Aħwa Mnikktin li “Bnew id-Dar taʼ Iżrael”
HEKK kif kien wasal biex jisbaħ, Lija kienet taf li kienet se tinkixef. Ġakobb, ir-raġel li f’dirgħajh kienet mimduda, dalwaqt kien se jsir jaf li din ma kinitx Rakel, oħtha ż-żgħira. Fi qbil maʼ dak li riedha tagħmel missierha, Lija, li x’aktarx kienet liebsa velu sabiex ma tintgħarafx, kienet imteddet il-lejl taʼ qabel fis-sodda taż-żwieġ li kienet tlestiet għal Ġakobb u Rakel.
Immaġina kif ħassu Ġakobb meta d-dawl taʼ fil-għodu kixef il-verità! Irrabjat, hu tlewwem maʼ Laban, missier Lija. Sadanittant, Lija żgur li ħasbet dwar l-irwol tagħha fl-att qarrieq u x’setgħu jkunu l-effetti dejjiema. Ir-rakkont taʼ Lija u Rakel huwa parti vitali mill-istorja tal-Bibbja. Ukoll, dan jagħti dehen dwar kemm huma għaqlin il-monogamija u l-fedeltà fiż-żwieġ.
Stranġier Ħdejn il-Bir
Sebaʼ snin qabel, Rakel kienet telqet tiġri biex tgħid lil missierha li ħdejn il-bir hi kienet iltaqgħet maʼ stranġier li kien qal li jiġi minnhom. Ġara li hu kien il-kuġin tagħha Ġakobb, l-iben t’oħt missierha u aduratur taʼ Ġeħova. Xahar wara, Ġakobb offra biex jaqdi lil Laban għal sebaʼ snin biex ikun jistaʼ jiżżewweġ lil Rakel. Minħabba li ra kemm kien ħabrieki n-neputi tiegħu u billi kien jaf li fost il-poplu tiegħu kienet drawwa li l-qraba jiżżewġu lil xulxin, Laban aċċetta l-offerta.—Ġenesi 29:1-19.
L-imħabba taʼ Ġakobb għal Rakel ma kinitx xi infatwazzjoni. Is-sebaʼ snin li damu għarajjes “kienu qishom għalih ftit jiem, daqs kemm kien iħobbha.” (Ġenesi 29:20) Il-fatt li Ġakobb ħabb lil Rakel sakemm mietet jindika li hi bilfors li kellha ħafna kwalitajiet li jiġbduk.
Kellha Lija xewqa li hi wkoll tiżżewweġ aduratur leali taʼ Ġeħova? Il-Bibbja ma tgħidx. Ir-rakkont iktar isemmi l-ideat taʼ Laban dwar iż-żwieġ tagħha. Fi tmiem l-għerusija taʼ Rakel, Laban għamel festa tat-tieġ. Imma tul il-lejla, skond ir-rakkont Bibliku, hu ħa lil Lija quddiem Ġakobb biex ‘jersaq lejha.’—Ġenesi 29:23.
Ippjanat Lija li tqarraq b’Ġakobb? Jew kellha sempliċement tobdi lil missierha? U Rakel fejn kienet? Kienet taf x’qed jiġri? Jekk iva, kif ħassitha? Setgħet tisfida r-rieda taʼ missierha li kellu l-awtorità? Il-Bibbja ma twiġibx dawn il-mistoqsijiet. Ħasbu x’ħasbu Rakel u Lija dwar il-kwistjoni, Ġakobb irrabja wara l-komplott. U kien maʼ Laban, mhux maʼ wliedu l-bniet, li Ġakobb argumenta: “Għal Rakel qgħadt naħdem miegħek. Għala qarraqt bija?” Laban kif wieġeb? “F’dawn l-inħawi ma jagħmlux hekk, li jagħtu ż-żgħira qabel il-kbira. Temm il-ġimgħa maʼ din, u nagħtik lil dik ukoll, bi ħlas tax-xogħol li tagħmilli għal sebaʼ snin oħra.” (Ġenesi 29:25-27) B’hekk, Ġakobb ġie mġiegħel jidħol fi żwieġ taʼ poligamija li kien se jikkaġuna għira kbira.
Familja Mnikkta
Ġakobb kien iħobbha lil Rakel. Meta Alla ra li, imqabbla maʼ Rakel, Lija ‘ma kinitx miġjuba,’ hu fetħilha ġufha, filwaqt li Rakel baqgħet ħawlija. Imma Lija riedet iktar minn tarbija, hi riedet l-affezzjoni taʼ Ġakobb. Minħabba li rat lil Rakel tgawdi din l-affezzjoni, hi ħassitha mnikkta u mċaħħda. Xorta waħda Lija ttamat li tikseb l-imħabba taʼ Ġakobb minħabba li kienet wilditlu l-ewwel tifel tiegħu, Ruben, li jfisser “Ara, Iben!” Lija kellha raġuni għala semmiet lil binha hekk: “Għax ra l-Mulej hemmi, u issa żewġi jibda jħobbni.” Imma Ġakobb ma bediex iħobbha; u lanqas ma beda jħobbha meta wilditlu tifel ieħor. Lija semmiet lil dan l-iben Simgħon, li jfisser “Jismaʼ.” Hi rraġunat: “Samaʼ l-Mulej li m’iniex miġjuba, u tani ’l dan ukoll.”—Ġenesi 29:30-33.
Il-fatt li Alla ta widen kien ifisser li Lija kienet talbet dwar is-sitwazzjoni tagħha. Milli jidher kienet mara leali. Madankollu, l-uġigħ emozzjonali tagħha kompla anki wara li kellha t-tielet iben, Levi. Ismu li jfisser “Żamm maʼ” jew “Magħqud maʼ,” jiġi spjegat bil-kliem taʼ Lija: “Din id-darba jinġibed żewġi lejja, għax wilidtlu tlitt itfal.” Però, milli jidher Ġakobb ma ħassux eqreb lejha. Forsi Lija aċċettat dan il-fatt, għax l-isem tar-rabaʼ tifel tagħha ma kien fih l-ebda referenza għat-tama tagħha li jkollha relazzjoni aħjar maʼ Ġakobb. Minflok, l-isem Ġuda wera l-gratitudni tagħha lejn Alla. L-isem “Ġuda” jfisser “Imfaħħar,” jew “Oġġett taʼ Tifħir.” Lija sempliċement qalet: “Din id-darba nfaħħar lill-Mulej.”—Ġenesi 29:34, 35.
Jekk Lija ħassitha mdejqa, Rakel ma tantx ħassitha aħjar. Hi bil-ħrara talbet lil Ġakobb: “Agħtini t-tfal, għax se mmut.” (Ġenesi 30:1) Rakel kellha l-imħabba taʼ Ġakobb, imma hi riedet issir omm. Lija kellha t-tfal, imma riedet tkun maħbuba. It-tnejn riedu dak li kellha l-oħra, u ħadd minnhom ma kien ferħan. It-tnejn kienu jħobbu lil Ġakobb u xtaqu jkollhom it-tfal minnu. Kienu jgħiru għal xulxin. X’sitwazzjoni taʼ niket għal din il-familja!
Kellha Tfal Rakel?
Lura f’dak iż-żmien, l-infertilità kienet meqjusa bħala għajb kbir. Alla kien wiegħed lil Abraham, lil Iżakk, u lil Ġakobb li l-familja tagħhom kienet se tipproduċi n-“nisel” li permezz tiegħu l-familji kollha kienu se jitbierku. (Ġenesi 26:4; 28:14) Madankollu, Rakel ma kellhiex tfal. Ġakobb irraġuna li Alla biss setaʼ jagħti lil Rakel ulied subien, u b’hekk jgħinha tikkontribwixxi għal dawn il-barkiet. Xorta waħda, Rakel ma kinitx paċenzjuża. “Ara, hemm il-qaddejja tiegħi Bilħa,” qalet hi. “Ersaq lejha, biex tiled fuq ħoġri, u jkolli t-tfal minnha jien ukoll.”—Ġenesi 30:2, 3.
Forsi huwa diffiċli għalina biex nifhmu l-attitudni taʼ Rakel. Madankollu, xi kuntratti taż-żwieġ tal-qedem li nstabu fil-Lvant Qarib jindikaw li kienet drawwa aċċettata li mara li ma setax ikollha tfal tagħti lil żewġha xi qaddejja sabiex tnissel werriet.a (Ġenesi 16:1-3) F’xi każi, it-tfal tal-qaddejja kienu jitqiesu bħala t-tfal taʼ sidtha.
Meta Bilħa kellha tifel, Rakel bil-ferħ qalet: “Alla għamel ħaqq miegħi u samaʼ leħni, u tani iben.” Semmietu Dan, li jfisser “Imħallef.” Anki hi kienet talbet dwar is-sitwazzjoni tagħha. Mat-twelid tat-tieni iben taʼ Bilħa, Naftali, li jfisser “L-Issarar Tiegħi,” Rakel qalet: “Ġlieda kbira ġġelidt maʼ oħti, u rbaħt.” L-ismijiet jenfasizzaw il-konflitt li kien hemm bejn ir-rivali.—Ġenesi 30:5-8.
Forsi Rakel ħasbet li hi kienet qed taġixxi fi qbil mat-talb tagħha meta tat lil Bilħa lil Ġakobb, imma dan ma kienx il-mod t’Alla kif jagħtiha t-tfal. Hemm tagħlima f’dan. Aħna m’għandniex nitilfu l-paċenzja meta nitolbu bil-ħrara lil Ġeħova. Hu jistaʼ jwieġeb it-talb b’modi u fi żmien li ma nkunux qed nistennew.
Biex tpatti għal dak li għamlet Rakel, Lija wkoll tat lil Ġakobb il-qaddejja tagħha, Żilfa. Hi l-ewwel wildet lil Gad, u mbagħad lil Aser.—Ġenesi 30:9-13.
Ġrajja fejn tispikka r-rivalità bejn Rakel u Lija involviet xi mandragoli li sab Ruben, it-tifel taʼ Lija. Kien maħsub li din il-frotta kienet tgħin biex il-mara tinqabad tqila. Meta Rakel staqsiet għal ftit frott minnhom, Lija bl-imrar wieġbet: “M’hux biżżejjed li ħadtli ’l żewġi, trid issa teħodli wkoll il-mandragoli taʼ ibni?” Xi wħud jaħsbu li l-kliem tagħha jfisser li Ġakobb kien ikun maʼ Rakel iktar milli kien ikun maʼ Lija. Forsi Rakel indunat li Lija kellha raġun titnikket, għax wieġbet: “Mela llejla jistaʼ jorqod miegħek bi ħlas għall-mandragoli tiegħek.” Għalhekk, x’ħin Ġakobb wasal id-dar fil-għaxija, Lija qaltlu: “Ersaq lejja, għax xtrajtek bil-mandragoli taʼ ibni.”—Ġenesi 30:15, 16.
Lija kellha l-ħames u s-sitt tifel, Issakar u Żebulun. Imbagħad, hi ddikjarat: “Issa żewġi jibqaʼ miegħi għax wellidtlu sitt subjien.”b—Ġenesi 30:17-20.
Il-mandragoli m’għenux fit-tnissil. Wara sitt snin taʼ żwieġ Rakel finalment inqabdet tqila u wildet lil Ġużeppi, imma dan kien minħabba li Ġeħova “ftakar” fiha u wieġeb it-talb tagħha. Hemmhekk biss Rakel setgħet tgħid: “Neħħieli għajbi minn fuqi Alla!”—Ġenesi 30:22-24.
Il-Mewt u l-Wirt
Hekk kif kienet qed tiled it-tieni iben tagħha Benjamin, Rakel mietet. Ġakobb tassew ħabbha lil Rakel, u hu kien jgħożżhom liż-żewġ subien tagħha. Snin wara, hekk kif kien riesaq lejn mewtu, hu ma setax ma jiftakarx fil-mewta ħesrem tal-maħbuba tiegħu Rakel. (Ġenesi 30:1; 35:16-19; 48:7) Rigward il-mewt taʼ Lija, ma nafu xejn ħlief li Ġakobb difinha fl-għar fejn hu stess ried jindifen.—Ġenesi 49:29-32.
Fi xjuħitu Ġakobb ammetta li ħajtu—inkluż il-ħajja tal-familja tiegħu—kienet taʼ niket. (Ġenesi 47:9, NW) Bla dubju, il-ħajja kienet taʼ niket għal Lija u għal Rakel ukoll. L-esperjenzi tagħhom jenfasizzaw il-konsegwenzi taʼ niket tal-poligamija u juru għala Ġeħova stabbilixxa l-fatt li raġel għandu jkollu mara waħda. (Mattew 19:4-8; 1 Timotju 3:2, 12) Meta l-interessi romantiċi jew sesswali taʼ raġel jew mara miżżewġa ma jkunux limitati għal persuna waħda—is-sieħeb jew is-sieħba tagħhom, tinbet l-għira. Din hija raġuni waħda għala Alla jipprojbixxi l-fornikazzjoni u l-adulterju.—1 Korintin 6:18; Ebrej 13:4.
Minkejja dan, Alla kompla—u għadu jkompli—iwettaq l-iskop tiegħu, billi juża rġiel u nisa imperfetti iżda leali. Iżżewġt aħwa kellhom dgħjufijiet, bħalma għandna aħna. Madankollu, permezz taʼ dawn in-nisa, Ġeħova beda jwettaq il-wegħda tiegħu lil Abraham. Bix-xieraq jingħad li Rakel u Lija “bnew id-dar taʼ Iżrael.”—Rut 4:11.
[Noti taʼ taħt]
a Kuntratt bħal dan minn Nuzi, l-Iraq, jgħid hekk: “Kelim-ninu ngħatat fiż-żwieġ lil Shennima. . . . Jekk Kelim-ninu ma jkollhiex [tfal], Kelim-ninu tikseb mara [qaddejja] mill-art taʼ Lullu bħala mara għal Shennima.”
b Dina, tifla oħra mit-tfal taʼ Lija, hija l-unika waħda mit-tfal bniet taʼ Ġakobb li nafu isimha.—Ġenesi 30:21; 46:7.
[Stampa f’paġna 9]
Lija u Rakel xtaqu dak li kellha l-oħra, u ħadd minnhom ma kien ferħan
[Stampa f’paġna 10]
Mit-12-il tifel taʼ Ġakobb ħareġ il-ġens taʼ Iżrael