Il-Kelma taʼ Ġeħova Hi Ħajja
Punti Prinċipali mill-Ewwel Ktieb tas-Salmi
LIEMA titlu jkun adattat għal ktieb Bibliku li fil-biċċa l-kbira jikkonsisti f’tifħir lil Alla Ġeħova, il-Ħallieq tagħna? L-iktar titlu mistħoqq ikun Salmi, jew Tifħir. Dan l-itwal ktieb tal-Bibbja jiġbor fih għanjiet b’kompożizzjoni mill-isbaħ li jirrakkontaw dwar il-kwalitajiet meraviljużi t’Alla u l-atti setgħana tiegħu u jsemmu għadd taʼ profeziji. Ħafna mill-għanjiet jesprimu s-sentimenti li l-kittieba ħassew meta kienu għaddejjin minn xi għawġ. Dawn l-espressjonijiet ikopru perijodu taʼ xi elf sena—minn żmien il-profeta Mosè sa wara l-eżilju. Il-kittieba kienu Mosè, is-Sultan David, u oħrajn. Il-qassis Esdra kien il-wieħed li rranġa l-ktieb għall-mod kif nafuh illum.
Sa minn żmien twil ilu, il-ktieb tas-Salmi kien maqsum f’ħames ġabriet, jew sezzjonijiet, t’għanjiet: (1) Salm 1-41, (2) Salm 42-72, (3) Salm 73-89, (4) Salm 90-106, u (5) Salm 107-150. Dan l-artiklu se jikkunsidra l-ewwel ġabra. Is-salmi kollha f’din is-sezzjoni, ħlief tlieta, inkitbu mis-Sultan David taʼ Iżrael tal-qedem. Il-kittieba taʼ Salm 1, 10, u 33 m’humiex identifikati.
“ALLA TIEGĦI, IL-BLATA TIEGĦI”
Wara li l-ewwel salm jiddikjara hieni lil dak li jitgħaxxaq bil-liġi taʼ Ġeħova, it-tieni salm iwassal għat-tema tas-Saltna.a Ħafna minn dan il-grupp taʼ salmi huma suppliki lil Alla. Per eżempju, f’Salm 3-5, 7, 12, 13, u 17 insibu suppliki għall-ħelsien mill-għedewwa. Salm 8 jenfasizza l-kobor taʼ Ġeħova meta mqabbel maċ-ċokon tal-bniedem.
Filwaqt li jiddeskrivi lil Ġeħova bħala l-Protettur tal-poplu tiegħu, David ikanta: “Alla tiegħi, il-blata tiegħi, li fih nistkenn.” (Salm 18:2, Karm Żammit) F’Salm 19, Ġeħova jitfaħħar bħala l-Ħallieq u l-Wieħed li jagħti l-liġijiet, f’Salm 20 jitfaħħar bħala s-Salvatur, u f’Salm 21 jitfaħħar bħala s-Salvatur tas-Sultan midluk tiegħu. F’Salm 23 jidher bħala r-Ragħaj il-Kbir, filwaqt li f’Salm 24 jidher bħala Sultan glorjuż.
Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:
2:1, 2, KŻ—Il-ġnus dwar liema “ħwejjeġ fiergħa” jibqgħu jreddnu? Il-“ħwejjeġ fiergħa” li jikkonċernaw kontinwament lill-gvernijiet umani huma ż-żamma taʼ l-awtorità tagħhom stess. Dan huwa fieragħ għax l-iskop tagħhom żgur li m’huwiex se jirnexxi. Jistgħu verament il-ġnus ikollhom suċċess “kontra l-Mulej, u l-Midluk tiegħu”?
2:7—X’inhu “d-digriet tal-Mulej”? Dan id-digriet huwa l-patt għal Saltna li Ġeħova għamel maʼ Ġesù Kristu, il-maħbub Ibnu.—Luqa 22:28, 29.
2:12, KŻ—Il-ħakkiema tal-ġnus b’liema mod se ‘jbusu l-Iben’? Fiż-żminijiet Bibliċi, il-bews kien sinjal taʼ ħbiberija jew lealtà. Kien ukoll mod kif tilqaʼ lill-mistidnin. Is-slaten taʼ l-art ġew kmandati biex ibusu lill-Iben—jiġifieri, jilqgħuh bħala s-Sultan Messjaniku.
3:1 (3:sopraskrizzjoni, NW )—X’inhu l-iskop tas-sopraskrizzjoni li tidher f’ċerti salmi? Kultant is-sopraskrizzjoni tidentifika min hu l-kittieb u/jew tipprovdi informazzjoni dwar iċ-ċirkustanzi li nkiteb fihom is-salm, bħalma hu fil-każ taʼ Salm 3. Is-sopraskrizzjoni għandha mnejn tispjega wkoll l-iskop jew l-użu taʼ xi għanja partikulari (Salm 4 u 5) kif ukoll tagħti xi istruzzjonijiet mużikali (Salm 6).
3:2, KŻ—X’inhi “Sela”? Dan it-terminu ġeneralment huwa maħsub li jirrappreżenta pawsa għal meditazzjoni fis-skiet, jew għall-kant biss jew għall-kant u l-mużika strumentali. Il-pawsa kienet tintuża wkoll sabiex tenfasizza xi ħsieb jew emozzjoni li tkun għadha kif ġiet espressa. Din il-kelma m’għandhiex għalfejn titlissen waqt il-qari pubbliku tas-Salmi.
11:3—Liema sisien inqalbu? Dawn huma proprju dawk is-sisien li s-soċjetà umana sserraħ fuqhom—il-liġi, l-ordni, u l-ġustizzja. Meta fost dawn ikun hemm konfużjoni, fis-soċjetà jkun hemm diżordni u jkun hemm nuqqas taʼ ġustizzja. F’kundizzjonijiet bħal dawn, “il-bniedem ġust” irid jafda kompletament f’Alla.—Salm 11:4-7.
21:4 (21:3, NW )—X’hemm daqshekk sinifikanti dwar il-“kuruna taʼ deheb fin”? Ma jingħadx jekk il-kuruna kinitx letterali jew simbolu taʼ iktar glorja li David irċieva minħabba r-rebħ li kellu. Madankollu, dan il-vers jipponta b’mod profetiku lejn il-kuruna tas-saltna li Ġesù rċieva mingħand Ġeħova fl-1914. Il-fatt li l-kuruna hija magħmula mid-deheb juri li l-ħakma tiegħu hi taʼ l-aqwa kwalità.
22:2, 3 (22:1, 2, NW )—David għal liema raġuni setaʼ ħass li Ġeħova kien telqu? David tant kien għaddej minn pressjoni kbira minħabba l-għedewwa tiegħu li ‘qalbu kienet bħal xemgħa ddub ġewwa fih.’ (Salm 22:15 [22:14, NW]) Għalih setaʼ deher li Ġeħova kien abbandunah. Meta kien imsammar maʼ zokk, Ġesù wkoll ħassu hekk. (Mattew 27:46) Kliem David juri r-reazzjoni naturali minħabba s-sitwazzjoni diffiċli li kien fiha. Madankollu, mit-talba tiegħu mniżżla f’Salm 22:17-22 (22:16-21, NW), jidher ċar li David ma kienx tilef il-fidi tiegħu f’Alla.
Lezzjonijiet Għalina:
1:1. M’għandniex nagħmluha maʼ dawk li ma jħobbux lil Ġeħova.—1 Korintin 15:33.
1:2. M’għandniex inħallu li tgħaddi ġurnata mingħajr ma nkunu ħsibna fuq l-affarijiet spiritwali.—Mattew 4:4.
4:5 (4:4, NW ). Meta nkunu rrabjati, ikun għaqli li nisktu sabiex ma ngħidux xi ħaġa li iktar tard jiddispjaċina li nkunu għednieha.—Efesin 4:26.
4:6, KŻ (4:5, NW ). Is-sagrifiċċji spiritwali tagħna jkunu “sagrifiċċji tal-ħaqq” biss meta jkunu mqanqlin minn motivi tajbin jew meta l-kondotta tagħna tilħaq il-ħtiġijiet taʼ Ġeħova.
6:6 (6:5, NW ). Jistaʼ jkun hemm raġuni aħjar għala għandna nkunu rridu nibqgħu ħajjin?—Salm 115:17.
9:13 (9:12, NW ). Ġeħova jitħallas tad-demm billi jikkastiga lil dawk li jxerrdu d-demm, imma jiftakar “għajat l-imsejknin.”
15:2, 3; 24:3-5. L-aduraturi veri għandhom jgħidu l-verità u m’għandhomx jaħilfu ħażin u jimmalafamaw.
15:4, KŻ. Għandna nagħmlu dak kollu li nistgħu biex inwettqu l-wegħdi tagħna, anki jekk dan ikun diffiċli għalina biex nagħmluh, sakemm ma nindunawx li dak li nkunu wegħedna jmur kontra l-iskrittura.
15:5. Bħala l-aduraturi taʼ Ġeħova, għandna bżonn ngħassu kontra l-użu ħażin tal-flus.
17:14, 15. In-“nies tad-dinja” (Saydon) jiddedikaw ruħhom għall-ġiri wara livell għoli taʼ ħajja, biex irabbu familja, u biex iħallu wirt tajjeb warajhom. Dak li kien jikkonċerna l-iktar lil David kien li jkollu isem tajjeb m’Alla sabiex ikun jistaʼ ‘jara ’l wiċċu,’ jiġifieri jkollu l-favur taʼ Ġeħova. Meta ‘jqum’ u jesperjenza l-wegħdi u l-assiguranza taʼ Ġeħova, David se ‘jithenna bid-dehra tiegħu,’ jiġifieri se jkun ferħan li l-preżenza taʼ Ġeħova se tkun miegħu. Bħal David, m’għandniex aħna niffokaw fuq it-teżori spiritwali?
19:2-7 (19:1-6, NW ). Jekk il-ħolqien, li la jistaʼ jitkellem u lanqas jirraġuna, jagħti glorja lil Ġeħova, kemm iktar għandna nagħmlu hekk aħna li nistgħu naħsbu, nitkellmu, u nqimu?—Rivelazzjoni 4:11.
19:8-12 (19:7-11, NW ). Il-ħtiġijiet taʼ Ġeħova—kemm huma taʼ benefiċċju għalina!
19:13, 14 (19:12, 13, NW ). In-nuqqasijiet u l-kburija huma dnubiet li rridu ngħassu kontrihom.
19:15 (19:14, NW ). Irridu nkunu konċernati mhux biss dwar dak li nagħmlu imma wkoll dwar dak li ngħidu u naħsbu.
“MINĦABBA L-INTEGRITÀ TIEGĦI INT ŻAMMEJTNI WIEQAF”
(Salm 25:1–41:14 [25:1–41:13, NW])
David kemm jesprimi x-xewqa sinċiera u d-determinazzjoni qawwija li jżomm l-integrità fl-ewwel żewġ salmi taʼ dan il-grupp! Hu kanta: “Iżda jien nimxi fl-integrità tiegħi.” (Salm 26:11, KŻ ) Meta talab għall-maħfra tad-dnubiet, hu ammetta: “Jien bqajt sieket, u nfena ġismi, jiena u nokrob il-jum kollu.” (Salm 32:3) Lil dawk li huma leali lejn Ġeħova, David jagħti din l-assiguranza: “Għajnejn il-Mulej lejn il-ġusti, u widnejh miftuħa għall-għajta tagħhom.”—Salm 34:16 (34:15, NW).
Kemm kien taʼ valur il-parir li hemm f’Salm 37 għall-Iżraelin u kemm hu taʼ valur għalina llum, ladarba qed ngħixu “fl-aħħar jiem” taʼ din is-sistema dinjija! (2 Timotju 3:1-5) Filwaqt li tkellem b’mod profetiku dwar Ġesù Kristu, Salm 40:8, 9 (40:7, 8, NW) qal: “Hawn jien, ġej. Fil-bidu tal-ktieb hemm miktub fuqi li nagħmel ir-rieda tiegħek. Alla tiegħi, dan jogħġobni; il-liġi tiegħek ġewwa qalbi.” L-aħħar salm f’din il-ġabra huwa dwar meta David talab lil Ġeħova biex jgħinu waqt is-snin kollhom inkwiet wara d-dnub tiegħu maʼ Batseba. Hu kanta: “Inkwantu għalija, minħabba l-integrità tiegħi int żammejtni wieqaf dritt.”—Salm 41:12, NW.
Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:
26:6—Bħal David, aħna kif nistgħu nimmarċjaw madwar l-artal taʼ Ġeħova b’mod figurattiv? L-artal jirrappreżenta l-fatt li Ġeħova jaċċetta s-sagrifiċċju taʼ Ġesù Kristu li tħallas għall-fidwa taʼ l-umanità. (Ebrej 8:5; 10:5-10) Aħna nimmarċjaw madwar l-artal taʼ Ġeħova billi neżerċitaw fidi f’dan is-sagrifiċċju.
29:3-9—Is-salmista x’ried juri meta qabbel leħen Ġeħova maʼ maltempata li tqanqal il-biżaʼ? Sempliċement ried juri dan il-fatt: Il-qawwa kbira taʼ Ġeħova!
31:24, Saydon (31:23, NW )—Min hu kburi kif se jitħallas biż-żjieda? Il-ħlas hawnhekk jirreferi għall-kastig. Il-ħlas li jirċievi min hu ġust għan-nuqqasijiet li jagħmel mhux apposta huwa d-dixxiplina minn Ġeħova. Ladarba min hu kburi ma jdurx mit-triq ħażina tiegħu, hu se jitħallas biż-żjieda permezz taʼ kastig aħrax.—Proverbji 11:31; 1 Pietru 4:18.
33:6—X’inhu n-“nifs,” jew l-ispirtu, taʼ fomm Ġeħova? Dan l-ispirtu huwa l-forza attiva t’Alla, jew l-ispirtu qaddis, li hu uża meta ħalaq is-smewwiet fiżiċi. (Ġenesi 1:1, 2) Jissejjaħ in-nifs taʼ fommu minħabba li, bħal spirtu, jistaʼ jintbagħat ’il bogħod biex iwettaq xi ħaġa.
35:19—X’ried ifisser David meta talab biex dawk li jobogħduh ma jehmżux? It-tehmiż kien se jindika li l-għedewwa taʼ David kienu se jieħdu pjaċir bis-suċċess li jirriżulta mill-pjanijiet mill-agħar tagħhom kontrih. David talab biex dan ma jseħħx.
Lezzjonijiet Għalina:
26:4. Kemm ikun għaqli jekk nevitaw li nagħmluha maʼ dawk li jaħbu l-identità tagħhom fiċ-chat rooms taʼ l-Internet, maʼ dawk fl-iskola jew fuq ix-xogħol li jippretendu li huma l-ħbieb tagħna għal skopijiet ħżiena, m’apostati li jagħmluha taʼ bir-ruħhom li huma sinċieri, u maʼ dawk li jgħixu ħajja doppja.
26:7, 12; 35:18; 40:10 (40:9, NW ). Għandna nfaħħru lil Ġeħova pubblikament fil-laqgħat Kristjani tagħna.
26:8; 27:4. Inħobbu aħna nattendu l-laqgħat Kristjani?
26:11, KŻ. Filwaqt li esprima d-determinazzjoni li jibqaʼ jżomm l-integrità tiegħu, David talab ukoll li jiġi mifdi. Iva, nistgħu nżommu l-integrità minkejja l-imperfezzjonijiet tagħna.
29:10. Billi jaħkem fuq l-għargħar, Ġeħova jindika li għandu kontroll sħiħ tal-qawwa tiegħu.
30:5. Il-kwalità dominanti taʼ Ġeħova hija l-imħabba—mhux ir-rabja.
32:9. Ġeħova ma jridniex inkunu bħal xi ħmar li jobdi minħabba l-ilġiem jew il-frosta. Minflok, hu jixtieq li aħna nagħżlu li nobduh minħabba li nifhmu r-rieda tiegħu.
33:17-19. L-ebda sistema li għamel il-bniedem, hi kemm hi b’saħħitha, ma tistaʼ ġġib salvazzjoni. Il-fidi tagħna għandha tkun f’Ġeħova u fis-Saltna tiegħu.
34:11 (34:10, NW ). Kemm huwa rassiguranti dan għal dawk li jpoġġu l-interessi tas-Saltna l-ewwel f’ħajjithom!
39:2, 3 (39:1, 2, NW ). Meta l-ħżiena jitolbu informazzjoni sabiex jagħmlu ħsara lil sħabna fit-twemmin, huwa għaqli li ‘nqiegħdu sarima fuq fommna’ u nibqgħu siekta.
40:2, 3 (40:1, 2, NW ). Jekk nittamaw f’Ġeħova se niġu megħjunin biex inkampaw mad-dipressjoni u biex noħorġu “minn qalb il-ħama u t-tajn.”
40:6, 13 (40:5, 12, NW ). La l-problemi u lanqas in-nuqqasijiet persunali, minkejja li jistgħu jkunu ħafna, m’huma se jegħlbuna jekk nibqgħu niftakru li l-barkiet li għandna ‘huma ħafna biex insemmuhom.’
“Imbierek il-Mulej”
Kemm huma taʼ faraġ u taʼ inkuraġġiment il-41 salm taʼ din il-ġabra! Kemm jekk għaddejjin minn xi provi u kemm jekk imnikktin minħabba kuxjenza ħatja, nistgħu niksbu s-saħħa u l-inkuraġġiment minn din is-sezzjoni fil-Kelma qawwija t’Alla. (Ebrej 4:12) Dawn is-salmi fihom informazzjoni li tipprovdi gwida siewja għall-ħajja. Għal darba wara l-oħra, niġu rassigurati li huma x’inhuma d-diffikultajiet li niffaċċjaw, Ġeħova mhux se jitlaqna.
L-ewwel ġabra taʼ salmi tagħlaq b’dan il-kliem: “Imbierek il-Mulej, Alla taʼ Iżrael, minn dejjem għal dejjem. Amen! Amen!” (Salm 41:14 [41:13, NW]) Wara li kkunsidrajna l-ewwel grupp taʼ salmi, m’aħniex aħna mqanqlin biex inbierku, jew infaħħru, lil Ġeħova?
[Nota taʼ taħt]
[Kumment f’paġna 19]
Jekk il-ħolqien li ma jistax jitkellem u jirraġuna jagħti glorja lil Ġeħova, kemm iktar għandna nagħmlu hekk aħna!
[Stampa f’paġna 17]
David kiteb il-biċċa l-kbira mill-ewwel 41 salm
[Stampa f’paġna 18]
Taf f’liema salm Ġeħova jidher bħala r-Ragħaj il-Kbir?
[Stampa f’paġna 20]
Tħallix li tgħaddi ġurnata mingħajr ma tkun ħsibt fuq l-affarijiet spiritwali
[Sors tal-Istampa f’paġna 17]
Stilel: Courtesy United States Naval Observatory
[Sors tal-Istampa f’paġna 19]
Stilel, paġni 18 u 19: Courtesy United States Naval Observatory
[Sors tal-Istampa f’paġna 20]
Stilel: Courtesy United States Naval Observatory