LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w02 4/15 pp. 28-29
  • Żewġ Ministri Reliġjużi li Apprezzaw il-Kitbiet taʼ Russell

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Żewġ Ministri Reliġjużi li Apprezzaw il-Kitbiet taʼ Russell
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “Kien Qisu Waqaʼ bħal Qxur minn Għajnejja”
  • “Nisimgħu, Nisimgħu, Nisimgħu”
  • Il-Valdensi Minn Eretiċi għal Protestanti
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Is-Saltna titwieled fis-sema
    Is-Saltna t’Alla qed taħkem!
  • Min Kien il-Fundatur Tagħkom?
    Mistoqsijiet Komuni dwar ix-Xhieda taʼ Ġeħova
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
w02 4/15 pp. 28-29

Żewġ Ministri Reliġjużi li Apprezzaw il-​Kitbiet taʼ Russell

FL-​1891, Charles Taze Russell, li għamel xogħol eċċellenti fost il-​Kristjani veri, adoraturi taʼ Jehovah, żar l-​Ewropa għall-​ewwel darba. Skond xi rapporti, matul waqfa qasira f’Pinerolo, l-​Italja, Russell iltaqaʼ mal-​Professur Daniele Rivoire, li qabel kien ministru mal-​grupp reliġjuż li jissejħu l-​Valdensi.a Għalkemm wara li telaq il-​ministeru baqaʼ jissieħeb mill-​qrib mal-​Valdensi, Rivoire żamm moħħu miftuħ u qara ħafna mill-​pubblikazzjonijiet li kiteb C. T. Russell.

Fl-​1903, Rivoire qaleb għat-​Taljan il-​ktieb taʼ Russell The Divine Plan of the Ages (Il-Pjan Divin Tul iż-​Żminijiet) u biex stampah ħareġ l-​ispejjeż minn butu stess. Dan seħħ ħafna qabel ma ġiet stampata edizzjoni uffiċjali bit-​Taljan. Fid-​daħla tal-​ktieb, Rivoire kiteb: “Inqiegħdu din l-​ewwel ħarġa bit-​Taljan taħt il-​ħarsien tal-​Mulej. Jalla jberikha ħalli, minkejja l-​imperfezzjonijiet tagħha, tkun tistaʼ tgħin biex tfaħħar bil-​kbir l-​isem l-​iktar qaddis tiegħu u tħeġġeġ lil uliedu li jitkellmu bit-​Taljan biex juru devozzjoni akbar. Jalla l-​qlub taʼ dawk kollha li jaqraw dan il-​ktieb, japprezzaw kemm huma profondi l-​għana, l-​għerf, u l-​għarfien tal-​pjan u l-​imħabba t’Alla, u b’hekk juru gratitudni lejn Alla waħdu li bil-​grazzja tiegħu l-​ippubblikar taʼ dan ix-​xogħol sar possibbli.”

Rivoire beda wkoll jaqleb għat-​Taljan iż-​Zion’s Watchtower and Herald of Christ’s Presence. Din ir-​rivista, għamla taʼ It-​Torri taʼ l-​Għassa kif kien isir fil-​bidu, kienet toħroġ bħala edizzjoni taʼ kull tliet xhur fl-​1903. Għalkemm il-​Professur Rivoire qatt ma sar Student tal-​Bibbja, bħalma kienu magħrufa x-​Xhieda taʼ Jehovah dak iż-​żmien, hu wera interess kbir f’li jxerred il-​messaġġ tal-​Bibbja kif spjegat fil-​pubblikazzjonijiet taʼ l-​Istudenti tal-​Bibbja.

“Kien Qisu Waqaʼ bħal Qxur minn Għajnejja”

Ministru ieħor tal-​Valdensi li kellu stima lejn il-​pubblikazzjonijiet taʼ Russell kien Giuseppe Banchetti. Missier Giuseppe, li kkonverta mill-​Kattoliċiżmu, edukah bit-​tagħlim tal-​Valdensi. Fl-​1894, Giuseppe sar ministru u qeda f’diversi komunitajiet tal-​Valdensi f’Apulia u Abruzzi u fil-​gżejjer taʼ Elba u Sqallija.

Meta l-​edizzjoni awtorizzata bit-​Taljan Divine Plan of the Ages taʼ Russell ġiet stampata fl-​1905, Banchetti kiteb apprezzament mimli entużjażmu. Dan deher fil-​gazzetta Protestanta La Rivista Cristiana. “Għalina,” kiteb Banchetti, il-​ktieb taʼ Russell “hu l-​iktar gwida mdawla u ċerta li kwalunkwe Kristjan jistaʼ jsib sabiex jagħmel studju taʼ l-​Iskrittura Mqaddsa li jkun taʼ benefiċċju u premjanti . . . Malli qrajtu, kien qisu waqaʼ bħal qxur minn għajnejja, u rajt li t-​triq lejn Alla kienet iktar dritta u faċli. Anki dawk li kienu jidhru bħala kontradizzjonijiet fil-​biċċa l-​kbira sparixxew. Duttrini li darba kienu jidhru diffiċli biex tifhimhom dehru sempliċi u aċċettabbli mija fil-​mija. Affarijiet li qabel ma stajtx nifhimhom saru ċari. Il-​pjan taʼ min jammirah tas-​salvazzjoni tad-​dinja permezz taʼ Kristu tant deher quddiem għajnejja b’sempliċità taʼ l-​għaġeb li wassalni biex nistqarr maʼ l-​Appostlu: Kemm huma kbar l-​għana taʼ l-​għerf u taʼ l-​għaqal t’Alla!”—Rumani 11:33.

Bħalma osserva Remigio Cuminetti fl-​1925, Banchetti wera “simpatija kbira” għax-​xogħol taʼ l-​Istudenti tal-​Bibbja u kien “konvint bis-​sħiħ” dwar id-​duttrini kif jispjegawhom huma. Bil-​mod tiegħu, Banchetti wkoll ipprova jxerred dawn id-​duttrini.

Hu evidenti mill-​kitbiet taʼ Banchetti li, bħax-​Xhieda taʼ Jehovah, hu kien jemmen li se jkun hawn l-​irxoxt fuq l-​art, bħalma tgħallem l-​Iskrittura. Hu kien jaqbel ukoll maʼ l-​Istudenti tal-​Bibbja meta spjega li s-​sena li fiha miet Ġesù kienet stabbilità u rivelata minn Alla fil-​profezija taʼ Danjel tas-​70 ġimgħa. (Danjel 9:​24-27) Iktar minn darba, argumenta fil-​beraħ kontra t-​tagħlim tal-​knisja tiegħu, għaliex saħaq li l-​Mafkar tal-​mewt taʼ Ġesù Kristu kellu jsir darba fis-​sena biss, “fil-​ġurnata eżatta taʼ l-​anniversarju.” (Luqa 22:​19, 20) Hu ċaħad it-​teorija taʼ Darwin dwar l-​evoluzzjoni, u kien tal-​fehma li l-​Kristjani veri m’għandhomx jieħdu sehem fi gwerer dinjin.—Isaija 2:4.

Darba minnhom, Banchetti kien qed jiddiskuti l-​kitbiet taʼ Russell maʼ raġel jismu J. Campbell Wall. Bħala tweġiba għall-​kritika taʼ Wall, Banchetti qal: “Jien ċert li jekk taqra s-​sitt volumi taʼ Russell, tesperjenza ferħ kbir u profond, u tirringrazzjani minn qalbek. Jien ma niffanfrax bid-​duttrina; iżda qrajt dawn il-​kotba ħdax-il sena ilu, u nirringrazzja ’l Alla kuljum talli qiegħed quddiemi dawl u konsolazzjoni bħal dawn permezz taʼ xogħol li hu bbażat kompletament u fis-​sod fuq l-​Iskrittura Mqaddsa.”

“Nisimgħu, Nisimgħu, Nisimgħu”

Taʼ min jinnota li dawn iż-​żewġ ministri tal-​Valdensi—Daniele Rivoire u Giuseppe Banchetti—urew apprezzament għall-​mod kif Russell spjega l-​Bibbja. Banchetti kiteb: “Jien ngħid li ħadd minna l-​Evanġelisti, lanqas il-​ministri jew il-​professuri tat-​teoloġija tagħna, ħadd ma jaf kollox. Anzi, għandna ħafna u ħafna affarijiet oħra x’nitgħallmu. . . . [Għandna] . . . noqogħdu kwieti u nisimgħu, mhux naħsbu li nafu kollox. Ma nirrifjutawx dak li jiġi offrut lilna biex neżaminawh. Minflok għandna, nisimgħu, nisimgħu, nisimgħu.”

Kull sena, eluf jisimgħu l-​messaġġ tas-​Saltna kif jitwassal fi djarhom mix-​Xhieda taʼ Jehovah. Nies kullimkien li għandhom moħħhom miftuħ u li huma għatxana għall-​veritajiet tal-​Bibbja qed iwieġbu għall-​istedina taʼ Ġesù: “Ejja u imxi warajja.”—Mark 10:​17-21; Apokalissi 22:17.

[Nota taʼ taħt]

a Imsemmijin għal Pierre Vaudès, jew Peter Valdo, negozjant tas-​seklu 12 minn Lyons, Franza. Valdo ġie skomunikat mill-​Knisja Kattolika talli sfida t-​tagħlim tagħha dwar il-​purgatorju, il-​qima taʼ Marija, l-​indulġenzi, u l-​magħmudija tat-​trabi. Għal iktar informazzjoni fuq il-​Valdensi, ara l-​artiklu “Il-​Valdensi—Minn Eretiċi għal Protestanti” f’It-Torri taʼ l-​Għassa tal-​15 taʼ Marzu, 2002.

[Stampa f’paġna 28]

Il-​Professur Daniele Riviore

[Stampa f’paġna 29]

Giuseppe Banchetti

[Sors]

Banchetti: La Luce, 14 t’April, 1926

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja