LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w02 8/1 pp. 29-31
  • Sforz Ħabrieki Meta Jitbierek minn Jehovah?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Sforz Ħabrieki Meta Jitbierek minn Jehovah?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Sforz Ħabrieki li Jitbierek minn Jehovah
  • Ibqaʼ Issielet għall-​Barka taʼ Jehovah
  • Aħwa Mnikktin li “Bnew id-Dar taʼ Iżrael”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Ġakobb Għandu Familja Kbira
    Il-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-Bibbja
  • Ġakobb Imur Ħaran
    Il-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-Bibbja
  • Ibqaʼ ssara għall-​barka taʼ Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2016
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
w02 8/1 pp. 29-31

Sforz—Ħabrieki Meta Jitbierek minn Jehovah?

“ĦALLINI mmur, għax qiegħed jisbaħ.”

“Ma nħallikx jekk ma tberiknix.”

“Inti x’jismek?”

“Ġakobb.”

“Ma jkunx aktar jismek Ġakobb, iżda Iżrael, għax int issarajt maʼ Alla u mal-​bnedmin, u rbaħt.”​—Ġenesi 32:​27-​29 (32:​26-​28, NW).

Dan id-​djalogu interessanti kien ir-​riżultat taʼ turija straordinarja taʼ ħeffa atletika minn Ġakobb li kellu 97 sena. Għalkemm il-​Bibbja ma tiddeskrivihx bħala atleta, hu ssara, jew tqabad, m’anġlu l-​lejl kollu. Għala? Ġakobb kien konċernat bil-​kbir dwar il-​wirt tiegħu, il-​wegħda li Jehovah għamel lill-​antenat tiegħu.

Ħafna snin qabel, Għesaw, ħu Ġakobb, minn jeddu tah id-​dritt taʼ l-​ewwel imwieled għal ikla għads. Issa lil Ġakobb tasallu l-​kelma li Għesaw kien riesaq lejh flimkien maʼ 400 ruħ. Nistgħu nifhmu għala Ġakobb iħossu ansjuż u jfittex il-​konferma tal-​wegħda taʼ Jehovah li l-​familja tiegħu se titkattar fl-​art li qiegħda fuq in-​naħa l-​oħra tax-​Xmara Ġordan. Fi qbil mat-​talb tiegħu, Ġakobb jieħu azzjoni deċiżiva. Hu jibgħat rigali ġenerużi lil Għesaw li kien qed joqrob lejh. Ukoll, hu jieħu azzjoni difensiva billi jifred il-​kamp tiegħu fi tnejn u jieħu lin-​nisa tiegħu u lil uliedu fuq in-​naħa l-​oħra tax-​xmara Ġabbok. Bi sforz qawwi u b’ħafna biki, hu jkompli jitqabad maʼ l-​anġlu l-​lejl kollu biex ‘jitlob il-​ħniena’ għalih innifsu.​—Hosegħa 12:5 (12:​4, NW); Ġenesi 32:​2-​33 (32:​1-32, NW).

Ikkunsidra eżempju ieħor li ġara qabel, dak taʼ Rakel, it-​tieni mara u l-​ewwel imħabba li kellu Ġakobb. Rakel taf sew bil-​wegħda taʼ Jehovah li kellu jbierek lil Ġakobb. Oħtha Lija, l-​ewwel mara taʼ Ġakobb, titbierek b’erbaʼ subien filwaqt li Rakel tibqaʼ ħawlija. (Ġenesi 29:​31-35) Minflok ma toqgħod titħassar lilha nfisha, hi tkompli titlob bil-​ħrara lil Jehovah u taġixxi b’mod pożittiv fi qbil mat-​talb tagħha. L-​istess bħalma għamlet Sara, l-​antenata tagħha, maʼ Ħagar, Rakel toffri lill-​qaddejja tagħha Bilħa biex tkun bħala mara sekondarja taʼ Ġakobb ħalli, bħalma tgħid Rakel, “ikolli t-​tfal minnha jien ukoll.”a Bilħa tiled żewġ subien lil Ġakobb​—Dan u Naftali. Fit-​twelid taʼ Naftali, Rakel tiddikjara kemm hu kbir l-​isforz emozzjonali tagħha: “Ġlieda kbira ġġelidt maʼ oħti, u rbaħt.” Rakel titbierek ukoll b’żewġ subien tagħha stess, Ġużeppi u Benjamin.​—Ġenesi 30:​1-8; 35:24.

Jehovah għalfejn bierek l-​isforzi fiżiċi u emozzjonali taʼ Ġakobb u Rakel? Huma żammew ir-​rieda taʼ Jehovah quddiem għajnejhom u għożżew il-​wirt tagħhom. Talbu bil-​ħrara għall-​barka tiegħu f’ħajjithom u mxew fi qbil mar-​rieda t’Alla u mal-​petizzjonijiet li għamlu.

Bħal Ġakobb u Rakel, ħafna llum jistgħu jixhdu li hemm bżonn taʼ sforz ħabrieki biex Jehovah jitfaʼ l-​barka tiegħu fuqhom. L-​isforzi tagħhom ħafna drabi jġorru magħhom biki, skuraġġiment, u frustrazzjoni. Waħda omm Kristjana, Elizabeth, tiftakar kemm kellha tħabrek biex terġaʼ tibda tattendi l-​laqgħat Kristjani regolarment wara li kienet waqfet għal żmien twil. Bil-​ħames subien żgħar li kellha, raġel li ma jemminx, u vjaġġ taʼ 30 kilometru bil-​karozza sa l-​eqreb Sala tas-​Saltna, kellha sfida kbira quddiemha. “Biex nipprovaw immorru l-​laqgħat regolarment kellna bżonn ħafna dixxiplina fuqna nfusna, xi ħaġa li kont naf li kienet bżonnjuża għalija u għat-​tfal tiegħi. Dan għenhom jaraw li din kienet triq li jaqblilhom isegwu.” Jehovah bierek l-​isforzi tagħha. Mit-​tlett itfal li għadhom attivi fil-​kongregazzjoni Kristjana, tnejn qegħdin fil-​ministeru full-time. Ferħana ferm bl-​avvanz spiritwali li għamlu, hi tgħid: “Huma kibru spiritwalment iktar minni.” X’barka dik għall-​isforz ħabrieki tagħha!

Sforz Ħabrieki li Jitbierek minn Jehovah

L-​isforz ħabrieki u l-​ħidma iebsa żgur li għandhom il-​ħlas tagħhom. Iktar ma nagħmlu sforz għal xi biċċa xogħol jew għal xi inkarigu, iktar se nirċievu sodisfazzjon wara. Jehovah hekk għamilna. “Għax li wieħed jiekol u jixrob u jduq mill-​frott taʼ xogħlu, dan ukoll hu don taʼ Alla,” kiteb is-​Sultan Salamun. (Koħèlet 3:​13; 5:​18, 19) Però, biex nirċievu l-​barka mingħand Alla, irridu nkunu żguri li l-​isforzi tagħna għandhom skop tajjeb. Per eżempju, huwa raġunevoli li tistenna l-​barka taʼ Jehovah fuq stil taʼ ħajja li jpoġġi l-​interessi tas-​Saltna fit-​tieni post? Jistaʼ Kristjan dedikat jistenna l-​approvazzjoni taʼ Jehovah jekk jaċċetta xogħol jew promozzjonijiet li minħabba fihom ikollu jitlef regolarment il-​laqgħat Kristjani fejn isib is-​sħubija u l-​istruzzjoni li jibnu l-​fidi?​—Lhud 10:​23-​25.

Ħajja mimlija xogħol iebes għal ġiri wara karriera sekulari jew ġid materjali mhix se tkun tfisser li wieħed neċessarjament se “jduq mill-​frott taʼ xogħlu” jekk jitħallew barra l-​affarijiet spiritwali. Ġesù ddeskriva l-​konsegwenzi taʼ sforz bla skop tajjeb fl-​eżempju li ġab taʼ wieħed li jiżraʼ. Dwar dak li “nżeraʼ qalb ix-​xewk,” Ġesù spjega li dan huwa wieħed “li jismaʼ l-​kelma, iżda l-​inkwiet żejjed għall-​ħwejjeġ tad-​dinja u l-​ġibda għall-​ġid taʼ l-​art joħonqulu l-​kelma, li għalhekk ma tagħmilx frott.” (Mattew 13:22) Ukoll, Pawlu wissa kontra l-​istess nassa u żied li dawk li jsegwu triq materjalistika “jaqgħu fit-​tiġrib u fix-​xibka u f’ħafna xewqat bla sens u taʼ ħsara li jitfgħu lill-​bnedmin fil-​qerda u t-​telfien.” X’inhu r-​rimedju għal ħajja daqshekk qerrieda spiritwalment? Pawlu kompla: ‘Aħrab dan kollu u tqigħedx it-​tama tiegħek f’għana li ma tistax torbot fuqu, imma ittama f’Alla li jagħtina kollox bix-​xabaʼ biex ingawdu bih.’​—1 Timotju 6:​9, 11, 17.

Għandna kemm għandna żmien jew ilna kemm ilna naqdu lil Jehovah, kollha kemm aħna nistgħu nibbenefikaw milli nimitaw l-​isforz ħabrieki taʼ Ġakobb u Rakel. Fit-​tfittxija tagħhom għall-​approvazzjoni divina, huma qatt ma warrbu minn quddiem għajnejhom il-​wirt tagħhom, minkejja kemm setaʼ kellhom ċirkustanzi tal-​biżaʼ jew frustranti. Illum, il-​pressjonijiet u d-​diffikultajiet li niffaċċjaw jistgħu wkoll ikunu tal-​biżaʼ, frustranti, jew saħansitra dipressanti. It-​tentazzjoni hi li tieqaf mill-​ġlieda u ssir vittma oħra taʼ l-​attakki taʼ Satana. Hu jistaʼ juża kull mezz taħt il-​kontroll tiegħu, kemm jekk hu divertiment jew rikreazzjoni, sports jew passatempi, karrieri jew ġid materjali, biex iwettaq l-​iskopijiet tiegħu. Riżultati taʼ min jixtieqhom ħafna drabi jiġu mwiegħda imma rari jinkisbu. Dawk li huma mqarrqa jew imħajra biex jintelqu wara ġiri bħal dan taʼ sikwit isibu li jispiċċaw diżappuntati bil-​kbir. Ejja nikkultivaw l-​ispirtu taʼ wieħed li jissielet u negħlbu l-​makakkeriji taʼ Satana, kif għamlu Ġakobb u Rakel tal-​qedem.

Ix-Xitan ma jixtieq xejn ħlief li jarana nċedu, u naħsbu li ‘s-​sitwazzjoni hija bla tama. Li m’hemm xejn x’jistaʼ jsir. Li għalxejn tipprova.’ Għalhekk, kemm huwa vitali li noqogħdu għassa li ma niżviluppawx attitudni taʼ rassenjazzjoni, u naħsbu li ‘ħadd ma jħobbni’ u li ‘Jehovah insieni.’ Jekk inċedu għal ħsibijiet bħal dawn inkunu qegħdin neqirdu lilna nfusna. Jistaʼ dan ikun indikazzjoni li qtajna qalbna u li ma bqajniex nissieltu sakemm nirċievu l-​barka? Ftakar, Jehovah ibierek l-​isforz ħabrieki tagħna.

Ibqaʼ Issielet għall-​Barka taʼ Jehovah

Kemm inħossuna tajbin spiritwalment fil-​biċċa l-​kbira jiddependi minn kemm aħna napprezzaw żewġ veritajiet bażiċi dwar ħajjitna bħala qaddejja taʼ Jehovah. (1) Ħadd m’għandu l-​monopolju fuq il-​problemi, il-​mard, jew is-​sitwazzjonijiet diffiċli fil-​ħajja, u (2) Jehovah jismaʼ l-​għajat taʼ dawk li bil-​ħeġġa kollha jirrikorru lejh għall-​għajnuna u l-​barka.​—Eżodu 3:​7-​10; Ġakbu 4:​8, 10; 1 Pietru 5:​8, 9.

Minkejja kemm iċ-​ċirkustanzi tiegħek jistgħu jkunu diffiċli jew kemm tistaʼ tħossok limitat, iċċedix għal “kull dnub li malajr ifixkilna”​—in-​nuqqas taʼ fidi. (Lhud 12:1) Ibqaʼ issielet sakemm tirċievi l-​barka. Eżerċita l-​paċenzja billi tiftakar fix-​xwejjaħ Ġakobb li ssara l-​lejl kollu biex jirċievi l-​barka. Bħall-​bidwi li jiżraʼ fir-​rebbiegħa u jistenna l-​ħsad, kompli stinka għall-​barka taʼ Jehovah bil-​paċenzja fuq l-​attività spiritwali tiegħek, minkejja kemm tistaʼ taħseb li l-​attività tiegħek hi limitata. (Ġakbu 5:​7, 8) U dejjem żomm f’moħħok il-​kliem tas-​salmista: “Dawk li jiżirgħu fid-​dmugħ jaħsdu bl-​għana taʼ ferħ.” (Salm 126:5; Galatin 6:​9) Żomm sod, u ibqaʼ fost dawk li jissieltu!

[Nota taʼ taħt]

a Il-konkubinaġġ kien jeżisti minn qabel il-​patt tal-​Liġi u kien rikonoxxut u regolat mil-​Liġi. Alla ra li dak ma kienx iż-​żmien addattat biex jirrestawra l-​livell oriġinali tal-​monogamija li kien stabbilixxa fil-​ġnien taʼ l-​Għeden sakemm jiġi Ġesù Kristu, imma hu pproteġa l-​konkubini bil-​leġislazzjoni. Loġikament, il-​konkubinaġġ għen biex il-​popolazzjoni taʼ Iżrael tiżdied b’mod iktar mgħaġġel.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja