Il-Faqar—Insibu s-Soluzzjoni Dejjiema
MINKEJJA r-rapporti negattivi minn madwar id-dinja rigward il-faqar, hemm dawk li jibqgħu ottimisti li tistaʼ ssir xi ħaġa konkreta. Per eżempju, skond titlu t’artiklu fil-Manila Bulletin, il-Bank taʼ Żvilupp Asjatiku rrapporta li “l-Asja tistaʼ telimina l-faqar fi żmien 25 sena.” Il-bank issuġġerixxa tkabbir ekonomiku bħala mod wieħed biex jiġi eliminat il-faqar estrem.
Organizzazzjonijiet u gvernijiet oħra fasslu listi twal taʼ suġġerimenti u pjanijiet biex jipprovaw isolvu l-problema. Fosthom hemm: programmi t’assigurazzjoni soċjali, titjib fl-edukazzjoni, kanċellar tad-djun li nazzjonijiet li qed jiżviluppaw għandhom maʼ nazzjonijiet żviluppati, tneħħija taʼ limiti fuq l-importazzjoni sabiex ikun iktar faċli għan-nazzjonijiet li għandhom persentaġġ kbir taʼ nies foqra li jbigħu l-prodotti tagħhom, u djar provduti mill-gvern għall-foqra.
Fis-sena 2000, l-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda poġġiet miri li għandhom jintlaħqu sas-sena 2015. Dawn kienu jinkludu li jiġu eliminati l-faqar u l-ġuħ estrem kif ukoll id-differenza kbira fil-qligħ taʼ ċittadini taʼ l-istess pajjiż. Huma kemm huma nobbli dawn il-miri, ħafna jiddubitaw jekk jistgħux jintlaħqu f’din id-dinja mifruda.
Passi Prattiċi biex Tkampa mal-Faqar
Ladarba ftit li xejn hemm tama għall-progress veru fuq skala dinjija, dak li jkun lejn xiex jistaʼ jdur għall-għajnuna? Bħalma ssemma qabel, hemm sors t’għerf prattiku li jistaʼ jgħin lin-nies issa stess. Dan x’inhu? Huwa l-Kelma t’Alla, il-Bibbja.
Il-Bibbja kif inhi differenti minn kwalunkwe sors ieħor taʼ informazzjoni? Għaliex din ġejja mill-iktar awtorità għolja, il-Ħallieq tagħna. Fil-paġni tagħha hu inkluda għerf prezzjuż—prinċipji prattiċi li japplikaw għan-nies kollha, f’kull pajjiż, u f’kull żmien. Jekk jiġu segwiti, dawn il-prinċipji jistgħu jgħinu lill-foqra jgawdu ħajja iktar sodisfaċenti anki issa. Ejja nikkunsidraw ftit eżempji.
Irid ikollok ħarsa xierqa lejn il-flus. Il-Bibbja tgħid: “Fih kenn l-għerf u fihom kenn il-flus; imma aħjar l-għerf għax iħarreġ għall-ħajja lil min għandu lilu.” (Koħèlet 7:12) Dan xi jfisser? Il-flus m’humiex kollox. Veru li sa ċertu punt dawn jipprovdu xi ftit tas-sigurtà. Bihom nistgħu nixtru ċerti affarijiet li jkollna bżonn, imma għal kollox hemm limitu. Hemm affarijiet taʼ valur ħafna akbar li l-flus ma jistgħux jixtru. Jekk nirrikonoxxu dan il-fatt inkunu nistgħu nżommu ħarsa xierqa lejn l-affarijiet materjali, u b’hekk nevitaw il-frustrazzjonijiet li jkollhom dawk li ħajjithom tiddependi fuq li jgeddsu l-flus. Il-flus ma jistgħux jixtru l-ħajja, imma jekk naġixxu bl-għerf nistgħu nipproteġu ħajjitna issa u saħansitra jistaʼ jkollna l-opportunità li ngħixu għal dejjem.
Tonfoqx iktar milli tiflaħ. Dak li rridu mhux neċessarjament ikun dak li neħtieġu. Għandna nagħtu l-prijorità lill-bżonnijiet tagħna. Malajr nistgħu nikkonvinċu lilna nfusna li neħtieġu xi ħaġa, meta fir-realtà din tkun xi ħaġa li nixtiquha u mhux neħtiġuha. Il-bniedem għaqli l-ewwel ma jwarrab mill-paga tiegħu hu għall-bżonnijiet—l-ikel, il-ħwejjeġ, id-dar, u affarijiet bħal dawn. Imbagħad, qabel ma jixtri xi ħaġa żejda, se jiddetermina jekk il-flus li fadallu humiex biżżejjed għal affarijiet oħra. F’waħda mit-tixbihat tiegħu, Ġesù ssuġġerixxa li individwu għandu ‘joqgħod bil-qiegħda biex l-ewwelnett iqis in-nefqa, ħalli jara għandux biżżejjed.’—Luqa 14:28.
Fil-Filippini, Eufrosina, omm li waħedha qed trabbi tlett itfal, kellha taħdem iebes biex taqlaʼ l-għajxien u żżomm budget tajjeb mindu telaqha r-raġel xi ftit tas-snin ilu. Waqt li tagħmel dan, hi tgħallem lit-tfal tagħha biex jagħrfu l-prijoritajiet tal-budget li kellhom. Per eżempju, it-tfal forsi jaraw xi ħaġa li jixtiequ. Minflok ma taqbad u tgħid le, hi tirraġuna magħhom billi tgħid: “Jekk trid tistaʼ tixtriha dik, id-deċiżjoni f’idejk. Għandna biżżejjed flus għal ħaġa waħda biss. Nistgħu nixtru dak li jogħġbok, jew inkella nistgħu nixtru ftit laħam jew ħaxix għal mar-ross għal din il-ġimgħa. Mela, liema tixtieq? Iddeċiedi int.” Normalment, it-tfal malajr jaraw il-punt u jaqblu li jippreferu l-ikel milli xi ħaġa oħra.
Kun kuntent. Prinċipju ieħor mill-Bibbja jgħid: “Sakemm għandna x’nieklu u x’nilbsu, dan għandu jkun biżżejjed għalina.” (1 Timotju 6:8) Il-flus infushom ma jġibux il-ferħ. Ħafna nies għonja huma mdejqin, waqt li ħafna li huma foqra huma ferħanin ħafna. Dawn taʼ l-aħħar tgħallmu jkunu sodisfatti bl-affarijiet sempliċi li għandhom bżonn fil-ħajja. Ġesù tkellem dwar li jkollna ‘għajn safja’ jew sempliċi, li tkun iffokata fuq l-iktar affarijiet importanti. (Mattew 6:22) Dan hu li jgħin lil individwu jkun kuntent. Ħafna nies foqra jħossuhom sodisfatti għaliex ikkultivaw relazzjoni tajba m’Alla u għandhom ħajja tal-familja ferħana—affarijiet li ma jistgħux jinxtraw bil-flus.
Dawn huma biss ftit eżempji mis-suġġerimenti prattiċi tal-Bibbja li jistgħu jgħinu lil dawk li huma foqra biex ikampaw mas-sitwazzjoni tagħhom. Hemm ħafna oħra. Per eżempju, evita vizzji bħat-tipjip u l-logħob tal-flus, li jġagħlek titlef kulma jkollok; agħraf x’inhuma l-iktar affarijiet importanti fil-ħajja, partikolarment il-miri spiritwali; fejn l-impjiegi huma limitati, ipprova uża xi sengħa jew servizz li oħrajn jeħtieġu. (Proverbji 22:29; 23:21; Filippin 1:9-11) Il-Bibbja tagħtina parir biex napplikaw dan “l-għaqal u l-qjies” għaliex ‘ikunu l-ħajja taʼ ruħna.’—Proverbji 3:21, 22.
Waqt li s-suġġerimenti tal-Bibbja għandhom mnejn jipprovdu ftit serħan għal dawk li qed jissieltu mal-faqar, xorta waħda jibqaʼ xi mistoqsijiet dwar il-futur. Huma l-foqra kundannati li jibqgħu dejjem fil-faqar? L-inugwaljanzi taʼ bejn dawk għonja ħafna u dawk foqra ħafna qatt se jiġu rranġati? Ejja neżaminaw soluzzjoni li ħafna ma jafux biha.
Il-Bibbja Tagħti Raġuni għal Tama
Ħafna jammettu li l-Bibbja hija ktieb tajjeb. Madankollu, spiss lanqas biss jafu li din tipprovdi informazzjoni speċifika li tipponta lejn bidliet kbar li dalwaqt se jseħħu.
Alla se jieħu azzjoni biex jirranġa l-problemi taʼ l-umanità, inkluż il-faqar. Minħabba li l-gvernijiet umani wrew li ma jistgħux jew ma jridux inneħħuhom, Alla se jqiegħed gvern ieħor minflokhom. Kif? Il-Bibbja tgħid b’enfasi f’Danjel 2:44: “Alla tas-sema jqajjem saltna li ma tinqered qatt, u li l-ħakma tagħha ma tgħaddix għal poplu ieħor. Hija tfarrak u ttemm is-saltniet l-oħra kollha, waqt li hi tibqaʼ wieqfa għal dejjem.”
Wara li jneħħi dawn “is-saltniet,” jew gvernijiet, il-Mexxej maħtur minn Alla nnifsu se jaġixxi. Dan il-Mexxej m’huwiex uman imma esseri qawwi fis-smewwiet li hu bħal Alla, u li għandu l-abbiltà li jagħmel il-bidliet drastiċi meħtieġa sabiex jelimina l-inugwaljanzi li hawn illum. Alla għażel lil Ibnu stess biex jagħmel dan. (Atti 17:31) Salm 72:12-14 jiddeskrivi x’se jagħmel dan il-Mexxej, billi jgħid: “Għax hu jeħles lill-fqir li jsejjaħlu, u lill-imsejken li m’għandux min jgħinu. Iħenn għad-dgħajjef u għall-fqajjar; il-ħajja tal-fqajrin isalva. Jeħlishom mill-qerq u mill-moħqrija; demmhom għażiż quddiem għajnejh.” Xi prospett meraviljuż dan! Serħan sa fl-aħħar! Il-mexxej maħtur t’Alla se jaġixxi għan-nom tal-foqra u l-imsejknin.
Il-ħafna problemi assoċjati mal-faqar se jiġu solvuti f’dan iż-żmien. Vers 16 taʼ Salm 72 jgħid: “Ikun kotran il-qamħ fuq l-art, jogħla sal-qċaċet taʼ l-għoljiet.” Mhux se jkun hemm iktar nuqqas taʼ ikel bħala riżultat taʼ ġuħ, nuqqas taʼ flus, jew amministrazzjoni ħażina.
Problemi oħra se jiġu solvuti wkoll. Per eżempju, illum persentaġġ kbir mill-abitanti taʼ l-art m’għandhomx id-dar tagħhom. Madankollu, Alla jwiegħed: “Huma għad jibnu djarhom u jgħammru fihom, iħawwlu d-dwieli u jieklu frotthom. Ma jibnux biex jgħammar ħaddieħor, u ma jħawwlux biex jiekol ħaddieħor; għax il-poplu tiegħi jgħix daqs kemm jgħixu s-siġar, u l-magħżulin tiegħi jistgħallu xogħol idejhom.” (Isaija 65:21, 22) Kulħadd se jkollu daru u se jgawdi xogħlu. Għalhekk, Alla qed iwiegħed soluzzjoni totali u permanenti għall-faqar. Mhux se jkun hawn differenza kbira bejn l-għonja u l-foqra, u mhux se jkun hemm iktar nies li bilkemm jaqilgħu x’jieklu.
Meta xi ħadd jismaʼ b’dawn il-wegħdi tal-Bibbja għall-ewwel darba, forsi jibda jħoss li m’humiex realistiċi. Madankollu, jekk jeżamina l-Bibbja iktar mill-qrib se jara kif il-wegħdi kollha t’Alla fil-passat seħħew. (Isaija 55:11) B’hekk, m’hijiex kwistjoni taʼ jekk dan hux se jseħħ. Minflok, il-mistoqsija vera hija, X’għandek tagħmel int biex tibbenefika meta dan iseħħ?
Int Hemm Se Tkun?
Ladarba l-gvern huwa t’Alla, għandna nkunu t-tip taʼ nies li Alla se jaċċetta bħala ċittadini taħt din il-ħakma. Ma ħalliniex fid-dlam dwar x’għandna nagħmlu biex nikkwalifikaw. Il-gwida tinsab fil-Bibbja.
Il-Mexxej maħtur, l-Iben t’Alla, huwa ġust. (Isaija 11:3-5) B’hekk, dawk li jiġu aċċettati għall-ħajja taħt dan il-gvern huma nfushom għandhom ikunu ġusti. Proverbji 2:21, 22 jgħid: “It-tajbin jgħammru fl-art, u n-nies sewwa joqogħdu fiha; imma l-ħżiena mill-art jitqaċċtu, u l-qarrieqa jinqalgħu minnha.”
Hemm xi mod kif nistgħu nitgħallmu kif nilħqu dawn il-ħtiġijiet? Iva, hemm. Billi tistudja l-Bibbja u tapplika d-direzzjonijiet li fiha, int tkun tistaʼ tgawdi dan il-futur meraviljuż. (Ġwanni 17:3) Ix-Xhieda taʼ Jehovah lesti minn qalbhom jgħinuk f’dan l-istudju. Aħna nistidnuk tieħu vantaġġ minn din l-opportunità li tiġi inkluż f’soċjetà li qatt ma se tesperjenza l-faqar u l-inġustizzja.
[Stampa f’paġna 5]
Eufrosina: “‘Budget’ strett jgħin lili u lill-familja tiegħi sabiex ikollna l-bżonnijiet”
[Stampi f’paġna 6]
Relazzjoni tajba m’Alla u ħajja tal-familja ferħana ma jistgħux jinxtraw bil-flus