Dinja Mingħajr Faqar fil-Qrib
STAMPI tal-Ġenna taʼ l-art bħalma hemm fuq il-qoxra taʼ din ir-rivista, jolqtuhom lil dawk li jgħixu fil-faqar. Il-Ġenna taʼ l-art kienet realtà għall-ewwel koppja umana, Adam u Eva. Id-dar tagħhom kienet il-ġnien taʼ l-Għeden. (Ġenesi 2:7-23) Għalkemm din il-Ġenna taʼ l-art intilfet, it-twemmin li fil-futur għad ikun hawn waħda bħalha—dinja ġdida mingħajr faqar—m’hijiex biss ħolma. Dan it-twemmin huwa bbażat b’mod sod fuq il-wegħdi li jinsabu fil-Bibbja.
Ikkunsidra l-wegħda li Ġesù Kristu għamel fl-aħħar ġurnata tiegħu fuq l-art. Wieħed mill-irġiel ħżiena li mietu maʼ Ġesù kellu fidi li Alla hu kapaċi jsolvi l-problemi tal-bniedem. Hu qal: “Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-saltna tiegħek.” Dan il-kliem juri li dan ir-raġel ħażin emmen li Ġesù kien se jsaltan bħala Sultan u li l-mejtin kienu se jerġgħu jqumu mill-mewt. Ġesù wieġeb: “Tassew ngħidlek illum, Int tkun fil-Ġenna miegħi.”—Luqa 23:42, 43.
Meta titkellem dwar dawk li se jgħixu fil-Ġenna taʼ l-art, il-Bibbja tgħid: “Huma għad jibnu djarhom u jgħammru fihom, iħawwlu d-dwieli u jieklu frotthom.” (Isaija 65:21) Iva, “kull wieħed jinsab taħt id-dielja tiegħu, u taħt is-siġra tat-tin tiegħu; u ma jkunx hemm min iwerwirhom, għax fomm il-Mulej taʼ l-eżerċti tkellem.”—Mikea 4:4.
Imma l-faqar għala qed jitħalla jeżisti bħalissa? Alla liema għajnuna jagħti lil dawk li huma milqutin mill-faqar? Il-faqar meta se jispiċċa?
Il-Faqar Għala Tħalla Jeżisti?
Il-Ġenna taʼ l-art li Adam u Eva tqiegħdu fiha ntilfet minħabba r-ribelljoni li beda anġlu mill-agħar, Satana x-Xitan. Billi uża lis-serpent bħala l-kelliemi tiegħu, Satana ħajjar lil Eva biex tikser il-liġi li Alla kien tahom biex ma jiklux mill-frotta taʼ siġra partikulari. Hu qarraq biha billi ġagħalha temmen li jekk tkun indipendenti minn Alla ħajjitha kienet se tkun aħjar. Meta Eva offriet il-frotta projbita lil Adam, hu kiel ukoll, u b’hekk ta dahru lil Alla biex jismaʼ minn martu.—Ġenesi 3:1-6; 1 Timotju 2:14.
Il-koppja ribelluża bix-xieraq intefgħet ’il barra mill-Ġenna taʼ l-art u minn dakinhar ’il quddiem kellhom jissieltu biex jgħixu. Sal-ġurnata taʼ llum, Ġeħova ppermetta lil Satana biex jaħkem fuq l-umanità midinba, u b’hekk deher ċar ir-riżultat li ġġib id-diżubbidjenza lejn Alla. L-istorja tal-bniedem tat prova li l-umanità ma tistax iġġib Ġenna fuq l-art. (Ġeremija 10:23) Minflok, l-indipendenza minn Alla rriżultat fi problemi diżastrużi, inkluż il-faqar.—Koħèlet 8:9.
Madankollu, dawk li huma fqar m’humiex bla għajnuna f’din id-dinja kollha inkwiet. Il-Kelma ispirata t’Alla, il-Bibbja, fiha gwida tajba għalihom.
“Qatt Tkunu Ansjużi”
Meta kien qed jitkellem m’udjenza kbira li inkludiet lil ħafna nies fqar, Ġesù qal: “Osservaw bir-reqqa l-għasafar tas-sema, għax huma la jiżirgħu, la jaħsdu, u lanqas jiġbru fl-imħażen; imma Missierkom tas-sema xorta waħda jitmagħhom. Ma tiswewx intom iktar minnhom? . . . Għalhekk, qatt tkunu ansjużi u tgħidu, ‘X’se nieklu?’ jew, ‘X’se nixorbu?’ jew, ‘X’se nilbsu?’ Għax dawn kollha huma l-affarijiet li l-ġnus qed ifittxu bil-ħerqa. Għax Missierkom tas-sema jaf li teħtieġu dawn l-affarijiet kollha. Mela, ibqgħu fittxu l-ewwel is-saltna u s-sewwa tiegħu, u dawn l-affarijiet l-oħrajn kollha se jiżdidulkom.”—Mattew 6:26-33.
Individwu li hu fqir m’għandux għalfejn jisraq. (Proverbji 6:30, 31) Jekk ipoġġi lil Alla l-ewwel f’ħajtu se jingħatalu dak li għandu bżonn. Ikkunsidra l-każ taʼ Tukiso, raġel minn Lesotho li jgħix fin-nofsinhar taʼ l-Afrika. Fl-1998, truppi barranin daħlu Lesotho sabiex iwaqqfu r-rewwixta li kienet qamet kontra l-gvern. Minħabba din il-gwerra, il-ħwienet kienu qed jiġu misruqa, in-nies tilfu xogħolhom, u kien hemm nuqqas kbir taʼ ikel.
Tukiso kien jgħix fl-iktar parti fqira tal-belt kapitali. Ħafna mill-ġirien tiegħu kienu serqu l-ħwienet biex jirnexxilhom jgħixu. Meta Tukiso mar lura lejn il-kamra fejn kien jgħix, sab li Maseiso, il-mara li kien qed jgħix magħha, kellha ħafna ikel li kienet serqet. “Oħroġ dan l-ikel kollu ’l barra,” qalilha Tukiso filwaqt li spjegalha l-liġi t’Alla kontra s-serq. Maseiso obdiet. Il-ġirien bdew iwaqqgħuhom għaċ-ċajt u bdew jieħdu mill-ikel misruq.
Tukiso ħa din il-waqfa minħabba dak li kien tgħallem mill-istudju tiegħu tal-Bibbja max-Xhieda taʼ Ġeħova. Baqaʼ hu bil-ġuħ għax obda mil-liġi t’Alla? Le. Ftit żmien wara, l-anzjani tal-kongregazzjoni tax-Xhieda taʼ Ġeħova fejn hu kien jattendi kkuntattjaw lil Tukiso u ġabulu xi ikel. Fil-fatt, ix-Xhieda taʼ Ġeħova mill-pajjiżi taʼ l-Afrika t’Isfel li kienu fil-viċin bagħtu iktar minn żewġ tunnellati taʼ provvisti għal ħuthom il-Kristjani f’Lesotho. L-ubbidjenza li Tukiso wera lejn Alla u l-għajnuna mimlija mħabba li wriet il-kongregazzjoni impressjonawha lil Maseiso. Hi wkoll bdiet tistudja l-Bibbja. Eventwalment, it-tnejn li huma żżewġu legalment, u b’hekk ikkwalifikaw biex jitgħammdu bħala Xhieda taʼ Ġeħova. Huma għadhom jaqdu lil Alla lealment.
Alla Ġeħova jimpurtah mill-fqar. (Ara lkaxxa intitolata “Alla Kif Iqishom lill-Fqar?”) Bi mħabba hu pprovda għajnuna lil uħud bħal Tukiso u Maseiso sabiex ikunu jistgħu jitgħallmu iktar dwaru. Fil-Kelma tiegħu, hu pprovda pariri prattiċi kif ngħixu l-ħajja taʼ kuljum.
Provvediment taʼ Ġid
Ix-Xhieda taʼ Ġeħova minn dejjem ipprovaw jimitaw l-interess li Alla għandu fil-fqar. (Galatin 2:10) Ħafna drabi meta jseħħ xi diżastru u l-Kristjani veri jiġu effettwati, isiru arranġamenti sabiex tingħata l-għajnuna li jkun hemm bżonn. Iktar importanti minn hekk, ix-Xhieda juru interess fil-bżonnijiet spiritwali taʼ kulħadd, inkluż taʼ dawk li huma fqar. (Mattew 9:36-38) Matul dawn l-aħħar 60 sena, eluf taʼ ministri mħarrġin ivvolontarjaw sabiex jaqdu bħala missjunarji f’pajjiżi barranin. Per eżempju, koppja missjunarja mill-Finlandja tgħallmu l-lingwa Sesotho, u b’hekk setgħu jgħallmu lil Tukiso u lil Maseiso sabiex ikunu jistgħu jsiru dixxipli taʼ Ġesù. (Mattew 28:19, 20) Ħafna drabi, xogħol missjunarju bħal dan jirrikjedi li tissagrifika li tgħix f’pajjiż sinjur u tmur tgħix f’pajjiż fqir.
Il-Kristjani veri ma jqisux is-serq bħala għażla biex ikun jistaʼ jirnexxilhom jgħixu. Minflok, huma fiduċjużi li Alla Ġeħova kapaċi jipprovdilhom. (Ebrej 13:5, 6) Mod wieħed kif Ġeħova jipprovdi lill-poplu tiegħu hu permezz taʼ l-organizzazzjoni t’aduraturi tiegħu madwar id-dinja li jieħdu ħsieb xulxin.
Mod ieħor kif Ġeħova jgħin lill-fqar hu billi jagħtihom pariri prattiċi dwar kif jgħixu l-ħajja taʼ kuljum. Per eżempju, il-Bibbja tikkmanda: “Min kien jisraq ħa ma jisraqx iktar, imma minflok ħa jaħdem iebes u jagħmel b’idejh xogħol tajjeb, biex ikollu xi ħaġa x’jagħti lil min hu fil-bżonn.” (Efesin 4:28) Ħafna wħud li jinsabu bla xogħol irnexxielhom joħolqu xogħol għalihom infushom. Billi jaħdmu iebes huma jagħmlu xogħol bħal li jiżirgħu u jieħdu ħsieb ħxejjex fil-ġnien tagħhom. Il-Bibbja wkoll tgħin lil dawk li huma foqra jġemmgħu l-flus billi tgħallimhom jevitaw vizzji ħżiena bħalma hu l-abbuż taʼ l-alkoħol.—Efesin 5:18.
Dinja Mingħajr Faqar—Meta?
Il-Bibbja tindika li qed ngħixu “fl-aħħar jiem” tal-ħakma taʼ Satana. (2 Timotju 3:1) Dalwaqt, Alla Ġeħova se jibgħat lil Ġesù Kristu sabiex jiġġudika lill-umanità. X’se jiġri f’dak iż-żmien? Ġesù ta t-tweġiba f’waħda mit-tixbihat tiegħu. Hu qal: “Meta Bin il-bniedem jasal fil-glorja tiegħu, u l-anġli kollha miegħu, imbagħad joqgħod bil-qiegħda fuq it-tron glorjuż tiegħu. U l-ġnus kollha jinġabru quddiemu, u hu jifred lin-nies, wieħed mill-ieħor, bħalma ragħaj jifred in-nagħaġ mill-mogħoż.”—Mattew 25:31-33.
In-nagħaġ taʼ din it-tixbiha huma dawk li jissottomettu ruħhom għas-saltna taʼ Ġesù. Ġesù xebbahhom maʼ nagħaġ għax jimxu warajh billi jqisuh bħala r-Ragħaj tagħhom. (Ġwanni 10:16) Dawn l-uħud bħal nagħaġ se jiksbu l-ħajja taħt il-ħakma perfetta taʼ Ġesù. Din se tkun ħajja ferħana f’dinja ġdida ħielsa mill-faqar. Uħud li huma bħal mogħoż, dawk li jirrifjutaw il-ħakma taʼ Ġesù, se jinqerdu darba għal dejjem.—Mattew 25:46.
Is-Saltna t’Alla se ttemm il-ħażen. Il-faqar se jkun xi ħaġa tal-passat. Minflok, l-art se tkun abitata minn uħud li jħobbu u jieħdu ħsieb xulxin. Meta nħarsu lejn il-fratellanza internazzjonali tax-Xhieda taʼ Ġeħova kollha mħabba, nistgħu nibqgħu ċerti li dinja ġdida bħal din hija possibbli. Fi qbil maʼ dan, Ġesù qal: “B’dan ikun jaf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.”—Ġwanni 13:35.
[Kaxxa/Stampi f’paġna 6, 7]
ALLA KIF IQISHOM LILL-FQAR?
Il-Bibbja tiddeskrivi lill-Ħallieq taʼ l-umanità bħala l-wieħed li “jagħti l-ħobż lill-imġewwħin.” (Salm 146:7) Fiha nsibu ’l fuq minn mitt vers li jenfasizzaw l-interess li Alla għandu fil-fqar.
Per eżempju, meta Ġeħova ta l-Liġi tiegħu lill-ġens taʼ Iżrael tal-qedem, hu kkmanda lill-bdiewa Iżraelin sabiex ma jaħsdux kompletament sat-truf taʼ l-għelieqi tagħhom. Huma ma kellhomx jiġbru l-frott kollu billi jerġgħu jduru għat-tieni darba xi siġra taż-żebbuġ jew dielja. Dawn il-liġijiet kienu provvediment mimli mħabba għall-barranin, l-orfni, ir-romol, u l-magħkusin.—Levitiku 19:9, 10; Dewteronomju 24:19-21.
Iktar minn hekk, Alla kkmanda lill-Iżraelin: “La taħqrux l-armla jew l-iltim; għax jekk taħqruhom, u huma jsejjħuli, jien żgur nismagħha l-għajta tagħhom; u l-qilla tiegħi tixgħel, neqridkom bix-xabla; u n-nisa tagħkom jormlu u wliedkom jisfaw iltiema.” (Eżodu 22:21-23 [22:22-24, NW]) B’dispjaċir, ħafna Iżraelin għonja injoraw dan il-kliem. Minħabba dan u ħażen ieħor, Alla Ġeħova ta lill-Iżraelin diversi twissijiet permezz taʼ profeti. (Isaija 10:1, 2; Ġeremija 5:28; Għamos 4:1-3) Eventwalment, Alla ġiegħel lill-Assirjani u iktar tard lill-Babiloniżi jirbħu t-territorju taʼ Iżrael. Ħafna Iżraelin ġew maqtula, u dawk li salvaw ittieħdu bħala lsiera f’pajjiżi barranin.
L-Iben maħbub t’Alla, Ġesù Kristu, irrifletta l-interess mimli mħabba li għandu Missieru fil-fqar. Meta kien qed jispjega l-iskop tal-ministeru tiegħu, Ġesù qal: “L-ispirtu taʼ Ġeħova qiegħed fuqi, għax Hu dilikni biex inxandar l-aħbar tajba lill-foqra.” (Luqa 4:18) Dan ma jfissirx li l-ministeru taʼ Ġesù kien biss għal dawk li kienu fqar. Hu bi mħabba għen lil dawk li kienu għonja wkoll. Madankollu, meta għamel dan, Ġesù taʼ spiss wera interess fil-fqar. Per eżempju, hu ta dan il-parir lil wieħed ħakkiem sinjur: “Bigħ kulma għandek u qassam lill-foqra, u jkollok teżor fis-smewwiet; u ejja kun segwaċi tiegħi.”—Luqa 14:1, 12-14; 18:18, 22; 19:1-10.
Alla Ġeħova u Ibnu jinteressahom ferm mill-fqar. (Marku 12:41-44; Ġakbu 2:1-6) Ġeħova jżomm fil-memorja tiegħu l-miljuni taʼ wħud li mietu u li kienu fqar, u dan jirrifletti l-interess li hu għandu f’persuni bħal dawn. Uħud bħal dawn se jiġu rxoxtati f’dinja ġdida ħielsa mill-faqar.—Atti 24:15.
[Stampi]
Il-fratellanza internazzjonali tax-Xhieda taʼ Ġeħova turi li d-dinja ġdida hi possibbli
[Stampa f’paġna 5]
Tukiso u Maseiso mal-missjunarju li studja l-Bibbja maʼ Tukiso
[Stampa f’paġna 5]
Maseiso fil-bieb tad-dar tagħha mal-missjunarja li studjat il-Bibbja magħha