LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w03 10/1 pp. 9-13
  • Persegwitati Minħabba s-Sewwa

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Persegwitati Minħabba s-Sewwa
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Xhud jew Martri?
  • “Kulħadd Isir Jobgħodkom”
  • Rakkonti taʼ Sabar Leali
  • Għala Mibgħudin u Persegwitati?
  • Persegwitati Imma Henjin
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Is-Sabar Waqt il-Provi Jġib Tifħir lil Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • “Fl-Art Kollha”
    Nagħtu Xhieda bid-Dettall Dwar is-Saltna t’Alla
  • Imxi fil-Biżaʼ taʼ Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
w03 10/1 pp. 9-13

Persegwitati Minħabba s-​Sewwa

“Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba s-​sewwa.”​—Mattew 5:​10.

1. Ġesù għala kien quddiem Ponzju Pilatu, u x’qal?

“JIEN għalhekk twelidt, u għalhekk ġejt fid-​dinja, biex nixhed għall-​verità.” (Ġwanni 18:37) Meta Ġesù qal dan il-​kliem, hu kien qiegħed quddiem Pilatu, il-​Gvernatur Ruman tal-​Lhudija. Ġesù kien hemmhekk mhux għax xtaq li jkun hemm u lanqas għax kien mistieden minn Pilatu. Pjuttost, kien hemm għax il-​mexxejja reliġjużi Lhud kienu akkużawh b’mod falz li kien midneb li ħaqqu l-​mewt.​—Ġwanni 18:29-​31.

2. Ġesù liema azzjoni ħa, u din x’riżultat kellha?

2 Ġesù kien jaf tajjeb li Pilatu kellu l-​awtorità li jeħilsu jew li jikkundannah għall-​mewt. (Ġwanni 19:10) Imma dan ma żammux lura milli jitkellem bil-​qlubija dwar is-​Saltna maʼ Pilatu. Għalkemm il-​ħajja taʼ Ġesù kienet fil-​periklu, hu ħataf l-​opportunità biex jagħti xiehda lill-​ogħla awtorità governattiva taʼ dak ir-​reġjun. Minkejja din ix-​xiehda, Ġesù ġie kundannat u ngħata s-​sentenza tal-​mewt, billi miet mewta agonizzanti bħala martri fuq zokk tat-​tortura.—Mattew 27:24-​26; Mark 15:15; Luqa 23:24, 25; Ġwanni 19:13-​16.

Xhud jew Martri?

3. Il-​Kelma “martri” x’kienet tfisser fiż-​żminijiet Bibliċi, imma llum xi tfisser?

3 Għal ħafna nies illum, wieħed martri hu l-​istess bħal wieħed fanatiku, jew estremist. Dawk li huma lesti li jmutu għat-​twemmin tagħhom, speċjalment dak reliġjuż, spiss jiġu suspettati li huma terroristi jew inkella li huma periklu għas-​soċjetà. Madankollu, il-​kelma martri ġejja minn kelma Griega (marʹtys) li fiż-​żminijiet Bibliċi kienet tfisser “xhud,” xi ħadd li jagħti xiehda, forsi f’xi kawża fil-​qorti, għall-​verità li hu jemmen. Kien biss iktar tard li din l-​espressjoni bdiet tfisser “xi ħadd li jagħti ħajtu minħabba li jagħti xiehda,” jew saħansitra jagħti xiehda billi jagħti ħajtu.

4. Primarjament, Ġesù f’liema sens kien martri?

4 Ġesù kien martri primarjament fis-​sens tal-​kelma li ngħatat fiż-​żminijiet Bibliċi. Bħalma qal lil Pilatu, hu ġie biex ‘jixhed għall-​verità.’ Ix-​xiehda li ta qajmet ħafna reazzjonijiet differenti fin-​nies. Xi wħud min-​nies komuni kienu mqanqlin profondament minn dak li semgħu u raw, u huma poġġew il-​fidi tagħhom f’Ġesù. (Ġwanni 2:​23; 8:​30) Anki l-​folol in ġenerali u partikolarment il-​mexxejja reliġjużi kellhom reazzjoni qawwija​—imma b’mod negattiv. Ġesù qal lil qrabatu li ma kinux jemmnu fih: “Id-​dinja lilkom ma tistax tobgħodkom, imma lili tobgħodni, għax jiena nixhed kontra tagħha li kull ma tagħmel hu ħażin.” (Ġwanni 7:7) Minħabba li xehed għall-​verità, Ġesù qanqal il-​korla tal-​mexxejja tal-​ġens, u dan wassal għall-​mewt tiegħu. Tabilħaqq, hu kien “ix-​Xhud fidil [“leali,” NW] u veru [marʹtys].”​—Apokalissi 3:​14.

“Kulħadd Isir Jobgħodkom”

5. Fil-​bidu tal-​ministeru tiegħu, Ġesù x’qal dwar il-​persekuzzjoni?

5 Ġesù mhux biss sofra hu nnifsu minħabba l-​persekuzzjoni ħarxa imma wkoll wissa minn qabel lis-​segwaċi tiegħu li huma kellhom jgħaddu mill-​istess ħaġa. Fil-​bidu tal-​ministeru tiegħu, fil-​Priedka taʼ fuq il-​Muntanja, Ġesù qal lis-​semmiegħa tiegħu: “Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba s-​sewwa, għax tagħhom hija s-​Saltna tas-​Smewwiet. Henjin intom, meta jgħajjrukom u jippersegwitawkom u jaqilgħu kull xorta taʼ ħażen u gideb kontra tagħkom minħabba fija. Ifirħu u thennew, għax ħlaskom kbir fis-​smewwiet.”​—Mattew 5:​10-​12.

6. Ġesù liema twissija ta lit-​12-il appostlu meta bagħathom jippridkaw?

6 Iktar tard, meta bagħat lit-​12-il appostlu biex jippridkaw, Ġesù qalilhom: “Oqogħdu attenti mill-​bnedmin! Għax għad jerħukom f’idejn il-​qrati, jagħtukom is-​swat fis-​sinagogi tagħhom, itellgħukom quddiem gvernaturi u slaten minħabba fija, biex tagħtu xhieda quddiemhom u quddiem il-​pagani.” Imma ma kinux biss l-​awtoritajiet reliġjużi li kienu se jippersegwitaw lid-​dixxipli. Ġesù qal ukoll: “L-​aħwa jwasslu lil xulxin għall-​mewt u l-​missier lil ibnu, u l-​ulied iqumu kontra l-​ġenituri tagħhom biex tinqatgħalhom għall-​mewt. U lilkom kulħadd isir jobgħodkom minħabba f’ismi. Imma min jibqaʼ jżomm sħiħ sa l-​aħħar, dan isalva.” (Mattew 10:17, 18, 21, 22) L-​istorja tal-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu hija xiehda taʼ kemm huwa minnu dan il-​kliem.

Rakkonti taʼ Sabar Leali

7. X’wassal biex Stiefnu jsir martri?

7 Ftit wara l-​mewt taʼ Ġesù, Stiefnu kien l-​ewwel Kristjan li miet minħabba li xehed dwar il-​verità. Hu kien “kollu grazzja u qawwa, [u] kien jagħmel mirakli u sinjali kbar fost il-​poplu.” L-​għedewwa reliġjużi tiegħu “ma kellhomx ħila jiqfulu għall-​għerf u għall-​Ispirtu li bih kien jitkellem.” (Atti 6:​8, 10) Kollhom għira, huma kaxkru lil Stiefnu għal quddiem is-​Sinedriju, il-​qorti superjuri Lhudija, u hemmhekk iffaċċja lil dawk li akkużawh b’mod falz u ta xiehda qawwija. Iżda, fl-​aħħar mill-​aħħar, l-​għedewwa taʼ Stiefnu qatlu lil dan ix-​xhud leali.​—Atti 7:​59, 60.

8. Id-​dixxipli f’Ġerusalemm kif irreaġixxew għall-​persekuzzjoni li ġiet fuqhom wara l-​mewt taʼ Stiefnu?

8 Wara l-​qtil taʼ Stiefnu, “qamet persekuzzjoni kbira kontra l-​Knisja f’Ġerusalemm. Barra mill-​appostli kulħadd xtered fl-​artijiet tal-​Lhudija u tas-​Samarija.” (Atti 8:1) Kellha l-​persekuzzjoni l-​ħila twaqqaf lill-​Kristjani milli jagħtu xiehda? Għall-​kuntrarju, ir-​rakkont jgħidilna li “dawk li xterdu bdew ixandru l-​kelma kull fejn marru.” (Atti 8:4) Bilfors li ħassewhom bħalma ħassu l-​appostlu Pietru meta iktar kmieni qal: “Jeħtieġ nobdu aktar lil Alla milli l-​bnedmin.” (Atti 5:​29) Minkejja l-​persekuzzjoni, dawk id-​dixxipli leali u kuraġġużi ppersistew u komplew jagħtu xiehda għall-​verità, avolja kienu jafu li dan kien se jwassal għal iktar tbatija.​—Atti 11:19-​21.

9. Liema persekuzzjoni kompliet tiġi fuq is-​segwaċi taʼ Ġesù?

9 Tabilħaqq, it-​tbatija kompliet sejra bla ma qatgħet xejn. L-​ewwel, insiru nafu li Sawl​—il-​bniedem li kien xhud li approva t-​tħaġġir taʼ Stiefnu​—li “kien għadu bil-​qawwa kollha jhedded bil-​mewt lid-​dixxipli tal-​Mulej, mar għand il-​qassis il-​kbir u talbu jagħtih ittri għas-​sinagogi taʼ Damasku, biex ikun jistaʼ jaqbad l-​irġiel u n-​nisa kollha li jsib miexja fit-​Triq tal-​Mulej u jeħodhom marbuta Ġerusalemm.” (Atti 9:​1, 2) Imbagħad, madwar is-​sena 44 E.K., “is-​sultan Erodi medd idu fuq xi wħud mill-​Knisja biex jaħqarhom. Huwa qabad lil Ġakbu, ħu Ġwanni, u qatagħlu rasu.”—Atti 12:​1, 2.

10. Liema rakkonti dwar il-​persekuzzjoni nsibu fil-​ktieb taʼ l-​Atti u taʼ l-​Apokalissi?

10 Fil-​kumplament tal-​ktieb taʼ l-​Atti nsibu rakkonti bil-​miktub dwar il-​ġuri, it-​tfigħ il-​ħabs, u l-​persekuzzjoni li ssaportew uħud leali bħal Pawlu, li kien persekutur qabel ma sar appostlu, u li x’aktarx inqatel bħala martri taħt idejn l-​Imperatur Ruman Neruni għall-​ħabta tas-​sena 65 E.K. (2 Korintin 11:23-​27; 2 Timotju 4:​6-8) Fl-​aħħarnett, fil-​ktieb t’Apokalissi, miktub lejn tmiem l-​ewwel seklu, insibu li l-​appostlu xwejjaħ Ġwanni kien il-​ħabs fuq il-​gżira taʼ Patmos “minħabba l-​Kelma taʼ Alla u x-​xhieda taʼ Ġesù.” Il-​ktieb taʼ l-​Apokalissi jirreferi għal “Antipa, ix-​xhud fidil [“leali,” NW],” li ġie maqtul f’Pergamu.​—Apokalissi 1:9; 2:​13.

11. Il-​ħajja tal-​Kristjani tal-​bidu kif uriet li l-​kliem taʼ Ġesù rigward il-​persekuzzjoni kien minnu?

11 Dan kollu wera kemm kien veru l-​kliem li Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu: “Jekk ippersegwitaw lili, għad jippersegwitaw lilkom ukoll.” (Ġwanni 15:20) Il-​Kristjani leali tal-​bidu kienu mħejjijin biex jiffaċċjaw l-​akbar prova, il-​mewt​—billi jiġu torturati, mitfugħin lill-​annimali feroċi, jew b’xi mod ieħor​—sabiex iwettqu l-​inkarigu li tahom il-​Mulej Ġesù Kristu: “Tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm, fil-​Lhudija kollha u s-​Samarija u sa truf l-​art.”​—Atti 1:8.

12. Il-​persekuzzjoni tal-​Kristjani għala m’hijiex sempliċement xi ħaġa li ġrat fl-​imgħoddi?

12 Jekk xi ħadd jaħseb li dan it-​trattament kiefer tas-​segwaċi taʼ Ġesù sar biss fl-​imgħoddi, jiżbalja bil-​kbir. Pawlu, li bħalma rajna ssaporta ħafna tbatijiet, kiteb: “Dawk li jridu jgħixu ħajja tajba fi Kristu Ġesù lkoll jgħaddu mill-​persekuzzjoni.” (2 Timotju 3:​12) Dwar il-​persekuzzjoni, Pietru qal: “Għal dan intom kontu msejjħa għax Kristu wkoll bata għalikom u ħallielkom eżempju biex timxu fuq il-​passi tiegħu.” (1 Pietru 2:​21) Minn dakinhar sa dan iż-​żmien taʼ “l-​aħħar tad-​dinja,” jew taʼ din is-​sistema, in-​nies taʼ Jehovah għadhom jiġu trattati b’mibegħda u ostilità. (2 Timotju 3:1) F’kull rokna tad-​dinja, sew taħt reġimi dittatorjali u sew f’pajjiżi demokratiċi, ix-​Xhieda taʼ Jehovah kellhom xi darba jew oħra xi tip taʼ persekuzzjoni, kemm bħala individwi u kemm bħala grupp.

Għala Mibgħudin u Persegwitati?

13. Il-​qaddejja taʼ Jehovah taʼ llum x’għandhom iżommu f’moħħhom dwar il-​persekuzzjoni?

13 Avolja l-​biċċa l-​kbira minna llum nistgħu relattivament ingawdu libertà biex nippridkaw u niltaqgħu flimkien fil-​paċi, irridu nagħtu kas it-​tfakkira tal-​Bibbja li “s-​sura taʼ din id-​dinja għad [“tinbidel,” NW]!” (1 Korintin 7:​31) L-​affarijiet tant jistgħu jinbidlu malajr li jekk ma nkunux preparati mentalment, emozzjonalment, u spiritwalment, nistgħu faċilment nitfixklu. Allura, x’nistgħu nagħmlu biex nipproteġu lilna nfusna? Mod effettiv kif nistgħu niddefendu ruħna hu billi nżommu sew f’moħħna r-​raġuni għala l-​Kristjani li tant iħobbu l-​paċi u jobdu l-​liġi huma persegwitati.

14. Pietru x’wera li kienet ir-​raġuni għala l-​Kristjani kienu persegwitati?

14 L-​appostlu Pietru kkummenta dwar dan is-​suġġett fl-​ewwel ittra tiegħu, li kiteb madwar is-​snin 62-​64 E.K., meta l-​Kristjani fl-​Imperu Ruman kollu kienu għaddejjin minn provi u persekuzzjoni. Hu qal: “Ħuti għeżież, tistagħġbux għax tinsabu fil-​forġa qalila tan-​nar, li ġiet fuqkom biex iġġarrabkom, bħallikieku ġratilkom xi ħaġa mhux tas-​soltu.” Biex jispjega x’kellu f’moħħu, Pietru kompla: “Jalla ma jkun hemm ħadd minnkom li jkollu jbati għax qattiel jew ħalliel, jew jagħmel id-​deni jew jindaħal fejn ma jesgħux. Imma jekk wieħed isofri għax hu nisrani [“Kristjan,” NW], m’għandux mniex jistħi, ħa jfaħħar lil Alla b’dan l-​isem.” Pietru wera li huma kienu qed isofru, mhux għax ikkommettew xi ħażen, imma għax kienu Kristjani. Kieku kienu mgħaddsin fl-​istess “ġenn taʼ żína” bħan-​nies taʼ madwarhom, huma kienu jkunu milqugħa u aċċettati minnhom. Iżda fil-​fatt, huma sofrew għaliex għamlu ħilithom kollha biex jgħixu fi qbil maʼ l-​irwol tagħhom bħala segwaċi taʼ Kristu. Is-​sitwazzjoni hija l-​istess għall-​Kristjani veri llum.​—1 Pietru 4:​4, 12, 15, 16.

15. Liema kontradizzjoni tidher fil-​mod kif qed jiġu trattati x-​Xhieda taʼ Jehovah illum?

15 F’diversi partijiet tad-​dinja, ix-​Xhieda taʼ Jehovah jiġu mfaħħrin min-​nies għall-​għaqda u l-​kooperazzjoni li juru fil-​konvenzjonijiet u l-​proġetti tal-​bini tagħhom, għall-​onestà u l-​bżulija tagħhom, għall-​kondotta morali u l-​ħajja tal-​familja eżemplari, u saħansitra għad-​dehra u l-​imġiba tajba tagħhom.a Mill-​banda l-​oħra, sakemm ġie preparat dan l-​artiklu, ix-​xogħol tagħhom jinsab projbit jew limitat f’mhux inqas minn 28 pajjiż, u ħafna Xhieda jsofru abbuż fiżiku u telf minħabba t-​twemmin tagħhom. Għala din il-​kontradizzjoni kollha? U Alla għala jippermettiha?

16. X’inhi r-​raġuni primarja għala Alla jippermetti lin-​nies tiegħu jsofru l-​persekuzzjoni?

16 Primarjament, għandna nżommu f’moħħna l-​kliem taʼ Proverbji 27:11: “Kun għaref, ibni, u ferraħli qalbi, biex inkun nistaʼ nwieġeb lil min jgħajjarni.” Iva, dan jiġri minħabba l-​kwistjoni tas-​sovranità universali li ilha sejra għal dan iż-​żmien kollu. Minkejja r-​ruxxmata kbira taʼ xiehda provduta minn dawk kollha li taw prova taʼ l-​integrità tagħhom lejn Jehovah matul is-​sekli, Satana ma waqafx jgħajjar lil Jehovah bħalma kien għamel fi żmien ir-​raġel ġust, Ġob. (Ġob 1:​9-​11; 2:​4, 5) M’hemm ebda dubju li Satana jinsab saħansitra iktar iddisprat fl-​isforz finali tiegħu biex jagħti prova taʼ dak li jsostni, issa li s-​Saltna t’Alla hija stabbilita fis-​sod bis-​sudditi leali u r-​rappreżentanti tagħha madwar il-​globu. Se jibqgħu dawn leali lejn Alla minkejja kwalunkwe periklu u tbatija li jistgħu jiġu fuqhom? Din hija mistoqsija li l-​qaddejja kollha taʼ Jehovah iridu jwiġbuha personalment.​—Apokalissi 12:12, 17.

17. Ġesù x’ried ifisser bil-​kliem “dan ikun jiswielkom biex tistgħu tagħtu xhieda”?

17 Meta Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu dwar il-​ġrajjiet li kellhom iseħħu matul “tmiem id-​dinja,” hu indika raġuni oħra għala Jehovah jippermetti l-​persekuzzjoni fuq il-​qaddejja tiegħu. Hu qalilhom: “Jeħdukom quddiem slaten u gvernaturi minħabba f’ismi. Dan ikun jiswielkom biex tistgħu tagħtu xhieda.” (Mattew 24:​3, 9; Luqa 21:12, 13) Ġesù nnifsu ta xiehda quddiem Erodi u Ponzju Pilatu. L-​appostlu Pawlu wkoll ‘ittieħed quddiem slaten u gvernaturi.’ Pawlu, li kien immexxi mill-​Mulej Ġesù Kristu, fittex li jagħti xiehda lill-​iktar ħakkiem setgħan taʼ dak iż-​żmien meta hu ddikjara: “Nappella għal quddiem Ċesari!” (Atti 23:11; 25:​8-​12) L-​istess illum, sitwazzjonijiet taʼ sfida spiss wasslu biex tingħata xiehda mill-​aqwa kemm lill-​uffiċjali u kemm lill-​pubbliku.b

18, 19. (a) Kif inhu li jekk inkampaw mal-​provi dan se jkun taʼ benefiċċju għalina? (b) Liema mistoqsijiet se jiġu kunsidrati fl-​artiklu li jmiss?

18 Fl-​aħħarnett, jekk inkampaw mal-​provi u t-​tiġrib aħna stess se nibbenefikaw minnhom. B’liema mod? Id-​dixxiplu Ġakbu fakkar lill-​Kristjani sħabu: “Ħuti, għoddu kollox b’ferħ meta tħabbtu wiċċkom maʼ kull xorta taʼ tiġrib, għax għandkom tkunu tafu li t-​tiġrib tal-​fidi tagħkom inissel is-​sabar.” Iva, il-​persekuzzjoni tistaʼ tirfina l-​fidi u ssaħħilna s-​sabar tagħna. B’hekk, m’għandniex għalfejn nibżgħu minnha, u lanqas m’għandna nfittxu modi mhux skritturali kif nistgħu niskansawha jew inwaqqfuha. Pjuttost, aħna nagħtu kas it-​twissija taʼ Ġakbu: “Ħallu li s-​sabar ikollu l-​milja tiegħu fikom, biex tkunu perfetti u sħaħ, bla ma jkun jonqoskom xejn.”​—Ġakbu 1:​2-4.

19 Għalkemm il-​Kelma t’Alla tgħinna nifhmu għala l-​qaddejja leali t’Alla huma persegwitati u għala Jehovah jippermetti dan, ma jfissirx neċessarjament li l-​persekuzzjoni tkun faċli li tissaportiha. X’jistaʼ jsaħħaħna biex inkunu nistgħu nifilħuha? X’nistgħu nagħmlu meta niġu wiċċ imbwiċċ mal-​persekuzzjoni? Se nikkunsidraw dawn il-​kwistjonijiet importanti fl-​artiklu li jmiss.

[Noti taʼ taħt]

a Ara The Watchtower tal-​15 taʼ Diċembru taʼ l-​1995, paġni 27-​9; It-​Torri taʼ l-​Għassa taʼ l-​1 taʼ Mejju taʼ l-​1994, paġni 14-15; u l-​Awake! tat-​22 taʼ Diċembru taʼ l-​1993, paġni 6-​13.

b Ara l-​Awake! tat-​8 taʼ Jannar taʼ l-​2003, paġni 3-​11.

Tistaʼ Tispjega?

• Primarjament, Ġesù f’liema sens kien martri?

• X’effett kellha l-​persekuzzjoni fuq il-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu?

• Kif spjega Pietru, il-​Kristjani tal-​bidu għala kienu persegwitati?

• Jehovah għal liema raġunijiet iħalli l-​persekuzzjoni tiġi fuq il-​qaddejja tiegħu?

[Stampi f’paġna 10]

Il-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu sofrew, mhux għax ikkommettew xi ħażen, imma għax kienu Kristjani

PAWLU

ĠWANNI

ANTIPA

ĠAKBU

STIEFNU

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja