Bijografija
Għaddejt minn Provi Ħorox taʼ Sofferenza
KIF RAKKONTATA MINN PERICLES YANNOURIS
L-umdità taċ-ċella, li kellha riħa tinten taʼ moffa, daħlitli f’għadmi u ksaħt silġ. Hekk kif kont bil-qiegħda waħdi, mgħotti bi gverta rqiqa, ġibt quddiem għajnejja l-ħarsa bla emozzjoni taʼ marti, li kienet għadha żagħżugħa, hekk kif is-suldati tal-milizzja kaxkruni ’l barra minn dari jumejn qabel u ħallejt lilha u liż-żewġ trabi morda tagħna warajja. Iktar tard, marti, li ma kellhiex l-istess twemmin tiegħi, bagħtitli pakkett u nota li kienet tgħid: “Qed nibgħatlek dawn il-panini, u nirra timrad daqs uliedek.” Kont jien se nibqaʼ ħaj biex nerġaʼ lura d-dar u nara lill-familja tiegħi?
DAN kien biss episodju wieħed fit-taqbida twila u diffiċli għat-twemmin Kristjan, taqbida li kienet tinvolvi oppożizzjoni mill-familja u mill-komunità, battalji legali, u persekuzzjoni ħarxa. Imma jien, bniedem kwiet u nibżaʼ minn Alla, kif u għala spiċċajt f’dak il-post miżerabbli? Jekk jogħġbok ħallini nispjegalek.
Tifel Fqajjar b’Ħolma Kbira
Meta twelidt jien, fl-1909, fi Stavromeno fi Kreta, il-pajjiż kien għaddej minn żmien iebes minħabba l-gwerra, il-faqar u l-ġuħ. Ftit taż-żmien wara, jien u l-erbaʼ ħuti iżgħar minni għal naqra ma qabditniex l-influwenza Spanjola. Niftakar li l-ġenituri tagħna ma kinux iħalluna noħorġu mid-dar għal ġimgħat sħaħ biex żgur ma niħdux din l-influwenza.
Missieri, bidwi fqajjar, kien bniedem reliġjuż ħafna, però fl-istess ħin kien moħħu miftuħ. Meta kien jgħix fi Franza u fil-Madagaskar, hu kien diġà semaʼ b’ideat progressivi dwar ir-reliġjon. Però, il-familja tagħna xorta baqgħet leali lejn il-Knisja Ortodossa Griega, u konna nattendu l-Quddies kull nhar taʼ Ħadd u l-isqof lokali kien joqgħod għandna matul iż-żjara annwali tiegħu. Jien kont fil-kor, u l-ħolma tiegħi kienet li nsir qassis.
Fl-1929 dħalt fil-korp tal-pulizija. Kont xogħol f’Tessalonika, fit-tramuntana tal-Greċja, meta miet missieri. Sabiex insib il-faraġ u t-tidwil spiritwali ksibt transfer għall-korp tal-pulizija tal-Muntanja Athos, komunità monastika fil-qrib, li l-Kristjani Ortodossi kienu jqisuha b’riverenza kbira bħala l-“muntanja qaddisa.”a Jien domt naħdem hemmhekk għal erbaʼ snin u stajt nosserva mill-qrib il-ħajja taʼ dawk fil-monasterju. Minflok ma sirt iktar devot lejn Alla, bqajt diżgustat bl-immoralità u l-korruzzjoni sfaċċata tal-patrijiet. Ħassejtni diżgustat għall-aħħar meta ġejt ittantat sesswalment mis-superjur tal-kunvent, li tant kelli stima kbira lejh. Minkejja dan id-diżappunt kbir, xorta bqajt bix-xewqa sinċiera li naqdi lil Alla u nsir qassis. Darba minnhom saħansitra lbist is-suttana u ħadt ritratt biha biex inżommu bħala tifkira. Maż-żmien mort lura Kreta.
“Dan Xitan!”
Fl-1942 iżżewwiġt tfajla gustuża jisimha Frosini, li kienet minn familja rispettata ħafna. Iż-żwieġ kompla saħħaħli d-deċiżjoni tiegħi biex insir qassis, għaliex il-kunjati tiegħi kienu reliġjużi ħafna.b Kont determinat li mmur Ateni biex nistudja f’seminarju. Fl-aħħar taʼ l-1943 wasalt fil-port taʼ Iráklion, ġewwa Kreta, imma ma tlaqtx lejn Ateni. Dan forsi kien minħabba li sadattant kont sibt sors differenti taʼ rifreskar spiritwali. X’kien ġara?
Emmanuel Lionoudakis, predikatur żagħżugħ u enerġetiku assoċjat max-Xhieda taʼ Jehovah, kien ilu għal xi żmien jivvjaġġa maʼ Kreta kollha jgħallem lin-nies u jiftħilhom għajnejhom dwar veritajiet mill-Bibbja.c Il-mod ċar li bih setgħu jifhmu l-Kelma t’Alla kif preżentata mix-Xhieda tant laqat lil xi nies li abbandunaw ir-reliġjon falza. F’Sitía, belt fil-qrib, ġie organizzat grupp taʼ Xhieda li kellhom ħeġġa kbira għall-verità. Dan xejn m’għoġbu lill-isqof tal-post għax hu kien għex għal xi żmien fl-Istati Uniti u kien jaf kemm kienu effettivi x-Xhieda taʼ Jehovah bħala predikaturi. Kien determinat li jeqred darba għal dejjem din “l-ereżija” fit-territorju tiegħu. Bit-tixwix li xewwex lill-pulizija, dawn spiss kienu jkaxkru lix-Xhieda lejn il-ħabs u jtellgħuhom il-qorti fuq diversi akkużi foloz.
Wieħed minn dawn ix-Xhieda pprova jispjega l-verità tal-Bibbja lili, imma hu assuma li jien ma kontx interessat. Għalhekk bagħat lil Xhud ieħor taʼ iktar esperjenza biex ikellimni. Peress li qtajtlu fil-qasir, dan it-tieni Xhud mar lura lejn il-grupp żgħir taʼ Xhieda u qalilhom: “M’hemmx ċans li Pericles isir Xhud. Dan xitan!”
L-Ewwel Esperjenza t’Oppożizzjoni
Jien ferħan li Alla ma ħasibhiex bħalhom. Fi Frar taʼ l-1945, ħija Demosthenes li kien konvint li x-Xhieda taʼ Jehovah kienu jgħallmu l-verità, tani l-ktejjeb Comfort All That Mourn (Farraġ lil Kulmin Hu Mnikket).d Dak li kien miktub fih impressjonani. Aħna mill-ewwel waqafna nattendu l-Knisja Ortodossa, ngħaqadna mal-grupp li kien hemm f’Sitía, u bdejna nagħtu xiehda lil ħutna iżgħar minna dwar it-twemmin ġdid tagħna. Kollha aċċettaw il-verità tal-Bibbja. Kif kien mistenni, id-deċiżjoni tiegħi li nabbanduna r-reliġjon falza ġabet oppożizzjoni u ostilità minn marti u l-familja tagħha. Għal xi żmien missier il-mara lanqas biss ried ikellimni. Id-dar kien ikollna argumenti u tensjoni kontinwa. Minkejja dan, fil-21 taʼ Mejju, 1945, jien u Demosthenes ġejna mgħammdin minn Ħuna Minos Kokkinakis.e
Sa fl-aħħar il-ħolma tiegħi li naqdi bħala ministru veru t’Alla saret realtà! Għadni niftakar l-ewwel ġurnata li mort fil-ministeru minn dar għal dar. B’basket li kien fih 35 ktejjeb, qbadt il-karozza tal-linja u mort waħdi f’wieħed mill-irħula. Daqsxejn beżgħan bdejt inħabbat bieb bieb. Iktar ma mort ’il bogħod iktar bdejt irrabbi l-kuraġġ. X’ħin ġie fuqi qassis kollu rabja, irnexxieli bil-kuraġġ kollu nieħu l-waqfa tiegħi, u ninjora l-persistenza tiegħu biex jiħodni l-għassa tal-pulizija. Jien għedtlu li ma kontx se nitlaq qabel ma nżur lin-nies kollha f’dak ir-raħal, u propju hekk għamilt. Tant kont ferħan li lanqas kelli sabar nistenna l-karozza tal-linja u mxejt 15-il kilometru lura lejn id-dar.
F’Idejn Delinkwenti bla Qalb
F’Settembru taʼ l-1945, ngħatajt iktar responsabbiltajiet fil-kongregazzjoni li kienet għadha kif tiġi fformata f’Sitía. Ftit żmien wara faqqgħet il-gwerra ċivili fil-Greċja. Gruppi partiġjani bdew jiġġieldu kontra xulxin b’mibegħda ħarxa. L-isqof ipprofitta ruħu mis-sitwazzjoni u ħeġġeġ lil grupp lokali taʼ gwerillieri biex jeħilsu mix-Xhieda bi kwalunkwe mezz li riedu huma. (Ġwann 16:2) Hekk kif dawn il-gwerillieri kienu fuq tal-linja fi triqithom lejn ir-raħal tagħna, mara li kienet fuq tal-linja semgħet il-pjanijiet tagħhom biex iwettqu dan l-att “li ordnalhom Alla,” u taʼ mara twajba li kienet ġiet tavżana. Aħna nħbejna, u wieħed minn qrabatna daħal għalina biex jiddefendina. Ħajjitna ġiet meħlusa.
Dan fetaħ it-triq għal iktar sofferenza. Is-swat u t-theddid saru affarijiet taʼ kuljum. L-avversarji tagħna pprovaw iġagħluna mmorru lura fil-knisja, ngħammdu lil uliedna, u rroddu s-salib. Darba minnhom, huma baqgħu jsawtu lil ħija sakemm ħasbu li kienu qatluh. Kemm kienet diffiċli għalija li narahom iħebbu għaż-żewġ ħuti bniet, iċarrtulhom ħwejjiġhom u jsawtuhom! Matul dak il-perijodu, il-knisja għammdet bil-forza tmienja mit-tfal tax-Xhieda taʼ Jehovah.
Fl-1949 mietet ommi. Il-qassis reġaʼ qabad magħna u beda jakkużana li ma konniex qed inwettqu l-ħtiġijiet legali għall-permess tal-funeral. Tellgħuni l-qorti u ħriġt liberat. Din kienet xiehda kbira, ladarba l-isem taʼ Jehovah issemma fil-kummenti li saru fil-bidu tal-każ. L-unika ħaġa li l-għedewwa tagħna kien baqgħalhom jagħmlu biex “iġibuna f’sensina” kienet li jarrestawna u jeżiljawna. Dan għamluh f’April taʼ l-1949.
Ġo Forn tan-Nar
Jien kont wieħed minn tliet Xhieda li ġew arrestati. Marti lanqas biss indenjat ruħha tiġi tarani l-għassa tal-pulizija. L-ewwel waqfa tagħna kienet f’ħabs f’Iráklion. Kif diġà ddeskrivejt qabel, ħassejtni waħdi u qalbi sewda. Kont ħallejt warajja lil marti, li kienet għadha żagħżugħa u li ma kellhiex l-istess twemmin tiegħi, u liż-żewġ uliedi ċkejknin. Tlabt b’qalbi kollha lil Jehovah biex jgħinni. F’moħħi ġieni l-kliem taʼ Lhud 13:5: “Jien m’iniex se nħallik, anqas nitilqek.” Irrealizzajt kemm kien għaqli li npoġġi l-fiduċja sħiħa tiegħi f’Jehovah.—Proverbji 3:5.
Sirna nafu li konna se niġu eżiljati lejn Makrónisos, gżira għerja lil hinn mix-xatt taʼ Attica, fil-Greċja. L-isem Makrónisos kien biżżejjed biex iqajjimlek ġismek xewk xewk, għaliex il-ħabs li kien hemm fuq din il-gżira kien assoċjat mat-torturi u x-xogħol iebes. Fi triqitna lejn il-ħabs waqafna f’Piraeus. Għalkemm konna għadna mmanettjati, ġejna inkuraġġiti ferm meta xi Xhieda oħra telgħu fuq il-vapur u bdew jgħannquna.—Atti 28:14, 15.
Il-ħajja f’Makrónisos kienet esperjenza tal-biżaʼ. Is-suldati mmaltrattaw lill-priġunieri minn fil-għodu sa tard bil-lejl. Ħafna priġunieri li ma kinux Xhieda tilfu moħħhom, oħrajn mietu, u għadd kbir minnhom baqgħu mmankati fiżikament. Matul il-lejl, konna nisimgħu l-għajjat u l-krib taʼ dawk li kienu jkunu qed jiġu torturati. Il-gverta rqiqa li kelli ma tantx kienet issaħħanni f’dawk l-iljieli kesħin.
Bil-mod il-mod, ix-Xhieda taʼ Jehovah bdew isiru magħrufin mal-kamp kollu għaliex dan l-isem kien jissemma kull fil-għodu meta kienet issir ir-rassenja. B’hekk, kellna ħafna opportunitajiet biex nagħtu xiehda. Jien saħansitra kelli l-privileġġ li ngħammed priġunier politiku, li kien għamel progress u ddedika ħajtu lil Jehovah.
Matul l-eżilju tiegħi, komplejt nikteb lil marti, imma din qatt ma kitbitli lura. Dan ma żammnix milli niktbilha b’tenerezza, noffrilha l-faraġ, u nassiguraha li din kienet biss sitwazzjoni temporanja u li fil-futur konna se nerġgħu nkunu ferħanin.
Sadattant, komplejna niżdiedu hekk kif iktar aħwa waslu fil-ħabs. Waqt li kont naħdem fl-uffiċċju, għamilt ħbieb mal-kurunell kmandant tal-ħabs. Peress li kien jirrispetta lix-Xhieda, jien għamilt il-kuraġġ u staqsejtu jekk stajniex nirċievu xi letteratura Biblika mill-uffiċċju tagħna f’Ateni. “Hekk impossibbli,” qalli, “imma għala ma tgħidux lin-nies tagħkom f’Ateni jippakkjawha ġol-bagalja tas-safar tiegħek, jiktbu ismi fuqha, u jibagħtuha lili?” Ma stajtx nemmen lil widnejja! Xi ftit tal-jiem wara, hekk kif konna qed inħottu minn vapur li kien għadu kif daħal, wieħed mill-pulizija sellem lill-kurunell u qallu: “Sir, il-bagalja tiegħek waslet.” “X’bagalja hi?” wieġeb hu. Inzertajt kont qrib u smajt din il-konversazzjoni, u għalhekk għedtlu minn taħt l-ilsien: “Naħseb li tagħna, għax intbagħtet f’ismek kif għedtilna int.” Dan kien mod wieħed kif Jehovah ra li aħna niġu mitmugħin spiritwalment.
Barka Mhux Mistennija —Imbagħad Iktar Sofferenza
Fl-aħħar taʼ l-1950 ġejt meħlus. Mort lura d-dar—marradi, isfar mewt, niexef għuda, u beżgħan għax ma kontx naf kif kont se niġi milqugħ. Kemm fraħt meta rġajt rajt lil marti u lil uliedi! Jerġaʼ aħjar, bqajt mistagħġeb meta rajt li Frosini ma kinitx għadha ostili daqskemm kienet. Dawk l-ittri mill-ħabs kienu effettivi. Is-sabar u l-persistenza tiegħi kienu laqtuha ħafna lil Frosini. Ftit wara kelli diskussjoni twila u paċifika magħha. Hi aċċettat studju tal-Bibbja u bdiet tibni fidi f’Jehovah u fil-wegħdi tiegħu. Waħda mill-isbaħ ġranet taʼ ħajti kienet fl-1952 meta jien stess għammidtha bħala qaddejja dedikata taʼ Jehovah!
Fl-1955 tajna bidu għal kampanja biex nagħtu lil kull qassis kopja tal-ktejjeb Christendom or Christianity—Which One Is “the Light of the World”? (Il-Kristjaneżmu jew il-Kristjanità—Liema Minnhom Hu “d-Dawl tad-Dinja”?) Jien ġejt arrestat u flimkien maʼ numru taʼ Xhieda sħabi ġejna mtellgħin il-qorti. Tant kien hemm każi kontra x-Xhieda taʼ Jehovah li l-qorti kellha tagħmel sessjoni speċjali biex jiġu mismugħin kollha. Dakinhar, l-istituzzjoni legali kollha tal-provinċja kienet preżenti, u l-awla kienet ippakkjata bil-qassisin. L-isqof beda jippassiġġa ’l hawn u ’l hemm. Wieħed mill-qassisin kien akkużani bi proselitiżmu. L-imħallef staqsieh: “Hija l-fidi tiegħek daqshekk dgħajfa li tiġi konvertit sempliċement għax taqra browxer?” Il-qassis lanqas kien jaf x’se jaqbad jgħid. Jien ġejt liberat, imma xi aħwa weħlu sa sitt xhur ħabs.
Fis-snin taʼ wara, kemm-il darba ġejna arrestati, u l-kawżi fil-qorti żdiedu. L-avukati li ddefendewna kellhom x’jagħmlu mhux ħażin. Jien ġejt imtellaʼ l-qorti 17-il darba. Minkejja l-oppożizzjoni li kellna, konna regulari fl-attività tagħna taʼ l-ippridkar. Aħna aċċettajna bil-ferħ din l-isfida, u l-provi jaħarqu li għaddejna minnhom irfinaw il-fidi tagħna.—Ġakbu 1:2, 3.
Privileġġi u Sfidi Ġodda
Fl-1957 morna noqogħdu Ateni. Ma domtx ma ġejt maħtur biex naqdi f’kongregazzjoni li kienet għadha kif ġiet ifformata. Bl-appoġġ kbir taʼ marti stajna nżommu ħajjitna sempliċi u l-prijoritajiet tagħna kienu jiffokaw fuq attivitajiet spiritwali. B’hekk, stajna nqattgħu l-biċċa l-kbira mill-ħin tagħna fix-xogħol taʼ l-ippridkar. Tul is-snin intlabna mmorru f’diversi kongregazzjonijiet li kellhom bżonn l-għajnuna.
Fl-1963 ibni għalaq 21 sena u nqabad bil-lieva. Minħabba l-waqfa newtrali tagħhom, ix-Xhieda kollha li nqabdu bil-lieva ġew imsawtin, imwaqqgħin għaċ-ċajt u umiljati. Anki ibni hekk ġralu. Għalhekk, jien tajtu l-gverta li kelli meta kont Makrónisos biex ninkuraġġih b’mod simboliku ħalli jsegwi l-eżempju taʼ dawk li żammew l-integrità fil-passat. L-aħwa li nqabdu bil-lieva kienu jidhru quddiem il-qorti marzjali u ġeneralment kienu jeħlu minn sentejn sa erbaʼ snin ħabs. Meta jinħelsu kienu jerġgħu jinqabdu bil-lieva u jiġu sentenzjati mill-ġdid. Bħala ministru tar-reliġjon, stajt inżur diversi ħabsijiet u kelli kuntatti limitati maʼ ibni u Xhieda leali oħra. Ibni nżamm il-ħabs għal iktar minn sitt snin.
Jehovah Żammna Qawwijin u Sħaħ
Wara li ġiet restawrata l-libertà tar-reliġjon fil-Greċja, jien kelli l-privileġġ naqdi bħala pijunier speċjali temporanju fuq il-gżira taʼ Rodi. Imbagħad fl-1986 kien hemm bżonn taʼ l-għajnuna f’Sitía, fi Kreta, fejn kont bdejt il-karriera Kristjana tiegħi. B’qalbi kollha aċċettajt l-inkarigu biex nerġaʼ naqdi hemmhekk m’aħwa li kont ili nafhom minn żgħożiti.
Bħala l-patrijarka tal-familja tiegħi, jien għandi l-pjaċir nara total taʼ kważi 70 mill-qraba tiegħi jaqdu lil Jehovah lealment. U dawn ikomplu jiżdiedu. Xi wħud għadhom jaqdu bħala anzjani, qaddejja ministerjali, pijunieri, Beteliti, u indokraturi li jivvjaġġaw. Għal iktar minn 58 sena, il-fidi tiegħi ġiet testjata minn provi ħorox taʼ sofferenza. Jien issa għandi 93 sena, u hekk kif inħares lura, xejn ma jiddispjaċini li qdejt lil Alla. Hu tani s-saħħa biex inwieġeb għall-istedina kollha mħabba tiegħu: “Ibni, agħtini qalbek, u għajnejk jitgħaxxqu bi triqati.”—Proverbji 23:26.
[Noti taʼ taħt]
a Ara It-Torri taʼ l-Għassa taʼ l-1 taʼ Diċembru, 1999, paġni 30-1.
b Il-qassisin tal-Knisja Ortodossa Griega jistgħu jiżżewġu.
c Għall-bijografija taʼ Emmanuel Lionoudakis, ara It-Torri taʼ l-Għassa taʼ l-1 taʼ Settembru, 1999, paġni 25-29.
d Pubblikat mix-Xhieda taʼ Jehovah imma issa m’għadux jiġi stampat.
e Dwar vittorja legali li involviet lil Minos Kokkinakis, ara The Watchtower taʼ l-1 taʼ Settembru, 1993, paġni 27-31.
[Kaxxa f’paġna 27]
Makrónisos Gżira taʼ Terrur
Għal għaxar snin, mill-1947 sa l-1957, il-gżira għerja u mħarbta taʼ Makrónisos kienet laqgħet fiha iktar minn 100,000 priġunier. Fost dawn kien hemm għexieren taʼ Xhieda leali li ntbagħtu hemmhekk minħabba n-newtralità Kristjana tagħhom. Dawk li xewxu biex ix-Xhieda jiġu eżiljati ġeneralment kienu jkunu qassisin tal-Knisja Ortodossa Griega, u l-akkuża falza kienet li x-Xhieda kienu Komunisti.
Rigward il-proċess taʼ “riforma” li kien jiġi użat f’Makrónisos, l-enċiklopedija Griega Papyros Larousse Britannica tgħid: “Il-metodi taʼ torturi kefrin, . . . il-kundizzjonijiet t’għajxien li m’humiex aċċettabbli għal ġens ċivilizzat, u l-imġiba degradanti tal-gwardjani lejn il-ħabsin . . . jagħmlu għajb lill-istorja tal-Greċja.”
Xi Xhieda ntqalilhom li qatt ma kienu se jinħelsu jekk ma jiċħdux it-twemmin reliġjuż tagħhom. Minkejja dan, l-integrità tax-Xhieda baqgħet sħiħa. Barra minn hekk, xi priġunieri politiċi bdew iħaddnu l-verità tal-Bibbja bħala riżultat tal-kuntatt tagħhom max-Xhieda.
[Stampa f’paġna 27]
Minos Kokkinakis (it-tielet mil-lemin) u jien (ir-rabaʼ mix-xellug) fuq il-gżira penali taʼ Makrónisos
[Stampa f’paġna 29]
Waqt li kont qed naħdem maʼ Xhud ieħor f’Sitía, fi Kreta fejn kont naqdi meta kont żagħżugħ