.
L-IRĦULA ġew meqrudin, u dawk li kienu jgħixu fihom ittieħdu l-ħabs jew inqatlu. Suldati mill-agħar wettqu atroċitajiet krudili f’massakru li kexkex l-Ewropa. Inqatlu madwar 2,700 raġel, u 600 ntbagħtu jaqdfu bħala lsiera fuq il-bastimenti, biex ma nsemmux it-tbatija li sofrew in-nisa u t-tfal. Il-kmandant militari li mexxa din il-kampanja demmija ġie mfaħħar bil-kbir mir-re Franċiż u mill-papa.
Ir-Riforma kienet diġà ġabet firda fil-Ġermanja meta r-Re Kattoliku Franġisk I taʼ Franza, inkwetat dwar il-firxa tal-Protestantiżmu, beda jitkixxef dwar l-hekk imsejħa nies eretiċi fis-saltna tiegħu. L-awtoritajiet fi Provence ma sabux ftit każi ’l hemm u ’l hawn t’ereżija, imma rħula sħaħ taʼ nies li ma kinux jaqblu mar-reliġjon stabbilita. L-editt, jew digriet, biex tiġi eliminata din l-ereżija għadda u eventwalment twettaq bil-massakru taʼ l-1545.
Min kienu dawn l-eretiċi? U għala sfaw vittmi taʼ din l-intolleranza reliġjuża vjolenti?
Mill-Prosperità għall-Povertà
Dawk li nqatlu fil-massakru kienu parti minn moviment reliġjuż li beda lura fis-seklu 12 u li kien mifrux f’ħafna nħawi fl-Ewropa. Dan il-moviment sar uniku fl-istorja tar-reżistenza reliġjuża, għall-mod kif infirex u għall-fatt li baqaʼ jeżisti għal sekli sħaħ. Il-biċċa l-kbira taʼ l-istorjografi jaqblu li dan il-moviment beda madwar is-sena 1170. Fil-belt Franċiża taʼ Lyons kien hemm negozjant sinjur jismu Vaudès li interessa ruħu ferm f’li jitgħallem kif jogħġob lil Alla. Milli jidher dan tqanqal mit-twissija taʼ Ġesù Kristu li ċertu raġel għani kellu jbigħ il-ġid tiegħu u jagħtih lill-foqra. Għalhekk, Vaudès l-ewwel ra li jipprovdi finanzjarjament għall-familja tiegħu u mbagħad telaq l-għana li kellu biex jippriedka l-Evanġelju. (Mattew 19:16-22) Ma damx ma beda jkollu s-segwaċi, u dawn iktar tard saru magħrufin bħala l-Valdensi.a
Il-faqar, l-ippridkar, u l-Bibbja kienu fiċ-ċentru tal-ħajja taʼ Vaudès. Ma kinitx xi ħaġa ġdida li jsiru protesti kontra l-għana tal-kleru. Għadd taʼ wħud fil-kleru li ma kinux jaqblu mal-knisja kienu ilhom żmien jiħduha kontra l-prattiċi korrotti u l-abbuż tal-poter tagħha. Imma Vaudès kien lajk, bħall-maġġuranza tas-segwaċi tiegħu. Dan bla dubju jispjega għala ħass li kien hemm bżonn taʼ Bibbja fil-lingwa tal-poplu. Peress li l-verżjoni Latina tal-Bibbja tal-knisja setaʼ jużaha biss il-kleru, Vaudès ordna li l-Evanġelji u xi kotba oħra tal-Bibbja jiġu tradotti bil-Franco-Provençal, il-lingwa li kienet tinftiehem min-nies komuni fil-lvant taʼ Franza ċentrali.b Biex jaġixxu skond il-kmand taʼ Ġesù li jippridkaw, il-Foqra taʼ Lyons bdew jippridkaw il-messaġġ tagħhom fil-pubbliku. (Mattew 28:19, 20) L-istorjografu Gabriel Audisio jispjega li l-persistenza tagħhom fl-ippridkar pubbliku saret il-kwistjoni li effettwat b’mod kruċjali l-attitudni tal-knisja lejn il-Valdensi.
Minn Kattoliċi għal Eretiċi
F’dak iż-żmien, l-ippridkar kien limitat biss għall-kleru, u l-knisja ħadet f’idejha d-dritt li tagħti l-awtorità lil xi ħadd biex jippriedka. Il-kleru kien jikkunsidra lill-Valdensi bħala injoranti u illetterati, imma fl-1179, Vaudès fittex l-awtorizzazzjoni uffiċjali għall-ippridkar tiegħu mingħand il-Papa Alessandru III. Il-permess ngħatalu—imma bil-kundizzjoni li japprovawh il-qassisin lokali. L-istorjografu Malcolm Lambert jinnota li dan “kien ifisser kważi l-istess bħal rifjut totali.” Tabilħaqq, l-Arċisqof Jean Bellesmains taʼ Lyons ipprojbixxa formalment l-ippridkar mil-lajċi. Vaudès wieġeb lura billi kkwota Atti 5:29: “Jeħtieġ nobdu aktar lil Alla milli l-bnedmin.” Minħabba li ma mexiex skond il-projbizzjoni, Vaudès ġie skomunikat mill-knisja fl-1184.
Għalkemm il-Valdensi tkeċċew mid-djoċesi taʼ Lyons u ġew imġagħlin jitilqu mill-belt, donnu li d-digriet tal-bidu kien, sa ċertu punt, fit-teorija biss. Ħafna nies ordinarji kienu jammiraw lill-Valdensi għas-sinċerità tagħhom u l-mod kif kienu jgħixu, u anki xi isqfijiet komplew ikellmuhom.
Skond l-istorjografu Euan Cameron, jidher li l-predikaturi Valdensi ma kinux “jopponu l-Knisja Rumana sempliċement għax riedu hekk.” Kulma xtaqu kien li “jippridkaw u jgħallmu.” L-istorjografi jgħidu li l-moviment kien fil-fatt imbottat fl-ereżija minn serje taʼ digrieti li bil-mod il-mod naqqsu l-poter u l-influwenza tal-Valdensi għal kollox. Id-digrieti tal-Knisja laħqu l-quċċata tagħhom fl-iskomunika li ħareġ ir-Rabaʼ Kunsill Lateran kontra l-Valdensi fl-1215. Dan kif effettwa l-ippridkar tagħhom?
Inħbew fis-Sigriet
Vaudès miet fis-sena 1217, u l-persekuzzjoni xerrdet lis-segwaċi tiegħu fil-widien taʼ l-Alpi Franċiżi, fil-Ġermanja, fl-Italja taʼ fuq, u fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant. Il-persekuzzjoni ġagħlet ukoll lill-Valdensi jmorru joqogħdu fl-inħawi rurali, u b’hekk l-attivitajiet taʼ l-ippridkar tagħhom ġew limitati f’ħafna modi.
Fl-1229 il-Knisja Kattolika temmet il-Kruċjata tagħha kontra l-Katari, jew l-Albiġiżi, fin-nofsinhar taʼ Franza.c Issa kien imiss lill-Valdensi biex jiġu attakkati bl-istess mod. L-Inkwiżizzjoni dalwaqt kienet se ddur bla ħniena kontra dawk kollha li kienu jopponu l-knisja. Il-biżaʼ ġagħal lill-Valdensi jinħbew. Sa l-1230 ma kinux għadhom jippridkaw fil-pubbliku. Audisio jispjega: “Flok ma kienu jmorru jfittxu nagħġa ġdida . . . , taw ruħhom biex jieħdu ħsieb il-konvertiti, billi jżommuhom sodi fil-fidi meta jiffaċċjaw il-pressjoni u l-persekuzzjoni minn barra.” Hu jżid jgħid li “l-ippridkar baqaʼ essenzjali imma fil-prattika nbidel kompletament.”
It-Twemmin u l-Prattiċi Tagħhom
Sas-seklu 14, l-attivitajiet taʼ l-ippridkar ma baqgħux isiru kemm mill-irġiel u kemm min-nisa imma minflok il-Valdensi kienu żviluppaw distinzjoni bejn min kien jippriedka u min kien jemmen. Irġiel imħarrġin sew biss kienu qed jieħdu sehem f’xogħol pastorali. Dawn il-ministri li kienu jivvjaġġaw minn post għal ieħor iktar tard saru magħrufin bħala barbes (barba jew ziju).
Il-barbes, li kienu jżuru l-familji Valdensi fi djarhom, ħadmu biex il-moviment jibqaʼ jeżisti, iktar milli biex ikompli jinxtered. Il-barbes kollha kienu jafu jaqraw u jiktbu, u t-taħriġ tagħhom, li kien idum madwar sitt snin, kien ibbażat fuq il-Bibbja. Il-fatt li kienu jużaw il-Bibbja fl-ilsien tal-poplu għenhom jispjegawha lill-merħliet tagħhom. Anki dawk li kienu kontrihom ammettew li l-Valdensi, inkluż it-tfal, kienu jafuha sew il-Bibbja u setgħu jikkwotaw siltiet twal mill-Iskrittura.
Fost affarijiet oħrajn, il-Valdensi tal-bidu kienu jirrifjutaw il-gideb, il-purgatorju, il-Quddies għall-mejtin, il-maħfra u l-indulġenzi papali, u l-qima taʼ Marija u tal-“qaddisin.” Kienu jagħmlu wkoll l-osservanza annwali taʼ l-Ikla taʼ Fil-Għaxija tal-Mulej, jew l-Aħħar Ċena. Skond Lambert, l-għamla tagħhom taʼ qima “kienet, fil-fatt, ir-reliġjon tal-lajk ordinarju.”
“Ħajja Doppja”
Il-komunitajiet tal-Valdensi kienu qrib ħafna taʼ xulxin. L-individwi kienu jiżżewġu lil xi ħadd fl-istess moviment, u matul is-sekli, dan ħoloq kunjomijiet Valdensi. Madankollu, biex jibqgħu ħajjin, il-Valdensi pprovaw jaħbu l-opinjonijiet tagħhom. Is-segretezza marbuta mat-twemmin u l-prattiċi reliġjużi tagħhom għamlitha iktar faċli għal dawk li kienu kontrihom biex jakkużawhom sfaċċatament, per eżempju billi qalu li kienu jieħdu sehem fil-qima tax-Xitan.d
Mod wieħed kif il-Valdensi ħadmu kontra dawn l-akkużi kien billi għamlu kompromessi u pprattikaw dak li l-istorjografu Cameron isejjaħlu “qbil minimu” mal-qima Kattolika. Ħafna Valdensi kienu jqerru maʼ qassisin Kattoliċi, imorru l-Quddies, jużaw l-ilma mbierek, u saħansitra jmorru fuq pellegrinaġġi. Lambert jinnota: “F’ħafna affarijiet kienu jagħmlu bħall-ġirien Kattoliċi tagħhom.” Audisio jgħid ċar u tond li maż-żmien, il-Valdensi “għexu ħajja doppja.” Hu jżid: “Minn banda, kienu jagħmluha taʼ Kattoliċi biex jipproteġu t-trankwillità relattiva tagħhom; mill-banda l-oħra, kienu josservaw għadd taʼ riti u drawwiet bejniethom li kienu jiżguraw li l-komunità [Valdensa] tkompli teżisti.”
Minn Eretiċi għal Protestanti
Fis-seklu 16, ir-Riforma biddlet kompletament ix-xena reliġjuża taʼ l-Ewropa. Il-vittmi taʼ l-intolleranza setgħu jew ifittxu rikonoxximent legali fil-pajjiż tagħhom stess jew inkella jemigraw biex ifittxu kundizzjonijiet aħjar. L-idea taʼ ereżija saret inqas importanti, peress li ħafna nies kienu bdew jiddubitaw mir-reliġjon tradizzjonali u stabbilita.
Sa mill-1523, ir-Riformista magħruf Luteru semma lill-Valdensi. Fl-1526, wieħed mill-barbes Valdensi ġab lura lejn l-Alpi xi aħbarijiet dwar l-iżviluppi reliġjużi fl-Ewropa. Wara dan kien hemm perijodu taʼ bidla li fih il-komunitajiet Protestanti qasmu l-ideat mal-Valdensi. Il-Protestanti inkuraġġew lill-Valdensi biex jieħdu ħsieb u jappoġġaw l-ewwel traduzzjoni tal-Bibbja mil-lingwi oriġinali għall-Franċiż. Din ġiet stampata fl-1535, u iktar tard saret magħrufa bħala l-Bibbja taʼ Olivétan. Iżda, l-ironija hi li l-biċċa l-kbira tal-Valdensi ma kinux jifhmu l-Franċiż.
Hekk kif kompliet il-persekuzzjoni mill-Knisja Kattolika, numru kbir taʼ Valdensi marru joqogħdu fir-reġjun taʼ Provence fin-nofsinhar taʼ Franza fejn kien hemm inqas periklu, u hekk ukoll għamlu xi immigranti Protestanti. L-awtoritajiet malajr ġew avżati dwar din l-immigrazzjoni. Minkejja li kien hemm ħafna rapporti pożittivi dwar l-istil taʼ ħajja u l-morali tal-Valdensi, xi nies iddubitaw mil-lealtà tagħhom u akkużawhom li kienu taʼ theddida għall-bon ordni. L-editt taʼ Mérindol ħareġ, u rriżulta fit-tixrid orribbli taʼ dmija li ssemma fil-bidu taʼ dan l-artiklu.
Ir-relazzjonijiet bejn il-Kattoliċi u l-Valdensi komplew sejrin lura. Sabiex jirreaġixxu għall-attakki li kienu ġejjin kontrihom, il-Valdensi saħansitra irrikorrew għall-użu tal-forza bl-armi biex jiddefendu ruħhom. Dan il-konflitt tefagħhom fi ħdan il-Knisja Protestanta. B’hekk, il-Valdensi ngħaqdu fi sħubija mal-Protestantiżmu li kien iktar aċċettat.
Mas-sekli, ġew stabbiliti knejjes Valdensi f’pajjiżi ’l bogħod minn Franza bħall-Urugwaj u l-Istati Uniti. Madankollu, il-biċċa l-kbira taʼ l-istorjografi jaqblu maʼ Audisio, li jgħid li r-reliġjon tal-Valdensi “spiċċat fi żmien ir-Riforma,” meta “nbelgħet” mill-Protestantiżmu. Fil-fatt, sekli sħaħ qabel, il-moviment tal-Valdensi kien tilef ħafna miż-żelu li kellu fil-bidu. Dan seħħ meta l-membri tiegħu bil-biżaʼ abbandunaw l-ippridkar u t-tagħlim ibbażat fuq il-Bibbja.
[Noti taʼ taħt]
a Vaudès hu magħruf ukoll bħala Valdès, Valdesius, jew Valdo. It-terminu “Valdensi” ġej minn dawn l-ismijiet. Il-Valdensi kienu magħrufin ukoll bħala l-Foqra taʼ Lyons.
b Sa mill-1199, l-isqof taʼ Metz, fil-grigal taʼ Franza, ilmenta mal-Papa Innoċenti III li xi individwi kienu qed jaqraw u jiddiskutu l-Bibbja fil-lingwa tagħhom. X’aktarx li l-isqof kien qed jirreferi għall-Valdensi.
c Ara “The Cathari—Were They Christian Martyrs?” (Il-Katari—Kienu Martri Kristjani?) f’The Watchtower, taʼ l-1 taʼ Settembru, 1995, paġni 27-30.
d Il-kalunnji persistenti kontra l-Valdensi wasslu għall-kelma vauderie (mill-kelma Franċiża vaudois). Din tintuża biex tiddeskrivi lil dawk suspettati li huma eretiċi jew adoraturi tax-Xitan.
[Mappa/Stampa f’paġna 23]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
Inħawi influwenzati mill-Valdensi
FRANZA
Lyons
PROVENCE
Lubéron
Strasbourg
Milan
Ruma
Berlin
Praga
Vjenna
[Stampa]
Il-Valdensi ħadu ħsieb u appoġġaw it-traduzzjoni tal-Bibbja taʼ Olivétan taʼ l-1535
[Sors]
Bibbja: © Cliché Bibliothèque nationale de France, Paris
[Stampi f’paġna 20]
VAUDÈS
Il-ħruq taʼ żewġ nisa xjuħ Valdensi
[Sors]
Paġni 20 u 21: © Landesbildstelle Baden, Karlsruhe