Fejn Tinsab is-Sigurtà Tiegħek?
Ġewwa raħal żgħir fl-Afrika tal-Punent, iż-żagħżugħ Josué qed ixejjer lill-familja tiegħu u lil ħbiebu qabel ma jitlaq.a Imbagħad, hu jerħilha lejn belt kbira biex ifittex sigurtà finanzjarja. Madankollu, ftit wara li jasal, it-tama tiegħu bdiet tonqos hekk kif jirrealizza li l-belt m’hijiex post fejn wieħed jistaʼ jsir għani faċilment.
FILWAQT li jistinka biex jaddatta ruħu għall-ħajja tal-belt, Josué jibqaʼ diżappuntat għall-aħħar. Il-belt xejn ma kienet kif immaġinaha hu. Sadanittant, Josué huwa mxennaq biex jirritorna għand il-familja tiegħu u ħbiebu f’dak ir-raħal umli li kien telaq minnu. Imma jibżaʼ li xi wħud mir-raħal se jwaqqgħuh għaċ-ċajt. ‘Tgħidx kemm se jgħajruni fallut,’ hu jinkwieta, ‘għax ma kellix suċċess fil-belt.’
L-iktar ħaġa li qed tkiddu hi li l-ġenituri tiegħu jistgħu jħossuhom diżappuntati. Huma qed jistrieħu fuqu għall-għajnuna finanzjarja. Waqt li jipprova jissielet biex jegħleb din it-tagħbija emozzjonali, Josué jaħdem sigħat twal f’xogħol li jġagħlu jħossu inferjuri u lanqas biss jaqlaʼ farka minn dak li kien ħolom li se jaqlaʼ. Iħossu għajjien mejjet minħabba l-ħafna xogħol li qed jagħmel. U l-ħin li jibqagħlu għall-attivitajiet Kristjani, li jgħożżhom ferm, qed jonqos maʼ kull ġimgħa li tgħaddi. Il-fatt li jinsab ’il bogħod mill-imħabba tal-familja u minn ħbiebu tant qed iġagħluh iħossu mdejjaq u waħdu. Hu jsib li l-belt ma tagħtux dik is-sigurtà li tant kien jixtieq.
Għalkemm l-ismijiet u l-pajjiżi jvarjaw, l-esperjenza taʼ dwejjaq taʼ Josué hija waħda li tirrepeti ruħha taʼ spiss. Ma jfissirx li Josué kien qed ikun egoist għax kellu x-xewqa li jmur xi mkien ieħor—hu kien sempliċement qed ifittex is-sigurtà. Hu sinċerament ħass li l-opportunitajiet li setaʼ jkollu fil-belt kienu aħjar minn dawk li kellu fir-raħal żgħir tiegħu. M’għandniex xi ngħidu, xi drabi wieħed jistaʼ jtejjeb il-qagħda tiegħu b’mod materjali, imma dan ma jfissirx sigurtà vera. Żgur li din ma fissritx hekk fil-każ taʼ Josué, u x’aktarx li lanqas tfisser hekk għall-biċċa l-kbira taʼ dawk li jipprovaw jagħmlu l-istess ħaġa. Dan iġagħalna nistaqsu, ‘X’inhi s-sigurtà?’
Is-sigurtà ma tfissirx l-istess għal kulħadd. Ċertu dizzjunarju jgħid li s-sigurtà hija “ħelsien mill-periklu” jew “ħelsien mill-biżaʼ jew l-ansjetà.” Il-biċċa l-kbira tan-nies jirrealizzaw li “ħelsien mill-periklu” totali ma jeżistix illum. Huma jinsabu sodisfatti sakemm iħossuhom fis-sigurtà, minkejja li madwarhom jistaʼ jkun hemm sitwazzjonijiet li huma taʼ theddida.
Xi ngħidu dwarek? Fejn tistaʼ ddur għas-sigurtà? Tinsab din f’xi belt iktar milli f’xi raħal, bħalma ħaseb Josué? Jew fil-flus, minkejja mnejn u kif tistaʼ tiksibhom? Tistaʼ tinsab f’xi pożizzjoni għolja li tistaʼ tikseb? Minkejja dak li temmen dwar mnejn tistaʼ tiġi s-sigurtà tiegħek, kemm tistaʼ ddum din is-sigurtà sew għalik u sew għall-familja tiegħek?
Ejja nikkunsidraw tliet modi li fihom ħafna individwi jfittxu s-sigurtà—il-post fejn jgħixu; il-flus; jew il-pożizzjoni. Imbagħad se neżaminaw fejn tinsab is-sigurtà dejjiema u ġenwina.
[Nota taʼ taħt]
a L-isem ġie mibdul.