Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Jekk xi ħadd jagħmel suwiċidju, tkun ħaġa tajba li ministru Kristjan jagħti t-taħdita tal-funeral?
Kull ministru Kristjan ikollu jiddeċiedi għalih innifsu jekk b’kuxjenza tajba jistax jagħti taħdita tal-funeral għal xi ħadd li donnu jkun wettaq suwiċidju. Meta jkun qed jieħu d-deċiżjoni, għandu jikkunsidra l-mistoqsijiet li ġejjin: Jehovah kif iqisu s-suwiċidju? Kienet il-mewt taʼ l-individwu tassew qtil tiegħu nnifsu? Kien hemm xi problema mentali jew emozzjonali li qanqlet is-suwiċidju? Is-suwiċidju kif jitqies fil-komunità lokali?
Bħala Kristjani, aħna jinteressana l-mod kif Jehovah iqis is-suwiċidju. Għal Jehovah il-ħajja umana hija prezzjuża u sagra. (Ġenesi 9:5; Salm 36:10 [36:9, NW]) Li wieħed ineħħi ruħu b’idejh b’mod intenzjonat ifisser li jkun qed iwettaq qtil tiegħu nnifsu, u għalhekk dan m’huwiex tajjeb f’għajnejn Alla. (Eżodu 20:13; 1 Ġwann 3:15) Għalhekk, jimpedixxi dan il-fatt li ssir taħdita tal-funeral għal vittma taʼ suwiċidju?
Ikkunsidra l-każ tas-Sultan Sawl taʼ Iżrael. Meta ntebaħ li ma kienx se jibqaʼ ħaj fl-aħħar battalja tiegħu kontra l-Filistin, minflok ma ħalla l-għadu tiegħu jittrattah b’moħqrija, “Sawl qabad ix-xabla u nxteħet fuqha.” Meta l-Filistin sabu l-katavru tiegħu, waħħluh mal-ħitan tal-belt taʼ Betsan. Malli saru jafu x’kienu għamlu l-Filistin, in-nies taʼ Ġabes-gilgħad ħadu l-katavru u ħarquh. Imbagħad ħadu l-għadam tiegħu u difnuh. Saħansitra għamlu sawma taʼ sebat ijiem, rit tradizzjonali tal-vistu fost l-Iżraelin. (1 Samwel 31:4, 8-13; Ġenesi 50:10) Meta David, il-midluk taʼ Jehovah, skopra x’kienu għamlu n-nies taʼ Ġabes-gilgħad, hu qal: “Mberkin intom mill-Mulej, għax għamiltu din il-ħniena maʼ sidkom Sawl u dfintuh. U issa jagħmel il-Mulej il-ħniena u s-sewwa magħkom.” (2 Samwel 2:5, 6) Il-kitba divina ma tindikax li n-nies taʼ Ġabes-gilgħad ġew kundannati talli wettqu dak li setaʼ jiġi kunsidrat bħala rit taʼ funeral għas-Sultan Sawl. Tistaʼ tqabbel dan mal-każ taʼ dawk li ma ngħatawx difna minħabba l-ħażen tagħhom. (Ġeremija 25:32, 33) Ministru Kristjan jistaʼ jikkunsidra r-rakkont dwar Sawl, hu u jiddeċiedi jekk jistax jagħti taħdita tal-funeral għal vittma taʼ suwiċidju.
Forsi l-ħu jkun irid jikkunsidra wkoll x’inhu l-iskop taʼ taħdita tal-funeral. Ix-Xhieda taʼ Jehovah, għall-kuntrarju tan-nies li jemmnu fl-immortalità tar-ruħ, ma jagħmlux il-funerali bl-idea żbaljata li permezz tagħhom ikunu qed juru li l-mejjet mar f’dinja oħra. L-iskop ewlieni taʼ taħdita taʼ funeral m’huwiex li jibbenefika l-mejjet, imma li tfarraġ lill-imnikktin u tagħti xiehda lil dawk li jattendu dwar il-kundizzjoni tal-mejtin. (Koħèlet 9:5, 10; 2 Korintin 1:3-5) Raġuni oħra importanti għala jsir funeral hija sabiex kulmin jattendi jiġi megħjun jirrifletti kemm il-ħajja hi qasira. (Koħèlet 7:2) Se jitwettqu dawn l-iskopijiet permezz tat-taħdita tal-funeral għall-vittma taʼ suwiċidju?
Veru, xi wħud għandhom mnejn iħossuhom li l-individwu jkun qatel lilu nnifsu intenzjonalment, u li kien jaf għalkollox li kien qed jidneb kontra Jehovah. Imma dejjem ikun possibbli li tikkonferma dan is-sentiment? Jistaʼ jkun li kien att taʼ dak il-mument? Xi wħud li jipprovaw jagħmlu suwiċidju jibdlu fehmithom u ma jwettquhx. Imma wara li jkun miet, individwu ma jistax jindem minn dak li għamel.
Fattur ieħor importanti huwa dak tal-problemi mentali u emozzjonali li huma involuti f’ħafna suwiċidji. Dawn l-uħud jistgħu verament jissejħu vittmi taʼ suwiċidju. Skond xi statistiċi, 90 fil-mija taʼ dawk li jagħmlu suwiċidju jkollhom xi tip taʼ problema mentali, emozzjonali, jew konnessa maʼ vizzju. Jaħfrilha Jehovah lil persuna li toqtol lilha nfisha meta tkun fi stat mentali bħal dan? Ma nistgħux niġġudikaw jekk il-mejjet għamilx dnub li ma jinħafirx f’għajnejn Jehovah. Ministru Kristjan jistaʼ jqis iċ-ċirkustanzi u l-istorja medika tal-mejjet meta jikkunsidra jekk jagħtix taħdita tal-funeral għall-vittma taʼ suwiċidju.
Hemm aspett ieħor x’jiġi kunsidrat: In-nies fil-komunità kif iqisu s-suwiċidju u l-mewt taʼ dik il-persuna? Dan huwa taʼ importanza speċjalment għall-anzjani, li tinteressahom ir-reputazzjoni tal-kongregazzjoni lokali tax-Xhieda taʼ Jehovah. Skond xi tkun l-attitudni ġenerali lejn is-suwiċidju fil-lokalità, partikolarment lejn il-każ involut, l-anzjani għandhom mnejn jippreferu li ma jappoġġawx funeral bħal dan pubblikament jew li dan isir fis-Sala tas-Saltna.
Xorta waħda, jekk ministru Kristjan jintalab jippresiedi waqt il-funeral, għandu mnejn iħossu li jistaʼ jagħmel dan fuq bażi privata, mhux bħala rappreżentant tal-kongregazzjoni. Jekk jiddeċiedi li jagħmel hekk, għandu jkun diskret biex ma jgħid xejn b’mod definit jekk hux se jkun possibbli l-irxoxt. Kwalunkwe prospett futur għall-mejjet jinsab f’idejn Jehovah, u ħadd ma jistaʼ jgħid jekk il-mejjet hux se jiġi rxoxtat jew le. Il-ħu jistaʼ jikkonċentra fuq il-veritajiet tal-Bibbja dwar il-mewt u joffri faraġ lill-imnikktin.