Mistoqsijiet mill-Qarrejja
In-numri tal-kapitli u l-versi fil-ktieb tas-Salmi għala huma differenti f’diversi traduzzjonijiet tal-Bibbja?
L-ewwel Bibbja kompluta li ġiet imqassma f’kapitli u versi kienet traduzzjoni Franċiża pubblikata minn Robert Estienne fl-1553. Madankollu, milli jidher il-ktieb tas-Salmi kellu t-taqsimiet ħafna qabel dan, peress li kien ġabra taʼ salmi, jew għanjiet, individwali miktubin minn numru taʼ nies.
Milli jidher, Jehovah l-ewwel idderieġa lil David ħalli jiġbor ġabra taʼ salmi biex tintuża fil-qima pubblika. (1 Kronaki 15:16-24) Huwa maħsub li Esdra, qassis u ‘skriba tajjeb,’ iktar tard kellu r-responsabbiltà li jiġbor il-ktieb kollu tas-Salmi kif nafuh illum. (Esdra 7:6) Għalhekk, il-ktieb tas-Salmi kien magħmul minn salmi individwali meta nġabar fi ktieb wieħed.
Waqt diskors li l-appostlu Pawlu għamel fis-sinagoga f’Antjokja (Pisidja) fl-ewwel vjaġġ missjunarju tiegħu, hu kkwota mill-ktieb tas-Salmi u qal: “Kif hemm miktub fit-tieni salm, ‘Ibni int, jien illum nissiltek.’” (Atti 13:33) Fil-Bibbji taʼ llum, dak il-kliem għadu jinsab fit-tieni salm, vers 7. Madankollu, f’diversi traduzzjonijiet tal-Bibbja ħafna mis-salmi ġew innumerati b’mod differenti. Dan hu minħabba li xi traduzzjonijiet huma bbażati fuq it-Test Masoretiku Ebrajk, filwaqt li oħrajn huma bbażati fuq is-Settanta Griega, li hi traduzzjoni tat-test Ebrajk li tlestiet fit-tieni seklu Q.E.K. Per eżempju, il-Vulgata Latina, li minnha ġew tradotti ħafna mill-Bibbji Kattoliċi, tuża n-numri tas-salmi kif jidhru fis-Settanta, filwaqt li n-New World Translation u oħrajn jużaw dik tat-test Ebrajk.
X’inhuma d-differenzi speċifiċi? It-test Ebrajk għandu total taʼ 150 salm. Madankollu, is-Settanta tgħaqqad Salm 9 u 10 f’kapitlu wieħed u Salm 114 u 115 f’kapitlu wieħed ukoll. Barra minn hekk, Salm 116 u 147 taqsamhom kull wieħed minnhom f’żewġ salmi. Għalkemm in-numru totali tas-salmi baqaʼ l-istess, in-numri minn Salm 10 sa Salm 146 fis-Settanta qegħdin lura b’wieħed minn kif qegħdin fit-test Ebrajk. Għalhekk, fid-Douay Version il-famuż Salm 23 jidher bħala Salm 22 għax din il-Bibbja timxi fuq in-numri tal-Vulgata Latina, li min-naħa l-oħra ssegwi s-Settanta.
Bħala konklużjoni, in-numri tal-versi taʼ xi wħud mis-salmi jistgħu jkunu differenti wkoll minn traduzzjoni għall-oħra. Għala? Ir-raġuni hi, kif tgħid is-Cyclopedia taʼ McClintock u Strong, li xi traduzzjonijiet jadottaw “il-prattika Lhudija li jqisu s-sopraskrizzjoni bħala l-ewwel vers,” waqt li oħrajn le. Fil-fatt, jekk it-titlu jew is-sopraskrizzjoni tkun twila, ħafna drabi din tkun magħduda bħala żewġ versi, u minħabba f’hekk jiżdied l-għadd tal-versi fis-salm.