UgaritBelt Antika Dominata mill-Qima taʼ Bagħal
FIS-SENA 1928, il-moħriet taʼ bidwi Sirjan laqat ġebla li kienet tgħatti qabar mimli ċeramika antika. Lanqas biss għaddielu minn moħħu kemm kienet importanti s-sejba li għamel. Meta semgħu b’din is-sejba li saret b’kumbinazzjoni, il-membri tat-tim Franċiż t’arkeoloġi mmexxi minn Claude Schaeffer ivvjaġġaw lejn il-post is-sena taʼ wara.
Ftit wara, inkixfet skrizzjoni li għenet lill-membri tat-tim jagħrfu x’kienu l-fdalijiet li kixfu bil-pali tagħhom. Kienet Ugarit, “waħda mill-iktar bliet antiki importanti tal-Lvant Nofsani.” Il-kittieb Barry Hoberman saħansitra qal: “L-ebda sejba arkeoloġika, lanqas dik taʼ l-iskrolli tal-Baħar il-Mejjet, qatt ma kellha effett daqshekk profond fuq il-fehma tagħna tal-Bibbja.”—The Atlantic Monthly.
Fil-Qalba
Peress li kienet tinsab fuq l-għolja li tissejjaħ Ras Xamra, fil-Kosta tal-Mediterran, li issa hi magħrufa bħala t-tramuntana tas-Sirja, Ugarit kienet belt internazzjonali li kienet qed tiffjorixxi fit-tieni millennju Q.E.K. It-territorju tagħha kien ikopri firxa taʼ xi 60 kilometru mill-Muntanja Kassju fit-tramuntana sa Tell Suka fin-nofsinhar u bejn 30 sa 45 kilometru mill-Mediterran fil-punent sal-Wied t’Oronti fil-Lvant.
L-annimali ffjorixxew fit-temp moderat t’Ugarit. Ir-reġjun kien jipproduċi ċ-ċereali, iż-żejt taż-żebbuġa, l-inbid, u l-injam—prodott li kien skars ferm fil-Mesopotamja u l-Eġittu. Iktar minn hekk, il-post fil-qalba tar-rotot kummerċjali importanti li kienet tinsab fih din il-belt għamilha waħda mill-ewwel portijiet internazzjonali kbar. F’Ugarit, il-merkanti mill-Eġew, l-Anatolja, il-Babilonja, l-Eġittu, u partijiet oħra tal-Lvant Nofsani kienu jixtru u jbigħu metalli, prodotti taʼ l-agrikultura, u għadd kbir taʼ prodotti oħrajn li jsiru lokalment.
Minkejja l-għana materjali, Ugarit dejjem kienet saltna mmexxija minn ħaddieħor. Il-belt kienet l-iktar kolonja lejn it-tramuntana li kellu l-Imperu Eġizzjan sakemm saret parti mill-Imperu sekulari tal-Ħittin fis-seklu 14 Q.E.K. Ugarit kellha bilfors tħallas it-tribut u tforni t-truppi lil min ikun qed jaħkimha. Meta n-“Nies tal-Baħar”a invadewha u bdew iħarbtu lill-Anatolja (it-Turkija ċentrali) u lit-tramuntana tas-Sirja, it-truppi u l-flotta t’Ugarit kienu qed jintużaw mill-Ħittin. Minħabba f’hekk, Ugarit spiċċat bla difiża u nqerdet għalkollox madwar is-sena 1200 Q.E.K.
L-Imgħoddi Jerġaʼ Jieħu l-Ħajja
Il-qerda t’Ugarit ħalliet muntanja enormi taʼ terrapien taʼ xi 20 metru għoli u tkopri iktar minn 242,820 metru kwadru. Sar tħaffir biss fi ftit iktar minn 16 fil-mija tal-post fejn jinsab dan it-terrapien. Fost il-fdalijiet, l-arkeoloġi sabu fdalijiet taʼ kumpless taʼ palazz enormi li kien fih kważi mitt kamra u btieħi u li jkopri mal-10,000 metru kwadru. Il-kumpless kellu sistema taʼ l-ilma, kmamar tal-banju, u sistema tad-dranaġġ. L-għamara kienet ingastata bid-deheb, bil-lapislazzuli, u bl-avorju. Instabu wkoll panewijiet taʼ l-avorju b’disinni mnaqqxin b’mod komplikat. Il-palazz kien imsebbaħ bi ġnien imdawwar b’ħajt li fih kien hemm vaska kbira fl-art.
Il-belt u l-wita taʼ madwarha kienu dominati mit-tempji taʼ Bagħal u Dagan.b Dawn it-tempji forma taʼ torrijiet, probabbilment għoljin xi 20 metru, kienu magħmulin minn intrata żgħira li twassal għal kamra taʼ ġewwa li fiha kien hemm statwa taʼ l-alla. Kien hemm taraġ li jwasslek f’terrazzin fejn ir-re kien imexxi diversi ċerimonji. Bil-lejl jew waqt xi maltempata, kienu jinxtegħlu ħġejjeġ fuq il-quċċata tat-tempji sabiex jiggwidaw il-vapuri b’wiċċ il-ġid lejn il-port. Il-baħħara, li kienu jagħtu l-kredtu għar-ritorn tagħhom b’wiċċ il-ġid lill-alla tal-maltemp Bagħal-Ħadad, żgur li offrew bħala l-wegħdi tagħhom is-17-il ankra tal-ġebel li nstabu fis-santwarju tiegħu.
Sejba Prezzjuża taʼ Skrizzjonijiet
Fil-fdalijiet t’Ugarit skoprew eluf taʼ twavel tat-tafal. Instabu skrizzjonijiet ekonomiċi, legali, diplomatiċi, u amministrattivi fi tmien lingwi, miktuba f’ħames skritti. It-tim taʼ Schaeffer sab skrizzjonijiet b’lingwa li għadha mhix magħrufa sa llum—li ssemmiet l-Ugaritiku—u li fiha jintużaw 30 sinjal kunejformi, li jifformaw wieħed mill-iktar alfabeti antiki li qatt instabu.
Minbarra li jitkellmu dwar affarijiet taʼ kuljum, id-dokumenti Ugaritiċi fihom siltiet letterarji li taw fehma ġdida lill-konċetti reliġjużi u l-prattiċi taʼ dak iż-żmien. Milli jidher, ir-reliġjon t’Ugarit kellha ħafna affarijiet simili għall-prattiċi tal-ġirien tagħha l-Kangħanin. Skond Roland de Vaux, dawn is-siltiet “jirriflettu sew kif kienet iċ-ċivilizzazzjoni taʼ l-art taʼ Kangħan eżatt qabel ma l-art intrebħet mill-Iżraelin.”
Ir-Reliġjon fil-Belt taʼ Bagħal
Iktar minn 200 alla jissemmew fis-siltiet taʼ Ras Xamra. L-alla suprem kien El, imsejjaħ missier l-allat u l-bnedmin. U l-alla tal-maltemp Bagħal-Ħadad kien “rikkieb is-sħab” u “sid l-art.” El jidher bħala raġel għaref u xiħ b’daqna bajda li jinsab ’il bogħod mill-bnedmin. Mill-banda l-oħra, Bagħal huwa alla b’saħħtu u ambizzjuż li jfittex biex jaħkem fuq l-allat u l-bnedmin.
Is-siltiet li nstabu wisq probabbli kienu jingħadu regolarment waqt festi reliġjużi, bħal fl-ewwel tas-sena jew fil-ħsad. Madankollu, ma nafux eżatt kif kienu jinterpretawhom. F’waħda mill-poeżiji dwar ġlieda għall-ħakma, Bagħal jeqred lill-iben favorit taʼ El, l-alla tal-baħar Jamm. Din ir-rebħa għandha mnejn ġagħlet lill-baħħara jkunu fiduċjużi li Bagħal kien se jipproteġihom meta jbaħħru. Fi dwell maʼ Mot, Bagħal jitlef u jinżel fid-dinja taʼ taħt l-art. Wara dan tiġi nixfa, u l-attivitajiet tal-bnedmin jieqfu. Oħt Bagħal li kienet ukoll martu u li kien jisimha Anat—alla taʼ l-imħabba u l-gwerra—toqtol lil Mot u terġaʼ tqajjem lil Bagħal. Bagħal jimmassakra lill-ulied subien taʼ mart El, Atirat (Asera), u jerġaʼ jikseb it-tron. Iżda Mot jirritorna sebaʼ snin wara.
Xi wħud jinterpretaw din il-poeżija bħala simbolu taċ-ċiklu taʼ l-istaġuni li jsir kull sena u li matulu x-xita li tagħti l-ħajja tispiċċa fix-xejn minħabba n-nixfa tas-sajf u mbagħad terġaʼ tiġi fil-ħarifa. Oħrajn jaħsbu li ċ-ċiklu taʼ sebaʼ snin jirreferi għall-biżaʼ minħabba l-ġuħ u n-nixfa. Hu x’inhu l-każ, is-supremazija taʼ Bagħal kienet kunsidrata bħala li hija essenzjali biex l-attivitajiet tal-bnedmin jirnexxu. L-istudjuż Peter Craigie jinnota: “L-għan tar-reliġjon taʼ Bagħal kien li jaċċerta s-supremazija tiegħu; l-aduraturi tiegħu kienu jemmnu li biss jekk hu jibqaʼ fl-għola pożizzjoni setgħu jiffjorixxu l-uċuħ tar-rabaʼ u l-annimali li huma tant bżonnjużi biex il-bnedmin jibqgħu ħajjin.”
Protezzjoni Kontra l-Paganiżmu
Jidher ċar fis-siltiet li nstabu li r-reliġjon Ugaritika kienet imħassra moralment. The Illustrated Bible Dictionary jikkummenta: “Is-siltiet juru kemm il-qima lil dawn l-allat kienet baxxa; bl-importanza li taw lill-gwerra, il-prostituzzjoni qaddisa, l-imħabba erotika u l-morali degradanti tas-soċjetà li din ġabet magħha.” De Vaux josserva: “Meta taqra dawn il-poeżiji, tkun tistaʼ tifhem għala l-kredenti veri tal-Jaħwiżmu u l-profeti l-kbar kienu jistkerrhuha din il-qima.” Il-Liġi li Alla ta lill-ġens taʼ Iżrael tal-qedem kienet taʼ protezzjoni kontra reliġjon falza bħal din.
Id-divinazzjoni, l-astroloġija, u l-maġija kienu prattikati ħafna f’Ugarit. Kienu jfittxu għal sinjali u tbassir mhux biss f’oġġetti ċelestjali iżda anki f’xi fetus sfigurat u l-ġewwieni taʼ l-annimali li jinqatlu. “Kienu jemmnu li l-alla li lilu jagħmlu ritwal għas-sagrifiċċju taʼ l-annimal li joffru kien isir parti minnu u li l-ispirtu taʼ l-alla kien jitħallat maʼ l-ispirtu taʼ l-annimal,” tikkummenta l-istudjuża taʼ l-istorja Jacqueline Gachet. “B’riżultat taʼ dan, meta jaqraw is-sinjali li jaraw f’dawn l-organi, setgħu jiddeterminaw bla xkiel ir-rieda taʼ l-ispirtu taʼ l-allat li setgħu jagħtuhom tweġiba pożittiva jew negattiva għal mistoqsija dwar ġrajjiet futuri jew azzjoni li kellha tittieħed f’xi sitwazzjoni partikulari.” (Le pays d’Ougarit autour de 1200 av.J.C.) B’kuntrast maʼ dan, l-Iżraelin kellhom jaħarbu prattiċi bħal dawn.—Dewteronomju 18:9-14.
Il-Liġi Mosajka kienet tipprojbixxi b’mod ċar il-bestjalità. (Levitiku 18:23) Dawk f’Ugarit kif kienu jħarsu lejn din il-prattika? Fis-siltiet li nstabu, Bagħal ikollu relazzjoni sesswali m’għoġla. “Jekk jistaʼ jingħad li Bagħal jieħu l-forma taʼ barri sabiex jagħmel dan, ma nistgħux ngħidu l-istess għall-qassisin tiegħu li kienu jirreċtaw il-karriera mitoloġika tiegħu,” ikkummenta l-arkeologu Cyrus Gordon.
L-Iżraelin ġew kmandati: “Tqattgħux ġisimkom għall-mejjet.” (Levitiku 19:28) Madankollu, minħabba l-mewt taʼ Bagħal, El “ċarrat laħmu b’sikkina, għamel qatgħat b’xafra; qataʼ wiċċu u geddumu.” Milli jidher kienet drawwa fost l-aduraturi taʼ Bagħal li jagħmlu l-farretti.—1 Slaten 18:28.
Waħda mill-poeżiji Ugaritiċi milli jidher tindika li prattika komuni fir-reliġjon tal-Kangħanin kienet li f’parti minn rit tal-fertilità kien jissajjar gidi f’ħalib ommu. Madankollu, fil-Liġi Mosajka, l-Iżraelin ġew kmandati: “La tgħallix il-gidi f’ħalib ommu.”—Eżodu 23:19.
Imqabblin maʼ Siltiet Bibliċi
Is-siltiet Ugaritiċi għall-ewwel ġew tradotti bl-għajnuna taʼ l-Ebrajk użat fil-Bibbja. Peter Craigie josserva: “Hemm ħafna kliem użat fl-Ebrajk li mhux ċar xi jfisser u li kultant ma jkunx magħruf; it-tradutturi taʼ qabel is-seklu 20 ipprovaw jaqtgħu x’jistaʼ jfisser b’diversi mezzi. Imma meta l-istess kliem jidher fis-siltiet Ugaritiċi, iktar jistaʼ jirnexxilna nifhmu xi jfisser.”
Per eżempju, kelma bl-Ebrajk li tintuża f’Isaija 3:18 ġieli tiġi tradotta f’xi Bibbji bħala “faxex li jintlibsu mar-ras.” Kelma simili li ġejja mill-Ugaritiku tirreferi kemm għax-xemx kif ukoll għall-alla mara xemx. Għalhekk, in-nisa taʼ Ġerusalemm li jissemmew fil-profezija taʼ Isaija għandhom mnejn kienu lebsin pendenti żgħar tax-xemx kif ukoll ‘tlellix mill-oqmra’ biex jonoraw lill-allat Kangħanin.
Fis-siltiet Masoretiċi fi Proverbji 26:23, “xofftejn jaħarqu u qalb ħażina” jitqabblu maʼ biċċa fuħħar miksija “bil-ħmieġ tal-fidda.” Kelma li ġejja mill-Ugaritiku tippermetti li x-xebh jiġi tradott “bħal verniċ fuq xaqqufa.” In-New World Translation tittraduċi b’mod xieraq dan il-Proverbju: “Bħal verniċ tal-fidda mqiegħed fuq biċċa fuħħar huma xofftejn imħeġġin flimkien maʼ qalb ħażina.”
Bażi għall-Kitbiet tal-Bibbja?
Meta eżaminaw is-siltiet taʼ Ras Xamra, xi studjużi waslu biex sostnew li hemm ċerti siltiet Bibliċi li huma addattazzjonijiet tal-letteratura poetika bl-Ugaritiku. André Caquot, membru taʼ l-Istitut Franċiż, isemmi “l-bażi kulturali Kangħanija fil-qalba tar-reliġjon Iżraelija.”
Dwar Salm 29, Mitchell Dahood taʼ l-Istitut Bibliku Pontifikali f’Ruma jikkummenta: “Dan is-salm huwa addattazzjoni Jaħwistika taʼ innu iktar antik taʼ Kangħan lill-alla tal-maltemp Bagħal. . . . Prattikament kull kelma li hemm fis-salm tistaʼ ssibha f’siltiet iktar antiki taʼ Kangħan.” Hija din il-konklużjoni ġustifikata? Dażgur li le!
Studjużi iktar bilanċjati jagħrfu li kien hemm min qed jesaġera dwar dawn is-similaritajiet. Oħrajn ikkritikaw din it-tendenza taʼ xi wħud li jsostnu li kollox ġej mill-Ugaritiku. “L-ebda silta Ugaritika ma taqbel eżatt maʼ Salm 29,” jistqarr it-teologu Garry Brantley. “M’hemm l-ebda evidenza li tipprovdi bażi biex dak li jkun jissuġġerixxi li Salm 29 (jew kwalunkwe silta Biblika oħra) hija addattazzjoni taʼ xi ħrafa pagana.”
Huwa l-fatt li hemm xi similaritajiet fil-lingwa li tintuża, fit-tqabbil poetiku, jew fl-istil prova taʼ addattazzjoni? Mhux talli m’huwiex, iżda talli dawn is-similaritajiet wieħed jistaʼ jistenniehom. The Encyclopedia of Religion tinnota: “Ir-raġuni għal dan ix-xebh fil-forma u l-kontenut hija kulturali: minkejja d-differenzi importanti fil-ġeografija u fiż-żmien bejn Ugarit u Iżrael, dawn kienu parti minn entità kulturali kbira li kellha l-istess vokabolarju poetiku u reliġjuż.” Għalhekk, Garry Brantley jikkonkludi: “M’huwiex xieraq li ninsistu li s-sors taʼ siltiet Bibliċi ġej minn twemmin pagan sempliċement għaliex hemm similaritajiet fil-lingwa li tintuża.”
Fl-aħħarnett, għandna ninnotaw li jekk hemm xi xebh bejn is-siltiet taʼ Ras Xamra u l-Bibbja, dawn huma kompletament letterarji, mhux spiritwali. “L-etika u l-morali għoljin li nsibu fil-Bibbja ma [jistgħux] jinstabu f’Ugarit,” jinnota l-arkeologu Cyrus Gordon. Tabilħaqq, id-differenzi huma ħafna akbar mis-similaritajiet.
X’aktarx li l-istudji Ugaritiċi se jkomplu jgħinu lill-istudenti tal-Bibbja biex jifhmu l-ambjent kulturali, storiku, u reliġjuż tal-kittieba tal-Bibbja u tal-ġens Lhudi in ġenerali. Jekk neżaminaw is-siltiet taʼ Ras Xamra iktar bir-reqqa, dan forsi jistaʼ jgħinna wkoll nifhmu aħjar l-Ebrajk antik. Iżda, fuq kollox is-sejbiet arkeoloġiċi f’Ugarit jagħmlu enfasi kbira fuq il-kuntrast li hemm bejn id-devozzjoni immorali lejn Bagħal u l-qima pura taʼ Jehovah.
[Noti taʼ taħt]
a “In-Nies tal-Baħar” ġeneralment kienu jkunu baħħara mill-gżejjer u mill-pajjiżi fil-kosta tal-Mediterran. Jistaʼ jkun li l-Filistin kienu wħud minnhom.—Għamos 9:7.
b Filwaqt li hawn diversi opinjonijiet, xi wħud jidentifikaw it-tempju taʼ Dagan bħala t-tempju taʼ El. Roland de Vaux, studjuż u professur Franċiż fl-Iskola taʼ Ġerusalemm taʼ l-Istudji Bibliċi, jissuġġerixxi li Dagan—dak Dagon taʼ Imħallfin 16:23 u l-1 Samwel 5:1-5—huwa l-isem prorpju taʼ El. The Encyclopedia of Religion tgħid li huwa possibbli li “Dagan kien f’ċertu sens assoċjat jew inkluż maʼ [El].” Fis-siltiet taʼ Ras Xamra, Bagħal jissejjaħ bin Dagan, iżda t-tifsira taʼ “bin” hawnhekk m’hijiex ċerta.
[Kumment f’paġna 25]
Is-sejbiet arkeoloġiċi f’Ugarit għenuna nifhmu aħjar l-Iskrittura
[Mappa/Stampi f’paġni 24, 25]
(Ġħall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
L-Imperu tal-Ħittin fis-seklu 14 Q.E.K.
IL-BAĦAR MEDITERRAN
Ewfrat
IL-MUNTANJA KASSJU (ĠEBEL EL-AGRA)
Ugarit (Ras Xamra)
Tell Suka
Oronti
IS-SIRJA
L-EĠITTU
[Sorsi]
Statwetta taʼ Bagħal u kontenitur li jixorbu minnu fil-forma taʼ ras t’annimal: Musée du Louvre, Paris; painting of the royal palace: © D. Héron-Hugé pour “Le Monde de la Bible”
[Stampa f’paġna 25]
Fdalijiet taʼ l-intrata tal-palazz
[Stampa f’paġna 26]
Poeżija tal-mitoloġija Ugaritika li tistaʼ tipprovdi bażi għal Eżodu 23:19
[Sors]
Musée du Louvre, Paris
[Stampi f’paġna 27]
Pilastru taʼ Bagħal
Platt tad-deheb li jirrappreżenta xena tal-kaċċa
Għatu taʼ kaxxa tal-kosmetiċi taʼ l-avorju bi stampa t’alla mara tal-fertilità
[Sors]
L-istampi kollha: Musée du Louvre, Paris