LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w03 6/1 pp. 28-30
  • Il-Ħruq taʼ l-Inċens—Għandu Post fil-Qima Vera?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Ħruq taʼ l-Inċens—Għandu Post fil-Qima Vera?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “Ħaġa Kkonsagrata lill-​Mulej”
  • L-​Inċens u l-​Kristjani tal-​Bidu
  • Il-​Ħruq taʼ l-​Inċens Illum
  • Talb Imħejji “bħal Inċens”
  • Jum it-Tpattija u Int
    Fuljett għal-Laqgħa—Il-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna—2020
  • Kif Navviċinaw lil Dak li ‘Jismaʼ t-Talb’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Huwa t-Talb Tiegħek Imħejji “Bħal Inċens”?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Lezzjonijiet li nistgħu nitgħallmu mil-ktieb tal-Levitiku
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2019
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
w03 6/1 pp. 28-30

Il-​Ħruq taʼ l-​Inċens—Għandu Post fil-​Qima Vera?

“L-​ALLAT iħobbu l-​fwejjaħ.” Dan kien qawl komuni fost l-​Eġizzjani tal-​qedem. Għalihom, il-​ħruq taʼ l-​inċens kien parti importanti fil-​qima tagħhom. Minħabba li kienu jemmnu li l-​allat kienu viċin, l-​Eġizzjani kienu jaħarqu l-​inċens kuljum fit-​tempji tagħhom u fuq l-​artali taʼ darhom u saħansitra waqt in-​negozju. Ġnus oħrajn kellhom drawwiet simili.

X’inhu l-​inċens? It-​terminu jistaʼ jirreferi għad-​duħħan jew għas-​sustanza li tinħaraq. Huwa magħmul mir-​raża u l-​gomma aromatika li toħroġ mis-​siġar, bħall-​balzmu. Dawn jiġu mitħuna fi trab u spiss jitħalltu maʼ sustanzi bħal ħwawar, qxur tas-​siġar, u fjuri ħalli jagħmlu ċertu fwieħa biex tintuża għal affarijiet speċifiċi.

Fi żminijiet tal-​qedem, l-​inċens tant kien oġġett mixtieq u għalhekk taʼ valur għoli li l-​ingredjenti tiegħu saru oġġetti importanti fin-​negozju. Gruppi taʼ negozjanti li kienu jaħdmu fuq rotot bil-​karavani kienu jġorruhom minn artijiet imbiegħda. Forsi tiftakar li Ġużeppi, it-​tifel iż-​żgħir taʼ Ġakobb, ġie mibjugħ lil negozjanti Ismagħelin li kienu ġejjin “minn Gilgħad bl-​iġmla tagħhom mgħobbija bid-​dragnat, il-​balzmu u l-​lawdnu, sejrin iħottuhom l-​Eġittu.” (Ġenesi 37:25) Id-​domanda għall-​inċens tant kibret li r-​rotta taʼ dan in-​negozju, li bla dubju nbdiet min-​negozjanti taʼ l-​inċens, tat bidu għall-​ivvjaġġar bejn l-​Asja u l-​Ewropa.

Illum, l-​inċens għadu jiġi offrut fiċ-​ċerimonji u r-​ritwali taʼ ħafna reliġjonijiet. Barra minn hekk, iktar u iktar nies qed jagħżlu li jaħarqu l-​inċens fi djarhom sempliċement biex jieħdu pjaċir bir-​riħa tfuħ tiegħu. Il-​Kristjani kif għandhom iħarsu lejn il-​ħruq taʼ l-​inċens? Alla jaċċettah fil-​qima lejh? Ejja neżaminaw x’tgħidilna l-​Bibbja dwar dan.

“Ħaġa Kkonsagrata lill-​Mulej”

Fost l-​Iżraelin tal-​qedem, il-​ħruq taʼ l-​inċens kien wieħed mill-​iktar dmirijiet importanti tal-​qassisin fit-​tabernaklu. Is-​Cyclopedia taʼ McClintock u Strong tgħid: “Tabilħaqq, il-​Lhud tant kienu jqisu l-​ħruq taʼ l-​inċens bħala att taʼ qima jew offerta sagra li mkien ma naqraw li kienu jużawh għal xi ħaġa oħra.”

Alla Jehovah ordna li jiġu mħalltin erbaʼ ingredjenti flimkien u jinħarqu fuq it-​tabernaklu: “Ħu daqs wieħed minn dawn il-​ħwawar; stakti, bebbux ifuħ, galbanu, u inċens ifuħ. Agħmel minnhom inċens ifuħ, mħallat bil-​melħ, taħlita bħal tal-​fewwieħ, safja u qaddisa. Isħaq ftit minnu fi trab irqiq, u qiegħed ftit minnu quddiem ix-​xhieda miktuba fit-​tinda tal-​laqgħa.” (Eżodu 30:34-36) Xi studjużi jissuġġerixxu li iktar tard il-​Lhud rabbiniċi żiedu ingredjenti oħra biex jintużaw fit-​tempju.

L-inċens li jiġi maħruq fit-​tabernaklu kien sagru, jintuża biss fil-​qima lil Alla. Jehovah ikkmanda: “Dan l-​inċens li int tagħmel skond din it-​taħlita, tagħmlux bħalu; għalikom tkun ħaġa kkonsagrata lill-​Mulej. Min jagħmel bħalha biex jitfewwaħ biha, jinqataʼ minn niesu.” (Eżodu 30:37, 38) Il-​qassisin kienu jaħarqu l-​inċens darbtejn kuljum fuq artal imħejji apposta. (2 Kronaki 13:11) U f’Jum l-​Espjazzjoni, il-​qassis il-​kbir kien jaħraq l-​inċens fil-​Post l-​Iktar Qaddis.—Levitiku 16:12, 13.

Mhux l-​offerti taʼ l-​inċens kollha kienu aċċettati minn Alla. Hu kkastiga lil dawk li ma kinux qassisin imma li bi prużunzjoni offrewh daqslikieku kienu qassisin. (Numri 16:16-18, 35; 17:1-5 [16:35-40, NW]; 2 Kronaki 26:16-20) L-​inċens offrut mill-​ġens Lhudi kien t’offiża għal Jehovah meta fl-​istess ħin kienu qed jieħdu sehem f’atti taʼ qima falza u jimlew idejhom bit-​tixrid tad-​demm. L-​ipokrisija tagħhom wasslet biex Jehovah iddikjara: “Sirt nistkerrhu l-​bħur [“l-​inċens,” NW].” (Isaija 1:13, 15) L-​Iżraelin tant saru traskurati fil-​qima li ordnalhom jagħtu Jehovah li għalqu t-​tempju u ħarqu l-​inċens fuq artali oħrajn. (2 Kronaki 28:24, 25) Snin wara, l-​inċens qaddis saħansitra ntuża fil-​qima immorali t’allat foloz. Prattiċi bħal dawn kienu jqażżuh lil Jehovah.—Eżekjel 16:2, 17, 18.

L-​Inċens u l-​Kristjani tal-​Bidu

Il-​patt tal-​Liġi, flimkien mad-​dmir tal-​qassisin li jaħarqu l-​inċens, spiċċa meta Kristu stabbilixxa l-​patt il-​ġdid fis-​sena 33 E.K. (Kolossin 2:14) M’hemm ebda kitba li turi li l-​Kristjani tal-​bidu kienu jaħarqu l-​inċens għal skopijiet reliġjużi. Rigward dan, is-​Cyclopedia taʼ McClintock u Strong tgħid: “Żgur li l-​inċens ma kienx jintuża [mill-Kristjani tal-​bidu]. Tabilħaqq, l-​użu tiegħu kien jindika l-​paganiżmu . . . Ftit frak taʼ l-​inċens li kien jitfaʼ xi ħadd devot fuq artal pagan kien meqjus bħala att taʼ qima.”

Il-Kristjani tal-​bidu rrifjutaw ukoll li jaħarqu l-​inċens biex jagħrfu d-​“divinità” taʼ l-​imperatur Ruman, avolja dan setaʼ jiswielhom ħajjithom. (Luqa 4:8; 1 Korintin 10:14, 20) Mhux taʼ b’xejn li l-​Kristjani tal-​bidu ma kinux jieħdu sehem fin-​negozju taʼ l-​inċens meta naraw kif l-​inċens kien jintuża fl-​idolatrija f’dawk iż-​żminijiet.

Il-​Ħruq taʼ l-​Inċens Illum

L-​inċens kif qed jintuża llum? F’ħafna knejjes tal-​Kristjaneżmu, l-​inċens jiġi offrut f’ċerimonji u f’liturġiji. Fost l-​Asjatiċi, ħafna familji jaħarqu l-​inċens f’tempji jew quddiem artali li jkollhom ġod-​djar biex jonoraw lill-​allat tagħhom u jieħdu ħsieb il-​mejtin. F’servizzi reliġjużi, l-​inċens jintuża b’diversi modi biex jitneħħa xi tinġis, ifejjaq, jippurifika, u jipproteġi.

L-inċens dan l-​aħħar reġaʼ sar popolari anki fost dawk li ma jappartjenux lil xi reliġjon. Xi wħud jaħarqu l-​inċens meta jkunu qed jimmeditaw. Ktieb taʼ gwida jissuġġerixxi li jintuża l-​inċens biex jintlaħqu “oqsma misterjużi” u jinkisbu “kwalitajiet speċjali” li jmorru ’l hinn mid-​dinja fiżika. Biex jinstabu s-​soluzzjonijiet għall-​problemi tal-​ħajja, dan jirrikkmanda wkoll ritwali li jinvolvu l-​ħruq taʼ l-​inċens u kuntatt maʼ “esseri sopranaturali.” Huma dawn il-​prattiċi għall-​Kristjani?

Jehovah jikkundanna għalkollox lil dawk li jipprovaw iħalltu prattiċi reliġjużi foloz mal-​qima pura. L-​appostlu Pawlu jikkwota l-​profezija taʼ Isaija u japplikaha għall-​Kristjani, iħeġġiġhom biex jibqgħu ħelsin mill-​influwenza maħmuġa tar-​reliġjon falza. Hu kiteb: “Oħorġu minn ġo nofshom, u nfirdu minnhom, jgħid il-​Mulej; la tmissux l-​imniġġes, u jien nilqagħkom.” (2 Korintin 6:17; Isaija 52:11) Il-​Kristjani veri jieħdu ħsieb li jevitaw kwalunkwe ħaġa li hija konnessa mal-​qima falza jew l-​okkult.—Ġwann 4:24.

Ifisser il-​fatt li l-​inċens jintuża f’ċerimonji reliġjużi u fl-​ispiritiżmu li kull tip taʼ ħruq taʼ l-​inċens huwa ħażin? Mhux bilfors. Forsi individwu jkun irid jaħraq l-​inċens f’daru bħala fwieħa sempliċement biex jieħu pjaċir bir-​riħa tfuħ tiegħu. (Proverbji 27:9) Anki jekk dan ikun il-​każ, meta jiddeċiedi jekk għandux jaħraq l-​inċens, Kristjan għandu jikkunsidra ċerti fatturi. Dawk li jgħixu fejn toqgħod int se jassoċjaw l-​użu taʼ l-​inċens maʼ prattika reliġjuża falza? L-​inċens jiġi spiss assoċjat maʼ ritwali spiritistiċi fil-​komunità tiegħek? Jew is-​soltu jintuża għal skopijiet mhux reliġjużi?

Jekk individwu jagħżel li jaħraq l-​inċens, fid-​deċiżjoni tiegħu għandu jikkunsidra kemm il-​kuxjenza tiegħu u kemm kif iħossuhom oħrajn. (1 Korintin 10:29) Il-​kliem taʼ l-​appostlu Pawlu lir-​Rumani japplika f’dan il-​każ. Hu kiteb: “Ħalli nfittxu, mela, dak li jġib is-​sliem u dak li jservi għall-​edifikazzjoni taʼ xulxin. Tħallix li bl-​ikel tiegħek titħassar l-​opra taʼ Alla. Kollox safi, imma jagħmel ħażin il-​bniedem li jiekol xi ħaġa li biha jiskandalizza lil ħaddieħor. It-​tajjeb hu li la tiekol laħam u lanqas tixrob inbid u ma tagħmel xejn li jistaʼ jfixkel lil ħuk.”—Rumani 14:19-21.

Talb Imħejji “bħal Inċens”

L-​offerta taʼ l-​inċens fost l-​Iżraelin kienet simbolu xieraq tat-​talb li jiġi mismugħ minn Alla. B’hekk, is-​salmista David kanta lil Jehovah: “Ikun it-​talb tiegħi bħal inċens quddiemek.”—Salm 141:2.

L-Iżraelin leali ma qisux l-​offerti taʼ l-​inċens bħala ritwali bla skop. Huma qagħdu attenti ħafna li jippreparaw u jaħarqu l-​inċens bil-​mod kif ordnalhom Jehovah. Minflok ma jużaw inċens letterali, il-​Kristjani llum joffru talb li jirrifletti apprezzament profond u rispett għal Missierna tas-​sema. Bħall-​inċens li jfuħ offrut mill-​qassisin fit-​tempju, il-​kelma t’Alla tassigurana: “Il-​Mulej . . . jitgħaxxaq bit-​talba tat-​tajbin.”—Proverbji 15:8.

[Stampi f’paġna 29]

L-​inċens li kien jinħaraq fit-​tabernaklu u t-​tempju kien sagru

[Stampa f’paġna 30]

Huwa xieraq li l-​Kristjani jaħarqu l-​inċens biex jimmeditaw?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja