Persegwitati Imma Henjin
“Henjin intom meta n-nies iżebilħukom u jippersegwitawkom u bil-gideb jgħidu kull xorta taʼ ħażen kontrikom minħabba fija.”—MATTEW 5:11.
1. Ġesù xi żgurahom lis-segwaċi tiegħu dwar l-hena u l-persekuzzjoni?
META Ġesù bagħat għall-ewwel darba lill-appostli tiegħu biex jippridkaw dwar is-Saltna, hu wissiehom li kienu se jiffaċċjaw l-oppożizzjoni. Qalilhom: “Intom tkunu mibgħudin minn kulħadd minħabba ismi.” (Mattew 10:5-18, 22) Madankollu, iktar qabel, fil-Priedka tiegħu taʼ fuq il-Muntanja, hu żgura lill-appostli tiegħu u lil oħrajn li din l-oppożizzjoni mhux bilfors kellha tipperikola l-hena profond li kellhom. Fil-fatt, Ġesù saħansitra qal li l-Kristjani jistgħu jiġu persegwitati u xorta jkunu henjin! Kif tistaʼ l-persekuzzjoni ġġib l-hena?
Insofru Minħabba s-Sewwa
2. Skond Ġesù u l-appostlu Pietru, liema tip taʼ sofferenza ġġib l-hena?
2 It-tmien hena li semma Ġesù huwa: “Henjin dawk li ġew persegwitati minħabba s-sewwa, għax tagħhom hi s-saltna tas-smewwiet.” (Mattew 5:10) Is-sofferenza fiha nfisha ma fihiex preġju. L-appostlu Pietru kiteb: “X’mertu jkollkom jekk, meta tidinbu u tiġu msawtin, tissaportu? Imma jekk tissaportu meta tagħmlu t-tajjeb u tbatu, din hi ħaġa li togħġob lil Alla.” Hu kompla jgħid: “Madankollu, ħalli ħadd minnkom ma jsofri bħala qattiel jew ħalliel jew raġel ħażin jew wieħed li jindaħal fi ħwejjeġ ħaddieħor. Imma jekk isofri bħala Kristjan, ħa ma jistħix, imma jkompli jigglorifika lil Alla f’dan l-isem.” (1 Pietru 2:20; 4:15, 16) Skond kliem Ġesù, is-sofferenza ġġib l-hena meta aħna nissaportuha minħabba s-sewwa.
3. (a) Xi jfisser li wieħed jiġi persegwitat minħabba s-sewwa? (b) X’effett kellha l-persekuzzjoni fuq il-Kristjani tal-bidu?
3 Is-sewwa taʼ veru jitkejjel billi wieħed jagħmel ir-rieda t’Alla u jobdi l-kmandi tiegħu. Għaldaqstant, li wieħed isofri minħabba s-sewwa jfisser li jsofri għax jirreżisti l-pressjoni li jikser il-livelli jew il-ħtiġijiet t’Alla. L-appostli ġew persegwitati mill-mexxejja Lhud għax irrifjutaw li jieqfu jippridkaw f’isem Ġesù. (Atti 4:18-20; 5:27, 29, 40) Ħassewhom huma inqas ferħanin? Waqfu jippridkaw? ’Il bogħod minn hekk! “[Huma] telqu minn quddiem is-Sinedriju, ferħanin għax kienu tqiesu denji li jiġu diżonorati minħabba ismu. U kuljum fit-tempju u minn dar għal dar baqgħu jgħallmu u jxandru bla heda l-aħbar tajba dwar il-Kristu, Ġesù.” (Atti 5:41, 42) Din il-persekuzzjoni ġabitilhom il-ferħ u ġedditilhom iż-żelu fix-xogħol taʼ l-ippridkar. Iktar tard, il-Kristjani tal-bidu ġew persegwitati mir-Rumani talli rrifjutaw li jqimu lill-imperatur.
4. X’inhuma xi raġunijiet għala l-Kristjani jiġu persegwitati?
4 Fi żmienna, ix-Xhieda taʼ Ġeħova kienu u għadhom jiġu persegwitati għax jirrifjutaw li jieqfu jippridkaw “din l-aħbar tajba tas-saltna.” (Mattew 24:14) Meta l-laqgħat Kristjani tagħhom jiġu projbiti, huma jippreferu jsofru milli ma jibqgħux jiltaqgħu flimkien bħalma tikkmanda l-Bibbja. (Ebrej 10:24, 25) Huma ġew persegwitati minħabba n-newtralità Kristjana tagħhom u drabi oħra minħabba li jirrifjutaw li jagħmlu użu ħażin mid-demm. (Ġwanni 17:14; Atti 15:28, 29) Minkejja dan, il-poplu t’Alla llum li jżomm sod mas-sewwa jesperjenza ħafna paċi u hena ġewwieni.—1 Pietru 3:14.
Imżebilħin Minħabba Kristu
5. Illum, x’inhi r-raġuni bażika għala n-nies taʼ Ġeħova jiġu persegwitati?
5 Id-disaʼ hena li kkunsidra Ġesù fil-Priedka tiegħu taʼ fuq il-Muntanja wkoll jittratta dwar is-suġġett tal-persekuzzjoni. Hu qal: “Henjin intom meta n-nies iżebilħukom u jippersegwitawkom u bil-gideb jgħidu kull xorta taʼ ħażen kontrikom minħabba fija.” (Mattew 5:11) Ir-raġuni bażika għala n-nies taʼ Ġeħova jiġu persegwitati hija li m’humiex parti mid-dinja ħażina preżenti. Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Kieku kontu parti mid-dinja, id-dinja kienet tkun ferħana b’dak li hu tagħha. Issa għax m’intomx parti mid-dinja, imma għażiltkom mid-dinja, minħabba f’hekk tobgħodkom id-dinja.” (Ġwanni 15:19) Bl-istess mod, l-appostlu Pietru qal: “Peress li ma tkomplux tiġru magħhom f’din it-triq lejn l-istess livell baxx taʼ ħajja sfrattata, huma jitħawdu u jibdew jgħajrukom.”—1 Pietru 4:4.
6. (a) Il-fdal tal-midlukin u sħabhom għala jiġu mżebilħin u persegwitati? (b) Inaqqsilna l-hena dan iż-żebliħ?
6 Diġà rajna li l-Kristjani tal-bidu ġew persegwitati minħabba li rrifjutaw li jieqfu jippridkaw f’isem Ġesù. Kristu kkmanda lis-segwaċi tiegħu: “Tkunu xhieda tiegħi . . . sa l-iktar parti mbiegħda taʼ l-art.” (Atti 1:8) Il-fdal leali taʼ l-aħwa midlukin taʼ Kristu, megħjunin minn sħabhom leali tal-“folla kbira,” wettqu b’żelu dan l-inkarigu. (Rivelazzjoni 7:9) Għaldaqstant, Satana jiggwerra “kontra l-bqija taʼ nisilha [in-nisel tal-“mara,” il-parti taʼ l-organizzazzjoni t’Alla li tinsab fis-sema], dawk li josservaw il-kmandamenti t’Alla u li għandhom ix-xogħol li jixhdu dwar Ġesù.” (Rivelazzjoni 12:9, 17) Bħala Xhieda taʼ Ġeħova, aħna nixhdu dwar Ġesù, is-Sultan preżenti tal-gvern tas-Saltna, gvern li se jeqred il-gvernijiet umani li jfixklu l-miġja tad-dinja ġdida u ġusta t’Alla. (Danjel 2:44; 2 Pietru 3:13) Minħabba f’hekk, aħna niġu mżebilħin u persegwitati imma nħossuna henjin li nsofru minħabba isem Kristu.—1 Pietru 4:14.
7, 8. L-għedewwa tal-Kristjani tal-bidu liema gideb qalgħu kontrihom?
7 Ġesù qal li s-segwaċi tiegħu għandhom iqisu lilhom infushom henjin anki meta n-nies ‘jgħidu bil-gideb kull xorta taʼ ħażen’ kontrihom minħabba fih. (Mattew 5:11) Il-Kristjani tal-bidu hekk ġralhom. Meta l-appostlu Pawlu nżamm arrestat Ruma, madwar is-snin 59-61 E.K., il-mexxejja Lhud t’hemmhekk qalu hekk dwar il-Kristjani: “Fil-fatt aħna nafu li din is-setta kullimkien jitkellmu kontriha.” (Atti 28:22) Pawlu u Sila ġew akkużati li “qalbu d-dinja taʼ taħt fuq,” billi aġixxew “kontra d-digrieti taʼ Ċesari.”—Atti 17:6, 7.
8 Dwar il-Kristjani fi żmien l-Imperu Ruman, l-istudjuż taʼ l-istorja K. S. Latourette qal: “L-akkużi kienu jvarjaw. Talli rrifjutaw li jipparteċipaw f’ċerimonji pagani, il-Kristjani ġew timbrati atei. Peress li ma kinux jieħdu sehem f’ħafna mill-attivitajiet tal-komunità—il-festi pagani, id-divertiment għall-pubbliku . . .—ġew ridikolati bħala wħud li jobogħdu r-razza umana. . . . Kien jingħad li l-irġiel u n-nisa kienu jiltaqgħu flimkien bil-lejl . . . u wara kienu jagħmlu atti sesswali maʼ min ikun. . . . Peress li [t-Tifkira tal-mewt taʼ Kristu] kienet tiġi ċelebrata biss fil-preżenza tal-kredenti, kien hemm l-għajdut li l-Kristjani kienu kull darba jissagrifikaw tarbija u jieklu demmha u laħamha.” Minbarra dan, peress li l-Kristjani tal-bidu kienu jirrifjutaw li jqimu lill-imperatur, ġew akkużati li huma għedewwa taʼ l-Istat.
9. Il-Kristjani fl-ewwel seklu kif irreaġixxew għall-akkużi foloz li saru kontrihom, u x’inhi s-sitwazzjoni llum?
9 Dawn l-akkużi foloz ma waqqfux lill-Kristjani tal-bidu milli jwettqu l-inkarigu tagħhom li jippridkaw l-aħbar tajba tas-Saltna. Fis-snin 60-61 E.K., Pawlu setaʼ jitkellem dwar “l-aħbar tajba” li kienet qed “tagħmel il-frott u toktor fid-dinja kollha” u li kienet ġiet “pridkata fil-ħolqien kollu li hu taħt is-sema.” (Kolossin 1:5, 6, 23) L-istess ħaġa tiġri llum. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova qed jiġu akkużati b’mod falz, l-istess bħalma kien jiġrilhom il-Kristjani fl-ewwel seklu. Madankollu, illum ix-xogħol taʼ l-ippridkar tal-messaġġ tas-Saltna miexi ’l quddiem u jġib ħafna hena lil dawk li jieħdu sehem fih.
Henjin li Niġu Persegwitati bħall-Profeti
10, 11. (a) Ġesù kif temm id-diskussjoni tiegħu dwar id-disaʼ beatitudni, u għala? (b) Il-profeti għala ġew persegwitati? Agħti eżempji.
10 Ġesù temm id-diskussjoni tiegħu dwar id-disaʼ beatitudnijiet billi qal: “Thennew . . . , għax hekk kienu jippersegwitawhom lill-profeti li ġew qabilkom.” (Mattew 5:12) Il-profeti mibgħutin minn Ġeħova biex iwissu lil Iżrael żleali ma ntlaqgħux tajjeb u ħafna drabi ġew persegwitati. (Ġeremija 7:25, 26) L-appostlu Pawlu kkonferma dan il-fatt meta kiteb: “X’ngħid iktar? Għax qatt ma nispiċċa kieku kelli nkompli nirrakkonta dwar . . . il-profeti l-oħrajn, li permezz tal-fidi . . . rċivew il-prova tagħhom permezz taʼ żebliħ u swat, tabilħaqq, iktar minn hekk, permezz taʼ rbit u ħabsijiet.”—Ebrej 11:32-38.
11 Matul ir-renju tas-sultan ħażin Aħab u l-mara tiegħu, Ġeżabel, ħafna mill-profeti taʼ Ġeħova nqatlu bis-sejf. (1 Slaten 18:4, 13; 19:10) Lill-profeta Ġeremija qaflulu idejh u saqajh fiċ-ċippijiet u iktar tard tefgħuh f’bir mimli ħama. (Ġeremija 20:1, 2; 38:6) Il-profeta Danjel ġie mitfugħ fil-ħofra taʼ l-iljuni. (Danjel 6:17, 18 [6:16, 17, NW]) Dawn il-profeti kollha li ġew qabel il-Kristjani kienu persegwitati għax iddefendew il-qima pura taʼ Ġeħova. Ħafna profeti ġew persegwitati mill-mexxejja reliġjużi Lhud. Ġesù sejjaħ lill-iskribi u l-Fariżej “ulied dawk li qatlu lill-profeti.”—Mattew 23:31.
12. Bħala Xhieda taʼ Ġeħova, għala nqisuh privileġġ li niġu persegwitati bħall-profeti tal-qedem?
12 Illum, bħala x-Xhieda taʼ Ġeħova aħna niġu persegwitati għax nippridkaw biż-żelu l-aħbar tajba tas-Saltna. L-għedewwa tagħna jakkużawna li “nġagħlu n-nies jikkonvertu,” imma aħna nafu li l-aduraturi leali taʼ Ġeħova li ġew qabilna wkoll kienu kritikati b’dan il-mod. (Ġeremija 11:21; 20:8, 11) Aħna nqisuh privileġġ li nsofru għall-istess raġuni li sofrew il-profeti leali tal-qedem. Id-dixxiplu Ġakbu kiteb: “Ħuti, ħudu bħala mudell lill-profeti li tkellmu f’isem Ġeħova, sofrew il-ħażen, u kienu paċenzjużi. Ara! Aħna niddikjaraw henjin lil dawk li ssaportew.”—Ġakbu 5:10, 11.
Raġunijiet Kbar Għalxiex Inkunu Henjin
13. (a) Għala ma niġux skuraġġiti bil-persekuzzjoni? (b) X’jgħinna nibqgħu sodi, u dan xi prova jagħtina?
13 Iktar milli tiskuraġġina, il-persekuzzjoni tfarraġna għax nafu li qed nimxu fuq il-passi tal-profeti, il-Kristjani tal-bidu, u Kristu Ġesù nnifsu. (1 Pietru 2:21) L-Iskrittura tipprovdilna sodisfazzjon kbir, bħal per eżempju l-kliem li ġej taʼ l-appostlu Pietru: “Maħbubin, titħawdux minħabba n-nar li qed jaqbad fostkom u li qed isirilkom bħala prova, bħallikieku qed tiġrilkom xi ħaġa stramba. Jekk qed jgħajrukom minħabba isem Kristu, henjin intom, għax l-ispirtu tal-glorja, iva, l-ispirtu t’Alla, qed jistrieħ fuqkom.” (1 Pietru 4:12, 14) Aħna nafu mill-esperjenza li nistgħu nibqgħu sodi minkejja l-persekuzzjoni għall-unika raġuni li l-ispirtu taʼ Ġeħova jistrieħ fuqna u jsaħħaħna. L-appoġġ taʼ l-ispirtu qaddis jagħtina prova li għandna l-barka taʼ Ġeħova, u dan jagħmilna henjin ħafna.—Salm 5:13 (5:12, NW); Filippin 1:27-29.
14. X’raġunijiet għandna għalxiex nifirħu talli niġu persegwitati minħabba s-sewwa?
14 Raġuni oħra għala l-oppożizzjoni u l-persekuzzjoni minħabba s-sewwa jagħmluna henjin hija li dan juri li aħna qed ngħixu bħala Kristjani veri b’devozzjoni lejn Alla. L-appostlu Pawlu kiteb: “Kulmin jixtieq jgħix bid-devozzjoni lejn Alla fi sħubija maʼ Kristu Ġesù jkun persegwitat ukoll.” (2 Timotju 3:12) Inħossuna henjin ferm għax nafu li jekk inżommu l-integrità minkejja l-provi, inkunu qed inkomplu nagħtu tweġiba għall-isfida taʼ Satana illi l-ħlejjaq kollha taʼ Ġeħova jaqdu Lilu għal skopijiet egoistiċi. (Ġob 1:9-11; 2:3, 4) Aħna nifirħu li għandna sehem, hu kemm hu żgħir, fl-ivvendikar tas-sovranità ġusta taʼ Ġeħova.—Proverbji 27:11.
Aqbeż bil-Ferħ Minħabba l-Premju
15, 16. (a) Ġesù x’raġuni ta għalxiex ‘nithennew u naqbżu bil-ferħ’? (b) Xi premju hemm merfugħ fis-smewwiet għall-Kristjani midlukin, u sħabhom in-“nagħaġ oħrajn” kif se jiġu premjati wkoll?
15 Ġesù ta raġuni oħra għalxiex nifirħu meta niġu mkasbrin u persegwitati bħall-profeti tal-qedem. Fl-aħħar tad-disaʼ beatitudni, hu qal: “Thennew u aqbżu bilferħ, għax il-premju tagħkom hu kbir fis-smewwiet.” (Mattew 5:12) L-appostlu Pawlu kiteb: “Il-ħlas li jagħti d-dnub hu l-mewt, imma l-għotja li jagħti Alla hi l-ħajja taʼ dejjem bi Kristu Ġesù, il-Mulej tagħna.” (Rumani 6:23) Iva, il-‘premju kbir’ huwa l-ħajja, u din m’hijiex xi ħaġa li nistgħu naħdmu għaliha u naqilgħuha bħala ħlas. Din hija għotja b’xejn. Ġesù qal li l-premju jinsab “fis-smewwiet” għax ġej mingħand Ġeħova.
16 Il-midlukin jirċievu “l-kuruna tal-ħajja,” u fil-każ tagħhom dan ifisser ħajja immortali maʼ Kristu fis-sema. (Ġakbu 1:12, 17) Dawk li għandhom tama għall-art, in-“nagħaġ oħrajn,” iħarsu ’l quddiem biex jirtu ħajja taʼ dejjem f’ġenna taʼ l-art. (Ġwanni 10:16; Rivelazzjoni 21:3-5) Fil-każ taż-żewġ klassijiet, il-“premju” ma jistgħux jaħdmu għalih. Kemm il-midlukin u kemm in-“nagħaġ oħrajn” jirċievu l-premju tagħhom bis-saħħa tal-“qalb tajba mhix mistħoqqa straordinarja” taʼ Ġeħova, u taʼ dan l-appostlu Pawlu ġie mqanqal jgħid: “Grazzi lil Alla għall-għotja b’xejn tiegħu li ma tistax tiġi deskritta.”—2 Korintin 9:14, 15.
17. Meta niġu persegwitati, għala nistgħu nkunu henjin u b’mod figurattiv ‘naqbżu bil-ferħ’?
17 Lill-Kristjani, li xi wħud minnhom dalwaqt kienu se jiġu persegwitati bl-aħrax mill-ImperaturNeruni, l-appostlu Pawlu kitbilhom: “Ħa nifirħu meta nkunu f’xi tribulazzjoni, ladarba nafu li t-tribulazzjoni tipproduċi s-sabar; imbagħad, is-sabar jipproduċi l-approvazzjoni t’Alla, u l-approvazzjoni t’Alla tipproduċi t-tama, u t-tama ma twassalx għal diżappunt.” Qal ukoll: “Thennew bit-tama. Issaportu fit-tribulazzjoni.” (Rumani 5:3-5; 12:12) Kemm jekk għandna t-tama għas-sema u kemm jekk għall-art, il-premju talli nuru fedeltà minkejja l-provi huwa bil-wisq akbar milli qatt jistħoqqilna. Il-prospett li ngħixu għal dejjem biex naqdu u nfaħħru lil Missierna li tant iħobbna, Ġeħova, taħt is-Sultan tagħna Ġesù Kristu jimliena b’ferħ bla qjies. B’mod figurattiv, aħna ‘naqbżu bil-ferħ.’
18. X’nistgħu nistennew mill-ġnus hekk kif joqrob it-tmiem, u Ġeħova x’se jagħmel?
18 F’ċerti pajjiżi, ix-Xhieda taʼ Ġeħova kienu u għadhom qed jiġu persegwitati. Fil-profezija tiegħu dwar it-tmiem taʼ din is-sistema, Ġesù wissa lill-Kristjani veri: “Tkunu mibgħudin mill-ġnus kollha minħabba ismi.” (Mattew 24:9) Hekk kif qed noqorbu lejn it-tmiem, Satana se jġiegħel lill-ġnus juru l-mibegħda tagħhom kontra l-poplu taʼ Ġeħova. (Eżekjel 38:10-12, 14-16) Dan se jkun is-sinjal li wasal iż-żmien biex Ġeħova jieħu azzjoni. “Hekk nuri l-kobor u l-qdusija tiegħi quddiem kotra taʼ ġnus, u jkunu jafu li jien il-Mulej.” (Eżekjel 38:23) B’hekk, Ġeħova se jqaddes lill-isem kbir tiegħu u jeħles lill-poplu tiegħu mill-persekuzzjoni. Għaldaqstant, “hieni l-bniedem li jibqaʼ jissaporti.”—Ġakbu 1:12.
19. X’għandna nagħmlu waqt li nistennew il-‘jum kbir taʼ Ġeħova’?
19 Hekk kif il-‘jum kbir taʼ Ġeħova’ jkompli joqrob iktar minn qatt qabel, ejja nifirħu talli ‘nitqiesu denji li niġu diżonorati’ minħabba isem Ġesù. (2 Pietru 3:10-13; Atti 5:41) Bħall-Kristjani tal-bidu, jalla nkomplu ‘ngħallmu u nxandru bla heda l-aħbar tajba dwar il-Kristu’ u l-gvern tas-Saltna tiegħu filwaqt li nistennew il-premju tagħna fid-dinja ġdida u ġusta taʼ Ġeħova.—Atti 5:42; Ġakbu 5:11.
Bħala Reviżjoni
• Xi jfisser li nsofru minħabba s-sewwa?
• X’effett kellha l-persekuzzjoni fuq il-Kristjani tal-bidu?
• Għala jistaʼ jingħad li x-Xhieda taʼ Ġeħova jiġu persegwitati bħall-profeti tal-qedem?
• Għala nistgħu ‘nithennew u naqbżu bil-ferħ’ meta niġu persegwitati?
[Stampi f’paġna 16, 17]
“Henjin intom meta n-nies iżebilħukom u jippersegwitawkom”
[Sors]
Grupp fil-ħabs: Chicago Herald-American