LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w03 8/1 pp. 29-31
  • Nitgħallmu s-Sengħa taʼ li Nużaw it-Tattika

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Nitgħallmu s-Sengħa taʼ li Nużaw it-Tattika
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • X’Inhi t-​Tattika?
  • Nifhmu s-​Sentimenti t’Oħrajn
  • Uri li Tifhem
  • Agħraf Dak li M’Għandekx Tgħid
  • Kliem li Jdewwi
  • Bit-​Tattika Imma b’Mod Sod
    Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
  • Lezzjoni fil-Ħniena
    L-Aqwa Bniedem li Qatt Għex
  • Lezzjoni dwar il-maħfra
    Ġesù—It-triq, il-verità, u l-ħajja
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
w03 8/1 pp. 29-31

Nitgħallmu s-​Sengħa taʼ li Nużaw it-​Tattika

PEGGY innotat lil binha jitkellem bl-​aħrax maʼ ħuh iż-​żgħir. Hi staqsietu: “Taħseb li dan hu l-​aħjar mod kif tkellem lil ħuk? Ara kemm hu mdejjaq!” Għala qaltlu hekk? Kienet qed tipprova tgħallem lil binha s-​sengħa taʼ li juża t-​tattika u juri konsiderazzjoni għas-​sentimenti t’oħrajn.

L-appostlu Pawlu ħeġġeġ lil sieħbu iżgħar minnu Timotju biex ikun “ħlejju [jew juża t-​tattika] maʼ kulħadd.” Jekk jagħmel hekk, Timotju ma kienx se jweġġaʼ s-​sentimenti t’oħrajn. (2 Timotju 2:24) X’inhi t-​tattika? Kif tistaʼ titjieb fiha? U kif tistaʼ tgħin lil oħrajn jiżviluppaw din is-​sengħa?

X’Inhi t-​Tattika?

Dizzjunarju wieħed jispjega t-​tattika bħala li hi “l-​abbiltà li tagħraf kemm hi sensittiva s-​sitwazzjoni u tagħmel jew tgħid l-​iktar ħaġa taʼ qalb tajba jew addattata.” Il-​kelma oriġinalment kienet tirreferi għas-​sens tal-​mess. Sewwasew bħalma s-​swabaʼ sensittivi jindunaw jekk xi ħaġa tkunx iddellek, ratba, lixxa, taħraq, jew piluża, hekk ukoll bniedem tattikuż jistaʼ jinduna x’inhuma jħossu l-​oħrajn u jiddetermina kif il-​kliem jew l-​azzjonijiet tiegħu jistgħu jeffettwawhom. Imma din m’hijiex biss sengħa li tipprattikaha; tinvolvi xewqa ġenwina li tevita li tweġġaʼ lil oħrajn.

Fir-​rakkont tal-​Bibbja dwar Geħażi, il-​qaddej t’Eliżew, insibu eżempju taʼ wieħed li ma kellux tattika. Mara Sunamija, li binha kien għadu kif miet f’idejha, marret għand Eliżew għall-​faraġ. Meta staqsewha dwar jekk kienx kollox sewwa, hi wieġbet: “Kollox sewwa.” Imma meta avviċinat lill-​profeta, “Geħażi resaq biex iwarrabha.” Mill-​banda l-​oħra, Eliżew qallu: “Ħalliha għax qalbha kollha mrar.”—2 Slaten 4:​17-20, 25-27.

Geħażi kif aġixxa daqshekk bla ħsieb u bla tattika? Huwa minnu li l-​mara m’esprimietx is-​sentimenti tagħha meta staqsieha. Imma l-​maġġuranza tan-​nies ma jesprimux is-​sentimenti tagħhom maʼ kulmin jiġi. Minkejja dan, l-​emozzjonijiet tagħha żgur li kienu viżibbli b’xi mod jew ieħor. Eliżew mid-​dehra ntebaħ bl-​emozzjonijiet tagħha, imma Geħażi ma indunax, jew għażel li jinjorahom. Dan juri sewwa għala spiss naġixxu bla tattika. Meta individwu jkun konċernat iżżejjed dwar l-​importanza taʼ xogħlu, malajr jistaʼ jonqos milli jirrikonoxxi jew juri interess fil-​bżonnijiet taʼ dawk li jiltaqaʼ magħhom. Ikun bħal sewwieq taʼ karozza tal-​linja li tant kemm ikun konċernat dwar li jasal fil-​ħin li jinsa jieqaf biex itellaʼ l-​passiġġieri.

Sabiex nevitaw li naġixxu b’nuqqas taʼ tattika bħal Geħażi, għandna nagħmlu ħilitna biex nuru l-​ħlewwa man-​nies, għax ma nafux kif iħossuhom tassew. Għandna dejjem noqogħdu għassa għall-​affarijiet li jikxfu s-​sentimenti taʼ dak li jkun u nwieġbu b’kelma jew b’għemil taʼ qalb tajba. Kif tistaʼ ttejjeb is-​sengħa tiegħek f’dan ir-​rigward?

Nifhmu s-​Sentimenti t’Oħrajn

Ġesù kien jispikka fil-​mod kif jifhem is-​sentimenti t’oħrajn u jiddetermina kif l-​aħjar jittrattahom b’qalb tajba. Darba kien qed jiekol fid-​dar taʼ Xmun, li kien Fariżew, meta mara ‘li fil-​belt kienet midinba magħrufa’ avviċinatu. F’dan il-​każ ukoll, il-​mara ma tkellmitx, imma kien hemm ħafna x’tosserva. Hi “ġiebet vażett taʼ l-​alabastru biż-​żejt ifuħ; u marret qagħdet warajh ħdejn riġlejh, tibki u xxarrablu riġlejh bi dmugħha u tixxuttahomlu b’xuxitha; mbagħad bisitlu riġlejh u dilkithomlu biż-​żejt ifuħ.” Ġesù rrikonoxxa x’kien ifisser dan kollu. U avolja Xmun ma qal xejn, Ġesù setaʼ jinduna li kien qed jgħid bejnu u bejn ruħu: “Dan, li kien profeta, kien ikun jaf min hi u x’mara hi din li qiegħda tmissu; kien ikun jaf, għax hi midinba!”—Luqa 7:​37-39.

Tistaʼ timmaġina l-​ħsara li setaʼ għamel Ġesù kieku bagħatha ’l hemm lill-​mara, jew kieku qal lil Xmun: “Ja raġel injorant! Mhux qed tara li hi niedma?” Minflok, b’tattika Ġesù qal lil Xmun tixbiha dwar raġel li lil wieħed ħafirlu dejn kbir u lil ieħor dejn ħafna iżgħar. Ġesù staqsieh: “Min minnhom se jħobbu l-​iżjed?” B’hekk, minflok ma kkundanna lil Xmun, Ġesù setaʼ jfaħħru għat-​tweġiba korretta li tah Xmun. Imbagħad, b’qalb tajba għen lil Xmun jagħraf dak kollu li kien jindika xi bdiet tħoss verament il-​mara u l-​espressjonijiet tagħha taʼ ndiema. Ġesù dar lejn il-​mara u bil-​ħlewwa wrieha li kien fehem x’kienet qed tħoss. Hu qalilha li dnubietha kienu nħafrulha u mbagħad qal: “Il-​fidi tiegħek salvatek; mur bis-​sliem.” Min jaf kif dan il-​kliem kollu tattika saħħaħ id-​determinazzjoni tagħha biex tagħmel is-​sewwa! (Luqa 7:​40-50) Ġesù rnexxielu juża t-​tattika għaliex kien josserva kif iħossuhom in-​nies u wieġeb bil-​mogħdrija.

Sewwasew bħalma Ġesù għen lil Xmun, hekk ukoll aħna nistgħu nitgħallmu u mbagħad ngħinu lil oħrajn biex jifhmu l-​lingwa li ma titlissinx taʼ l-​emozzjonijiet. Il-​ministri t’esperjenza jistgħu kultant jgħallmu din is-​sengħa lil dawk l-​uħud li huma ġodda fil-​ministeru Kristjan. Wara żjara li jagħmlu meta jieħdu sehem fl-​aħbar tajba, jistgħu janalizzaw is-​sinjali li jindikaw is-​sentimenti taʼ dawk li jiltaqgħu magħhom. Kien l-​individwu timidu, xettiku, irrabjat, jew okkupat? X’se jkun l-​aqwa mod biex jgħinuh b’qalb tajba? L-​anzjani jistgħu wkoll jgħinu lil aħwa li forsi offendew lil xulxin minħabba n-​nuqqas taʼ tattika. Għin lil kull wieħed jifhem x’inhu jħoss l-​ieħor. Iħossu insultat, injorat, jew mifhum ħażin? Il-​qalb tajba kif tistaʼ tgħinu jħossu aħjar?

Il-​ġenituri għandhom jgħinu lil uliedhom jikkultivaw il-​mogħdrija, ladarba din se tqanqalhom jaġixxu bit-​tattika. It-​tifel taʼ Peggy, li semmejna fil-​bidu, innota li wiċċ ħuh iż-​żgħir kien vampa nar, bix-​xoffa mdendla, u għajnejh mimlijin bid-​dmugħ, u hu ra l-​uġigħ li kien qed iħoss ħuh. Sewwasew bħalma ttamat ommu, hu ddispjaċieh u ddeċieda li jinbidel. Iż-​żewġ subien taʼ Peggy għamlu użu tajjeb minn dak li tgħallmu meta kienu żgħar u xi snin wara saru wħud produttivi li jagħmlu dixxipli u rgħajja fil-​kongregazzjoni Kristjana.

Uri li Tifhem

It-​tattika hija importanti speċjalment meta jkollok xi lment kontra xi ħadd. Int tistaʼ tweġġaʼ d-​dinjità tiegħu faċilment. Huwa dejjem aħjar li l-​ewwel tfaħħru għal xi ħaġa speċifika. Minflok ma tikkritikah, ikkonċentra fuq il-​problema. Spjega kif l-​azzjoni tiegħu teffettwak u x’inhu eżatt dak li tixtieq jinbidel. Imbagħad kun lest li tismaʼ. Forsi fhimtu ħażin.

In-nies iħobbu jħossu li qed tifhimhom anki jekk forsi ma taqbilx mal-​ħarsa tagħhom. Ġesù tkellem bit-​tattika meta wera li fehem għala Marta kienet qed tinkwieta. Hu qalilha: “Marta Marta! Inti taħseb wisq u tinkwieta fuq ħafna ħwejjeġ.” (Luqa 10:41) Bl-​istess mod, meta xi ħadd jitkellem dwar xi problema, minflok ma toffri soluzzjoni qabel ma tismaʼ l-​problema kollha, mod tattikuż li bih tistaʼ turi li qed tifhmu huwa li tirrepeti l-​problema jew l-​ilment fi kliemek stess. Dan huwa mod kif turi li qed tifhem b’qalb tajba.

Agħraf Dak li M’Għandekx Tgħid

Meta r-​Reġina Ester riedet titlob lil żewġha biex iwaqqaf il-​konfoffa taʼ Ħaman biex jeqred lil-​Lhud, hi bit-​tattika rranġat kollox ħalli ssib lil żewġha f’burdata tajba. Imbagħad, f’dan il-​waqt hi semmiet dan is-​suġġett delikat. Imma se nieħdu tagħlima jekk ninnotaw x’ma qalitx. Bit-​tattika kollha hi evitat li semmi s-​sehem li kellu żewġha f’dan il-​komplott kiefer.—Ester 5:​1-8; 7:​1, 2; 8:5.

B’mod simili, meta żżur ir-​raġel li ma jemminx t’oħt li hi fil-​verità, minflok ma turih il-​Bibbja mill-​ewwel, għala ma tibdiex billi l-​ewwel issir taf x’jinteressah? Meta xi stranġier jiġi s-​Sala tas-​Saltna liebes b’mod każwali jew xi ħadd jiġi lura wara perijodu twil, agħtih merħba mill-​qalb minflok ma tikkummenta dwar l-​ilbies jew dwar kemm ilu ma jiġi. U meta tinnota li xi ħadd ġdid għandu ħarsa żbaljata, forsi jkun aħjar li ma tikkoreġihx mill-​ewwel. (Ġwanni 16:12) It-​tattika tinkludi li b’qalb tajba tirrikonoxxi x’m’għandekx tgħid.

Kliem li Jdewwi

Il-​fatt li titgħallem is-​sengħa taʼ li tuża t-​tattika se jgħinek tgawdi relazzjonijiet paċifiċi m’oħrajn, anki meta xi ħadd jifhem ħażin il-​motivi tiegħek u jkun iffastidjat u rrabjat għalik. Per eżempju, meta l-​irġiel t’Efrajm “tlewwmu . . . bl-​aħrax” maʼ Gidgħon, it-​tweġiba kollha tattika tiegħu inkludiet spjegazzjoni ċara taʼ dak li kien ġara tassew u hu faħħar bl-​onestà kollha dak li l-​irġiel t’Efrajm kienu wettqu. Hu kien tattikuż għax għaraf għala kienu rrabjati, u l-​modestja tiegħu ġagħlithom iħossuhom aħjar.—Mħallfin 8:​1-3; Proverbji 16:24.

Ipprova dejjem ikkunsidra kif kliemek se jeffettwa lil oħrajn. L-​isforz biex tuża t-​tattika se jgħinek tesperjenza l-​ferħ deskritt fi Proverbji 15:23: “Jifraħ min jaf jagħti tweġiba tajba; kelma f’waqtha, kemm hi sabiħa!”

[Stampa f’paġna 31]

Il-​ministri Kristjani taʼ l-​esperjenza jistgħu jgħinu lill-​ġodda biex jużaw it-​tattika

[Stampa f’paġna 31]

Il-​ġenituri jistgħu jgħallmu lil uliedhom iħossu għal oħrajn

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja