LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • be studju 33 p. 197-p. 200 para. 4
  • Bit-​Tattika Imma b’Mod Sod

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Bit-​Tattika Imma b’Mod Sod
  • Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
  • Materjal Simili
  • Nitgħallmu s-Sengħa taʼ li Nużaw it-Tattika
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Kif Ittejjeb l-Abbiltà Tiegħek tal-Konversazzjoni
    Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
  • Il-​Messaġġ li Għandna Nxandru
    Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
  • “Kompli Agħti Ruħek . . . għat-Tagħlim”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
Ara Iżjed
Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
be studju 33 p. 197-p. 200 para. 4

STUDJU 33

Bit-​Tattika Imma b’Mod Sod

X’hemm bżonn tagħmel?

Kun diskret f’dak li tgħid kif ukoll oqgħod attent għal kif u meta tgħidu ħalli tevita li tfixkel lil oħrajn għalxejn.

Għala importanti?

Jekk tuża t-​tattika, in-​nies jistgħu jkunu iktar lesti jisimgħu l-​aħbar tajba b’moħħ miftuħ. It-​tattika se tgħinek ukoll biex iżżomm relazzjonijiet tajbin maʼ Kristjani sħabek.

IT-​TATTIKA hi l-​abbiltà li tittratta maʼ nies oħrajn mingħajr ma tfixkilhom għalxejn. Din tinvolvi li tkun taf kif u meta għandek tgħid dak li trid tgħid. Ma tfissirx li tagħmel kompromess għal dak li hu tajjeb jew li tgħawweġ il-​fatti. It-​tattika m’għandhiex titħallat mal-​biżaʼ mill-​bniedem.—Prov. 29:25.

Il-​frott tal-​ispirtu jipprovdi l-​aqwa bażi biex nużaw it-​tattika. Għalhekk, individwu mqanqal mill-​imħabba ma jkunx irid jirrita lil oħrajn; hu jkun irid jgħinhom. Min għandu qalbu tajba u juri l-​ħlewwa hu ġentili fil-​mod kif jagħmel l-​affarijiet. Min iħobb il-​paċi jfittex modi kif jinkuraġġixxi relazzjonijiet tajbin maʼ oħrajn. Anki meta n-​nies ikunu goffi fil-​manjieri tagħhom, min ikollu s-​sabar fit-​tul jibqaʼ kalm.—Gal. 5:22, 23.

Madankollu, minkejja kif jiġi preżentat il-​messaġġ tal-​Bibbja xi nies se jiġu mfixklin bih. Minħabba l-​kundizzjoni mill-​agħar taʼ qalb il-​maġġuranza tal-​Lhud tal-​ewwel seklu, Ġesù Kristu sar għalihom “ġebla taʼ tfixkil u blata t’offiża.” (1 Pt. 2:7, 8) B’konnessjoni max-​xogħol tal-​proklamazzjoni tas-​Saltna, Ġesù qal: “Ġejt inqabbad nar fuq l-​art.” (Lq. 12:49) U l-​messaġġ tas-​Saltna taʼ Ġeħova, li jinkludi l-​bżonn għall-​bnedmin li jirrikonoxxu s-​sovranità tal-​Ħallieq tagħhom, għadu l-​kwistjoni taħraq li l-​umanità qed tiffaċċja. Ħafna nies ma jiħdux pjaċir meta jisimgħu l-​messaġġ li s-​Saltna taʼ Alla dalwaqt se tneħħi s-​sistema mill-​agħar taʼ bħalissa. Madankollu, għax irridu nobdu ’l Alla, aħna nkomplu nippritkaw. Però, waqt li nagħmlu dan, aħna nżommu f’moħħna l-​parir tal-​Bibbja: “Jekk inhu possibbli, sakemm jiddependi minnkom, żommu l-​paċi mal-​bnedmin kollha.”—Rum. 12:18.

Nagħtu Xhieda bit-​Tattika. Hemm ħafna ċirkustanzi li fihom inkellmu lil oħrajn dwar il-​fidi tagħna. M’għandniex xi ngħidu, dan nagħmluh meta nkunu fil-​ministeru tal-​għalqa, imma nfittxu wkoll opportunitajiet adattati meta nkunu mal-​qraba, kollegi tax-​xogħol, u sħabna tal-​iskola. F’dawn is-​sitwazzjonijiet kollha hija meħtieġa t-​tattika.

Jekk nippreżentaw il-​messaġġ tas-​Saltna b’tali mod li oħrajn iħossuhom li qed nagħmlulhom prietka, huma jistgħu jiddejqu bil-​messaġġ. Meta ma jkunux talbu l-​għajnuna u forsi ma jħossux il-​bżonn għaliha, għandhom mnejn jieħdu għalihom jekk timplika b’xi mod li għandhom bżonn jiġu koreġuti. Kif nistgħu nevitaw li nagħtu l-​impressjoni żbaljata? Jistaʼ jkun taʼ għajnuna li titgħallem tkun dħuli fil-​konversazzjoni.

Stinka biex tibda l-​konversazzjoni billi ssemmi suġġett li hu taʼ interess għall-​individwu li qed tkellem. Jekk dan l-​individwu hu qarib, kollega tax-​xogħol, jew sieħeb tal-​iskola, jistaʼ jkun li diġà taf x’jinteressah. Anki jekk qatt ma ltqajt miegħu qabel, tistaʼ ssemmi suġġett li smajt fuq l-​aħbarijiet jew qrajt fuq il-​gazzetta. Suġġetti bħal dawn ġeneralment juru dak li jkollhom fuq moħħhom ħafna nies. Meta tkun qed taħdem minn dar għal dar, osserva. Dekorazzjonijiet tad-​dar, ġugarelli fil-​parapett, oġġetti reliġjużi, u stikers imwaħħlin mal-​karozza pparkjata fid-​daħla tal-​garaxx jistgħu jipprovdu iktar indikazzjonijiet dwar l-​interessi tal-​inkwilin. Meta l-​inkwilin jiftaħ il-​bieb, ismaʼ hekk kif jesprimi ruħu. Dak li jgħid jew se jikkonferma jew inkella se jikkoreġi l-​konklużjonijiet tiegħek dwar l-​interessi u l-​ħarsa tiegħu u se jindikalek iktar xi trid tikkunsidra biex tagħti xhieda.

Hekk kif il-​konversazzjoni tiżvolġi, aqsam punti mill-​Bibbja u minn letteratura bbażata fuq il-​Bibbja li huma konnessi mas-​suġġett. Imma tiddominax il-​konversazzjoni. (Ekk. 3:7) Involvi lill-​inkwilin tiegħek fid-​diskussjoni jekk jixtieq jieħu sehem fiha. Kun interessat fil-​ħarsa u fl-​opinjonijiet tiegħu. Dawn jistgħu jipprovdulek il-​ħjiel li għandek bżonn biex tuża t-​tattika.

Qabel ma titkellem, ikkunsidra kif dak li se tgħid jinstemaʼ għall-​persuna l-​oħra. Proverbji 12:8 jfaħħar ‘fomm diskret.’ L-​espressjoni Ebrajka li tintuża hawn hi marbuta maʼ konċetti bħal dehen u prudenza. Għalhekk, li tkun diskret jinvolvi li toqgħod attent apposta kif titkellem minħabba li tkun ħsibt dwar il-​kwistjoni ħalli taġixxi bl-​għaqal. Vers 18 tal-​istess kapitlu taʼ Proverbji jwissi kontra li ‘nitkellmu bla ma naħsbuha qisna b’daqqiet taʼ sejf.’ Huwa possibbli li nżommu mal-​verità tal-​Bibbja mingħajr ma nfixklu lil oħrajn.

Jekk sempliċement turi d-​dehen fil-​mod kif tpoġġi kliemek tistaʼ tiġi megħjun tevita li tibni ħajt għalxejn. Jekk meta tuża t-​terminu “Bibbja” tistaʼ tibni ħajt f’moħħ dak li jkun, minflok tistaʼ tuża l-​espressjoni “kitbiet qaddisa” jew “ktieb li issa hu pubblikat b’iktar minn 2,000 lingwa.” Jekk tirreferi għall-​Bibbja, tistaʼ tistaqsi lill-​individwu għall-​opinjoni tiegħu dwarha u mbagħad tikkunsidra l-​kummenti tiegħu matul il-​kumplament tal-​konversazzjoni tagħkom.

Spiss, li tuża t-​tattika jinvolvi li tagħżel il-​mument adattat meta għandek tgħid xi ħaġa. (Prov. 25:11) Għandek mnejn ma taqbilx maʼ dak kollu li jgħid l-​individwu l-​ieħor, imma m’hemmx għalfejn tisfida kull ħarsa mhix Skritturali li jesprimi. Tipprovax tgħidlu kollox f’darba waħda. Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu: “Għad għandi ħafna x’ngħidilkom, imma fil-​preżent ma tifilħux għalih.”—Ġw. 16:12.

Meta jkun possibbli, faħħar sinċerament lil dawk li lilhom tkellem. Anki meta l-​inkwilin ikun irid jargumenta, xorta tistaʼ tfaħħru talli jkollu ċerta ħarsa. L-​appostlu Pawlu hekk għamel meta kellem lill-​filosfi fl-​Arjopagu taʼ Ateni. Il-​filosfi “bdew jitkellmu u jargumentaw miegħu.” Kif setaʼ joħroġ il-​punt tiegħu mingħajr ma jfixkilhom? Iktar kmieni hu osserva l-​ħafna artali li kienu għamlu lill-​allat tagħhom. Minflok ma kkundanna lill-​Atenjani għall-​qima idolatruża tagħhom, hu faħħarhom bit-​tattika għas-​sentimenti reliġjużi qawwijin tagħhom. Hu qal: “Qed nara li intom f’kollox tidhru iktar devoti lejn l-​allat minn nies oħrajn.” Dan il-​metodu fetaħlu l-​bieb biex jippreżenta l-​messaġġ tiegħu rigward l-​Alla l-​veru. Minħabba f’hekk, xi wħud bdew jemmnu.—Atti 17:18, 22, 34.

Tħossokx aġitat meta jitqajmu l-​oġġezzjonijiet. Ibqaʼ kalm. Ħares lejn dawn il-​mumenti bħala opportunitajiet biex tifhem x’qed jaħseb l-​individwu. Tistaʼ tirringrazzjah talli jesprimi l-​ħarsa tiegħu. Xi ngħidu jekk mill-​ewwel jgħidlek: “Għandi r-​reliġjon tiegħi”? Tistaʼ tistaqsih bit-​tattika: “Minn dejjem kont reliġjuż?” Imbagħad, wara li jwieġeb, żid: “Taħseb li l-​umanità qatt se tkun magħquda f’reliġjon waħda?” Dan jistaʼ jiftaħ it-​triq biex titkompla l-​konversazzjoni.

Ħarsa xierqa lejna nfusna tistaʼ tgħinna nużaw it-​tattika. Aħna konvinti b’mod sod li l-​mogħdijiet taʼ Ġeħova huma ġusti u li l-​Kelma tiegħu hi l-​verità. Aħna nitkellmu b’konvinzjoni dwar dawn l-​affarijiet. Imma m’hemm ebda raġuni għala għandna nkunu ġusti f’għajnejna stess. (Ekk. 7:15, 16) Aħna grati li nafu l-​verità u li ngawdu l-​barka taʼ Ġeħova, imma nafu sew li għandna l-​approvazzjoni tiegħu minħabba l-​qalb tajba mhix mistħoqqa tiegħu u minħabba l-​fidi tagħna fi Kristu, mhux minħabba s-​sewwa tagħna stess. (Efes. 2:8, 9) Aħna nirrikonoxxu l-​bżonn li ‘nibqgħu ngħarblu jekk aħniex fil-​fidi, nibqgħu nagħtu prova taʼ x’aħna.’ (2 Kor. 13:5) Għalhekk, meta nkellmu n-​nies dwar il-​bżonn li ngħixu skont il-​ħtiġijiet taʼ Alla, aħna b’umiltà napplikaw il-​pariri tal-​Bibbja għalina stess ukoll. M’għandniex dritt niġġudikaw lil bnedmin sħabna. Ġeħova “ħalla f’idejn l-​Iben biex jiġġudika lil kulħadd,” u hu quddiem it-​tron tal-​ġudizzju tiegħu li rridu nagħtu kont taʼ dak li nagħmlu.—Ġw. 5:22; 2 Kor. 5:10.

Mal-​Familja u mal-​Kristjani Sħabna. M’għandniex nużaw it-​tattika fil-​ministeru tal-​għalqa biss. Ladarba t-​tattika hija espressjoni tal-​frott tal-​ispirtu taʼ Alla, għandna wkoll nużaw it-​tattika fid-​dar meta nittrattaw mal-​membri tal-​familja. L-​imħabba se tqanqalna nikkunsidraw is-​sentimenti taʼ oħrajn. Ir-​raġel tar-​Reġina Ester ma kienx aduratur taʼ Ġeħova, imma hi wrietu rispett u dehen kbir meta ppreżentatlu kwistjonijiet li involvew lill-​qaddejja taʼ Ġeħova. (Ester, kap. 3-​8) F’xi każi, it-​tattika meta nittrattaw maʼ membri tal-​familja li mhumiex Xhieda tistaʼ teħtieġ li nħallu l-​imġiba tagħna, minflok spjegazzjoni dwar it-​twemmin tagħna, tirrikkmandalhom it-​triq tal-​verità.—1 Pt. 3:1, 2.

B’mod simili, il-​fatt li nafu l-​membri tal-​kongregazzjoni sew ma jfissirx li nistgħu nkunu bla ħajta fi lsienna jew kattivi magħhom. M’għandniex nirraġunaw li ladarba huma maturi, għandhom jifilħu għaliha. Lanqas m’għandna niskużaw lilna nfusna billi ngħidu: “M’hemmx x’tagħmel, jien hekk magħmul.” Jekk nindunaw li l-​mod kif nesprimu ruħna jfixkel lill-​oħrajn, għandna nkunu determinati li ninbidlu. L-​“imħabba profonda lejn xulxin” li għandna trid tqanqalna “nagħmlu t-​tajjeb maʼ . . . min jiġi minna fil-​fidi.”—1 Pt. 4:8, 15; Gal. 6:10.

Meta Tkellem Udjenza. Dawk li jitkellmu mill-​platform ukoll iridu jużaw it-​tattika. Udjenza jkun fiha nies li ġejjin minn trobbija u ċirkustanzi differenti. Jinsabu f’livelli differenti taʼ żvilupp spiritwali. Xi wħud għandhom mnejn ġew fis-​Sala tas-​Saltna għall-​ewwel darba. Oħrajn forsi għaddejjin minn żmien partikolarment diffiċli u l-​kelliemi għandu mnejn ma jkunx jaf b’dan. X’jistaʼ jgħin lill-​kelliemi biex ma jfixkilx lill-​udjenza?

Fi qbil mal-​parir tal-​appostlu Pawlu lil Titu, agħmilha l-​mira tiegħek li ‘ma titkellem fuq ħadd b’mod inġurjuż, . . . tkun raġunevoli u kollok ħlewwa maʼ kulħadd.’ (Titu 3:2) Evita li timita lid-​dinja billi tuża t-​termini tagħha li jbaxxu lil nies taʼ razza, lingwa, jew nazzjonalità oħra. (Riv. 7:9, 10) Toqgħodx lura milli tiddiskuti l-​ħtiġijiet taʼ Ġeħova, u uri l-​għerf li hemm f’li wieħed japplikahom; imma evita kliem li jmaqdar lil dawk li għadhom mhumiex qed jimxu bis-​sħiħ fil-​mogħdijiet taʼ Ġeħova. Minflok, inkuraġġixxi lil kulħadd biex jagħraf ir-​rieda taʼ Alla u jagħmel dak li jogħġob Lilu. Rattab il-​pariri b’tifħir sinċier u kollu mħabba.Bil-​mod kif titkellem u t-​ton taʼ leħnek, uri affezzjoni tal-​aħwa li lkoll kemm aħna għandna jkollna lejn xulxin.—1 Tess. 4:1-​12; 1 Pt. 3:8.

KIF TAGĦMEL DAN

  • Tkellem man-​nies minflok ma tagħmlilhom prietka.

  • Aħseb sew dwar kif il-​kumment li trid tagħmel se jinstemaʼ għall-​persuna l-​oħra.

  • Qabel titkellem, ikkunsidra jekk huwiex il-​waqt xieraq li tiddiskuti kwistjoni.

  • Meta jkun possibbli, agħti tifħir sinċier.

  • Tħossokx aġitat meta jitqajmu l-​oġġezzjonijiet.

  • Evita attitudni li tħossok ġust f’għajnejk stess; tiġġudikax lil oħrajn.

TAĦRIĠ: Aqra b’attenzjoni r-​rakkonti Bibliċi li ġejjin: it-​2 Samwel 12:1-​9; Atti 4:18-​20. F’kull wieħed minnhom, innota (1) evidenzi taʼ tattika, u (2) stqarrijiet li juru sodizza għall-​mogħdijiet ġusti taʼ Ġeħova.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja