Żgħażagħ Qegħdin Timxu ’l Quddiem Spiritwalment?
“GĦALKEMM kont qed nattendi l-laqgħat Kristjani, ma kellix xewqa qawwija biex naqdi lil Jehovah,” jgħid Hideo hekk kif iħares lura lejn iż-żmien meta kien jattendi l-iskola sekondarja. “Spiss kont nimmaġina lili nnifsi popolari maʼ sħabi tal-klassi u niddandan b’xi tfajla fit-triq. Ma kellix miri speċifiċi, u ma kellix ix-xewqa li nimxi ’l quddiem spiritwalment.” Bħal Hideo, ħafna żgħażagħ jidhru qishom qed jgħixu bla skop, mingħajr xewqa li jilħqu miri tajbin jew li jagħmlu xi tip taʼ progress.
Jekk int żagħżugħ, forsi tkun mimli entużjażmu meta tinvolvi ruħek f’xi sport jew passatemp. Madankollu, għandek mnejn ma tħossokx hekk dwar l-affarijiet spiritwali. Tistaʼ tkun mimli entużjażmu għal miri spiritwali? Ikkunsidra dan il-kliem tas-salmista: “Ix-xhieda tal-Mulej hi sewwa, u tgħallem lil min ma jafx. . . . Il-kmandament tal-Mulej safi, u jdawwal l-għajnejn.” (Salm 19:8, 9 [19:7, 8, NW]) Il-Kelma t’Alla tistaʼ tiggwida “lil min ma jafx,” jew lil min hu bla esperjenza, biex jaġixxi bil-għaqal u ‘jdawwal għajnejh.’ Iva, l-affarijiet spiritwali jistgħu jkunu verament pjaċevoli u taʼ ferħ għalik. Imma xi trid tagħmel biex tħossok hekk? Mnejn għandek tibda?
Tqanqal biex Taqdi lil Alla
L-ewwelnett, irid jiġi minnek. Ikkunsidra l-każ tas-Sultan żagħżugħ Ġosija li kien isaltan fuq Ġuda. Meta nstab il-ktieb tal-Liġi taʼ Jehovah fit-tempju, Ġosija qrah u tqanqal profondament minn dak li semaʼ. Minħabba f’hekk, “Ġosija neħħa l-qżiżijiet kollha mill-artijiet kollha li kellhom ulied Iżrael.” (2 Kronaki 34:14-21, 33) Il-qari tal-Kelma t’Alla qanqal lil Ġosija biex jagħmel iktar ħalli jmexxi ’l quddiem il-qima vera.
Int ukoll tistaʼ tikkultiva x-xewqa biex taqdi lil Jehovah jekk taqra l-Bibbja u timmedita fuq dak li taqra regolarment. Dan kien li qanqal lil Hideo. Hu beda jissieħeb mill-qrib maʼ ħu akbar minnu li hu pijunier, ministru full-time tax-Xhieda taʼ Jehovah. Il-pijunier kien student ħabrieki tal-Bibbja u kien jistinka biex japplika t-tagħlim tagħha f’ħajtu. Hideo tant ġie inkuraġġit mill-eżempju tal-pijunier li beda jagħmel bħalu u żviluppa xewqa kbira biex jaqdi lil Alla u lil nies oħrajn. Peress li mexa ’l quddiem spiritwalment issa għandu ħajja mimlija skop.
Il-qari tal-Bibbja kuljum jistaʼ jqanqal liż-żgħażagħ. Takahiro jispjega: “Kulmeta kont nidħol fis-sodda u mbagħad nirrealizza li għadni m’għamiltx il-qari tal-Bibbja għal dak il-jum, kont inqum u mmur nagħmlu. Minħabba f’hekk, ħassejt lil Jehovah jiggwidani. Il-qari tal-Bibbja kuljum għenni ħafna biex nikber spiritwalment. Peress li kont determinat li jkolli sehem akbar fix-xogħol taʼ Jehovah, bdejt naqdi fix-xogħol taʼ pijunier regulari ftit wara li ggradwajt mill-iskola sekondarja. U veru qed nieħu pjaċir nagħmlu.”
Minbarra l-qari tal-Bibbja, x’hemm iktar li jistaʼ jgħinek issaħħaħ il-motivazzjoni tiegħek biex tfaħħar lil Jehovah? Tomohiro tgħallem il-verità tal-Bibbja mingħand ommu. Hu jgħid: “Kien biss meta, taʼ 19-il sena, studjajt sew il-ktieb Life Does Have a Purpose li ħassejtni mqanqal profondament mill-imħabba taʼ Jehovah u s-sagrifiċċju tal-fidwa li għamel Ġesù. Dan l-apprezzament għall-imħabba t’Alla qanqalni biex nagħmel iktar fis-servizz taʼ Jehovah.” (2 Korintin 5:14, 15) Bħal Tomohiro, ħafna żgħażagħ jiġu mħeġġin biex jikbru spiritwalment billi jfittxu li jagħmlu studju persunali u diliġenti tal-Bibbja.
Iżda xi ngħidu jekk xorta m’għandekx ix-xewqa f’qalbek biex taqdi lil Jehovah? Tistaʼ titlob l-għajnuna taʼ xi ħadd? L-appostlu Pawlu kiteb: “Għax hu Alla li jaħdem fikom sew ir-rieda u kemm l-egħmil.” (Filippin 2:13, Karm Żammit) Jekk titlob lil Jehovah għall-għajnuna, hu se jagħtik bl-abbundanza l-ispirtu qaddis tiegħu li se jqawwik mhux biss għall-“egħmil” iżda wkoll għar-“rieda.” (Korsiv tagħna.) Dan ifisser li l-ispirtu qaddis t’Alla se jżidlek ix-xewqa biex tagħmel l-aħjar li tistaʼ fis-servizz taʼ Jehovah u se jgħinek tikber spiritwalment. Mela nħeġġuk tafda fil-qawwa taʼ Jehovah u ssaħħaħ qalbek!
Agħmel il-Miri Tiegħek Stess
Ladarba tkun sirt determinat li taqdi lil Jehovah iktar bis-sħiħ, issa trid tagħmel miri persunali sabiex timxi ’l quddiem spiritwalment. Kristjana żagħżugħa jisimha Mana tgħid: “Il-fatt li nagħmel miri kien t’għajnuna kbira għalija. Minflok ma mort lura, stajt nimxi ’l quddiem bil-kuraġġ. Waqt li żammejt il-miri tiegħi f’moħħi, tlabt lil Jehovah bil-ħerqa għall-gwida, u stajt nagħmel progress mingħajr ma kelli xi jtellifni.”
Il-miri tiegħek għandhom ikunu realistiċi u li tistaʼ tilħaqhom. Mira raġunevoli tistaʼ tkun li taqra kapitlu mill-Bibbja kuljum. Tistaʼ wkoll tibda proġett taʼ riċerka. Biex nagħtu eżempju b’xi ħaġa li hi disponibbli bl-Ingliż, tistaʼ tistudja l-kwalitajiet taʼ Jehovah imniżżlin taħt is-sottitlu “Qualities by Name” (Kwalitajiet Skond l-Isem) taħt l-isem “Jehovah” fil-Watch Tower Publications Index. Hemm xi 40 suġġett li tistaʼ tikkunsidra, u r-riċerka żgur li se ġġibek eqreb taʼ Jehovah u se tqanqlek tagħmel iktar għalih. Miri oħrajn li tistaʼ tilħaq jinkludu li tikkummenta minn taʼ l-inqas darba f’kull laqgħa Kristjana li tirrikjedi l-parteċipazzjoni taʼ l-udjenza, li ssir taf aħjar minn taʼ l-inqas membru wieħed f’kull laqgħa tal-kongregazzjoni, u li ma tħallix ġurnata tgħaddi mingħajr ma titlob lil Jehovah u titkellem dwaru m’oħrajn.
Jekk għadek ma nktibtx fl-Iskola tal-Ministeru Teokratiku, din hija mira tajba li tistaʼ tipprova tilħaq. Qed tieħu sehem fil-ministeru pubbliku? Jekk le, għandek mnejn trid taħdem biex issir pubblikatur mhux mgħammed. Ikkunsidra bis-serjetà r-relazzjoni tiegħek maʼ Jehovah u minn jeddek se titqanqal tagħmel il-pass li jmiss tad-dedikazzjoni tiegħek lilu. Ħafna żgħażagħ jistinkaw biex jgħixu skond id-dedikazzjoni tagħhom billi jirsistu għall-ministeru full-time.
Għalkemm huwa tajjeb li jkollok miri f’ħajtek, oqgħod attent li ma tiżviluppax spirtu taʼ kompetizzjoni. Se ssib iktar ferħ f’dak li tagħmel jekk ma tqabbilx lilek innifsek m’oħrajn.—Galatin 5:26; 6:4, NW.
Forsi tħoss li m’għandekx esperjenza u ssibha diffiċli biex tagħmel miri raġunevoli. F’dan il-każ, segwi l-parir tal-Bibbja: “Agħti widen u ismaʼ kliem l-għorrief.” (Proverbji 22:17) Ikseb l-għajnuna tal-ġenituri tiegħek jew taʼ Kristjani maturi oħrajn. Dażgur, il-ġenituri u oħrajn għandhom ikunu raġunevoli u inkuraġġanti f’dan ir-rigward. Minħabba l-pressjoni biex jistinkaw għall-miri li jagħmlulhom oħrajn, iż-żgħażagħ jistgħu jitilfu l-ferħ u saħansitra jitilfu l-iskop li għalih ikunu għamlu l-miri. Dan hu dak li ġara lil waħda tfajla, li qalet: “Il-ġenituri tiegħi għamluli mira wara l-oħra, bħal li nidħol fl-Iskola tal-Ministeru Teokratiku, nieħu sehem fis-servizz taʼ l-għalqa, nitgħammed, u nsir pijuniera. Għamilt sforz kbir biex nilħaq kull waħda minnhom. Kulmeta kont nilħaq xi mira, minflok ma faħħruni, il-ġenituri tiegħi għamluli mira oħra biex nistinka għaliha. Minħabba f’hekk, dejjem ħassejtni sforzata biex nilħaq il-miri. Għajjejt u qatt ma kont inħossni kuntenta b’dak li nkun wettaqt.” X’kien hemm ħażin? Il-miri kollha kienu tajbin, iżda ma kinux il-miri persunali tagħha. Biex tirnexxi, irid jiġi minnek li tieħu l-inizjattiva u tagħmel mira persunali!
Aħseb dwar Ġesù Kristu. Meta ġie fuq l-art kien jaf x’kien qed jistenna minnu Missieru, Jehovah. Għal Ġesù, li jagħmel ir-rieda taʼ Missieru ma kinitx sempliċi mira iżda missjoni li ried iwettaq. Ġesù kif ħares lejn l-inkarigu tiegħu? Hu qal: “L-ikel tiegħi hu li nagħmel ir-rieda taʼ min bagħatni u li nwassal fit-tmiem l-opra tiegħu.” (Ġwann 4:34) Ġesù kien jitgħaxxaq f’li jagħmel ir-rieda taʼ Jehovah u għex skond dak li xtaq minnu Missieru. Kien bħal ikel għal Ġesù—hu ħa pjaċir u ħassu sodisfatt għax wettaq dak li kien mistenni minnu. (Lhud 10:5-10) Int ukoll tistaʼ ssib l-għaxqa tiegħek meta titqanqal kif jixraq biex tagħmel dak li jħeġġuk tagħmel il-ġenituri tiegħek.
Tgħejja Qatt Tagħmel il-Ġid
Ladarba jkollok mira f’moħħok, aħdem iebes biex tilħaqha. Galatin 6:9 jgħid: “Ma negħjew qatt nagħmlu l-ġid; għax jekk ma naqtgħux qalbna, naħsdu fi żmienu.” Tistrieħx fuq is-saħħa jew l-abbiltà tiegħek biss. Wisq probabbli se tiffaċċja xi ostakli u kultant għandek mnejn tħoss li mhux qed tirnexxi. Imma l-Bibbja tassigurana: “[F’Alla] aħseb f’kull ma tagħmel, u hu jwittilek triqatek.” (Proverbji 3:6) Jehovah se jsostnik hekk kif int taħdem iebes biex tilħaq il-miri spiritwali tiegħek.
Iva, billi tikkultiva x-xewqa li taqdi lil Jehovah u tirsisti biex tilħaq miri spiritwali, se tkun tistaʼ turi lil ‘kulħadd li int miexi ’l quddiem.’ (1 Timotju 4:15) Imbagħad, se tgawdi ħajja sinifikanti taʼ servizz lil Alla.
[Stampa f’paġna 9]
Jekk taqra l-Bibbja u timmedita fuq dak li taqra se titqanqal biex taqdi lil Jehovah
[Stampa f’paġna 10]
Ġesù għex skond dak li xtaq minnu Missieru