LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w03 11/1 pp. 13-18
  • Nisa Kristjani Leali—Aduraturi Prezzjużi t’Alla

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Nisa Kristjani Leali—Aduraturi Prezzjużi t’Alla
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Imfaħħrin għall-​Kuraġġ, iż-​Żelu, u l-​Ospitalità Tagħhom
  • Nisa Prezzjużi Llum
  • Nisa Prezzjużi li M’Għandhomx Raġel
  • Kif Jirnexxu Ġenituri li Jrabbu t-​Tfal Waħedhom
  • Il-​Ġmiel tas-​Sottomissjoni
  • “Nisa li Qed Jaħdmu Iebes fil-Mulej”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
  • Inkuraġġixxi lill-Aħwa Nisa fil-Kongregazzjoni Tiegħek
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2020
  • L-Irwol tal-Mara fl-Iskrittura
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
  • Ir-Raġel u l-Mara—Irwol Dinjituż għat-Tnejn li Huma
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
w03 11/1 pp. 13-18

Nisa Kristjani Leali​—Aduraturi Prezzjużi t’Alla

“Qarrieqa l-​ħlewwa tal-​mara, fiergħa sbuħitha; mara li tibżaʼ mill-​Mulej taʼ min ifaħħarha.”​—PROVERBJI 31:30.

1. Il-​ħarsa taʼ Jehovah tas-​sbuħija kif inhi differenti minn dik tad-​dinja?

ID-​DINJA tagħmel enfasi kbira fuq l-​apparenza, speċjalment fejn jidħlu n-​nisa. Madankollu, Jehovah hu interessat primarjament fil-​persuna taʼ ġewwa, li tistaʼ ssir saħansitra iktar sabiħa maż-​żmien. (Proverbji 16:31) Minħabba f’hekk, il-​Bibbja tħeġġeġ lin-​nisa: “Ħa tkun is-​sbuħija tagħkom mhux dik li tidher minn barra bħad-​dafra tax-​xagħar u t-​tiżjin tad-​deheb u l-​ilbies ilellex, imma dik li hi moħbija f’qalbkom, mlibbsa b’tiżjin li ma jitħassarx; hi l-​qalb ħelwa u twajba tagħkom; dan hu li Alla jgħożż ħafna.”​—1 Pietru 3:​3, 4.

2, 3. In-​nisa kif taw sehemhom fit-​tixrid taʼ l-​aħbar tajba fl-​ewwel seklu, u dan kif kien ġie mbassar?

2 Dan l-​ispirtu taʼ min ifaħħru ntwera minn ħafna nisa msemmijin fil-​Bibbja. Fl-​ewwel seklu, xi wħud minn dawn in-​nisa kellhom il-​privileġġ li jaqdu lil Ġesù u lill-​appostli tiegħu. (Luqa 8:​1-3) Iktar tard, nisa Kristjani saru evanġelizzaturi żelużi; oħrajn taw appoġġ siewi lill-​irġiel Kristjani li kienu qed jieħdu t-​tmexxija, inkluż l-​appostlu Pawlu; u xi wħud urew ospitalità li ma bħala, saħansitra offrew id-​djar tagħhom biex jintużaw għal-​laqgħat tal-​kongregazzjoni.

3 L-​Iskrittura bassret li Jehovah kien se juża lil xi nisa b’mod taʼ l-​għaġeb sabiex iwettaq l-​iskop tiegħu. Per eżempju, Ġoel 3:​1, 2 (2:​28, 29, NW) bassar li kemm irġiel u kemm nisa, żgħar u kbar, kienu se jirċievu l-​ispirtu qaddis u jieħdu sehem fit-​tixrid taʼ l-​aħbar tajba tas-​Saltna. Din il-​profezija bdiet titwettaq f’Pentekoste tas-​sena 33 E.K. (Atti 2:​1-4, 16-18) Xi nisa midlukin bl-​ispirtu ngħataw doni mirakolużi, bħad-​don tal-​profezija. (Atti 21:​8, 9) Permezz taż-​żelu tagħhom fil-​ministeru, din l-​armata spiritwali kbira t’aħwa nisa leali tat sehemha biex il-​Kristjanità tinxtered malajr fl-​ewwel seklu. Fil-​fatt, madwar is-​sena 60 E.K., l-​appostlu Pawlu kiteb li l-​aħbar tajba kienet ‘tħabbret lill-​ħlejjaq kollha taħt is-​smewwiet.’​—Kolossin 1:​23.

Imfaħħrin għall-​Kuraġġ, iż-​Żelu, u l-​Ospitalità Tagħhom

4. Pawlu għala kellu għalfejn ifaħħar lil xi nisa fil-​kongregazzjoni Kristjana taʼ l-​ewwel seklu?

4 Per eżempju, l-​appostlu Pawlu apprezza l-​ministeru li wettqu xi nisa partikulari​—sewwasew bħalma indokraturi Kristjani llum japprezzaw il-​ministeru li jwettqu nisa żelużi. Fost in-​nisa li Pawlu semmaʼ b’isimhom kien hemm “Trifena u Trifosa li qegħdin jitħabtu fil-​Mulej,” u “Persi l-​maħbuba, li tħabtet ħafna fil-​Mulej.” (Rumani 16:12) Evodja u Sintiki, kiteb Pawlu, kienu “tħabtu miegħi fix-​xogħol taʼ l-​Evanġelju.” (Filippin 4:​2, 3) Prixxilla, flimkien mar-​raġel tagħha, Akwila, ukoll qdiet flimkien maʼ Pawlu. Hi u Akwila, saħansitra “ssugraw ħajjithom” għal Pawlu, u qanqluh biex jikteb: “Mhux jien biss għandi għax nirringrazzjahom iżda wkoll il-​knejjes [“kongregazzjonijiet,” NW] kollha tal-​Ġentili.”​—Rumani 16:​3, 4; Atti 18:2.

5, 6. Prixxilla b’liema modi hi t’eżempju mill-​aqwa għall-​aħwa nisa llum?

5 X’kienet ir-​raġuni għaż-​żelu u l-​kuraġġ taʼ Prixxilla? Atti 18:​24-26 jagħtina ħjiel. Hemmhekk naqraw kif hi appoġġat lir-​raġel tagħha sabiex ikunu jistgħu jgħinu lil Apollo, li kien jinqalaʼ biex jitkellem, billi fissrulu iktar bir-​reqqa l-​verità rivelata. Mela, jidher ċar li Prixxilla kienet studenta serja tal-​Kelma t’Alla u tat-​tagħlim taʼ l-​appostli. Minħabba f’hekk, hi żviluppat kwalitajiet eċċellenti li għamluha prezzjuża għal Alla u għar-​raġel tagħha kif ukoll membru imprezzabbli fil-​kongregazzjoni tal-​bidu. Daqshekk ieħor huma prezzjużi l-​ħafna aħwa nisa Kristjani li jaħdmu iebes illum, u li jistudjaw il-​Bibbja bir-​reqqa kif ukoll jieħdu mill-​ikel spiritwali li jipprovdi Jehovah permezz tal-​“prokuratur leali.”​—Luqa 12:​42, NW.

6 Akwila u Prixxilla wrew ospitalità b’mod eċċezzjonali. Pawlu qagħad fid-​dar tagħhom meta ħadem magħhom fin-​negozju tagħhom tat-​tined f’Korintu. (Atti 18:​1-3) Meta l-​koppja marru jgħixu Efesu u iktar tard Ruma, huma komplew juru ospitalità Kristjana, saħansitra billi offrew id-​dar tagħhom biex tintuża għal-​laqgħat tal-​kongregazzjoni. (Atti 18:​18, 19; 1 Korintin 16:​8, 19) Ninfa u Marija, omm Ġwanni Marku, ukoll offrew id-​djar tagħhom biex jintużaw għal-​laqgħat tal-​kongregazzjoni.​—Atti 12:12; Kolossin 4:​15.

Nisa Prezzjużi Llum

7, 8. Liema reputazzjoni taʼ min ifaħħarha taʼ servizz sagru għandhom ħafna nisa llum, u huma dwar xiex jistgħu jkunu żguri?

7 Bħal fl-​ewwel seklu, nisa Kristjani leali llum għandhom parti prinċipali fit-​twettiq taʼ l-​iskop t’Alla, speċjalment fix-​xogħol taʼ l-​evanġelizzar. U x’reputazzjoni mill-​aqwa għandhom dawn in-​nisa! Ikkunsidra l-​eżempju taʼ Gwen, li qdiet lil Jehovah fedelment għal iktar minn 50 sena sakemm mietet fis-​sena 2002. “Iż-​żelu taʼ Gwen bħala evanġelizzatriċi kulħadd kien jaf bih fil-​belt tagħna,” jgħid ir-​raġel tagħha. “Għaliha kulħadd setaʼ jirċievi l-​imħabba u l-​wegħdi taʼ Jehovah. Il-​lealtà tagħha lejn Alla, l-​organizzazzjoni tiegħu, u l-​familja tagħna​—flimkien maʼ l-​inkuraġġiment kollu mħabba meta konna nkunu skuraġġiti​—kienet t’appoġġ kbir għalija u għal uliedna matul il-​ħajja mimlija u premjanti li qattajna flimkien. Tgħidx kemm nimmissjawha.” Gwen u r-​raġel tagħha kienu ilhom miżżewġin 61 sena.

8 Għaxriet t’eluf taʼ nisa Kristjani, miżżewġin u mhux, jaqdu bħala pijunieri u missjunarji. Dawn huma kuntenti bin-​neċessitajiet tal-​ħajja hekk kif huma jippridkaw il-​messaġġ tas-​Saltna f’territorji li jvarjaw minn bliet kbar għal postijiet iżolati. (Atti 1:8) Ħafna ċċaħħdu milli jkollhom id-​dar tagħhom jew li jkollhom it-​tfal sabiex jaqdu lil Jehovah iktar bis-​sħiħ. Hemm dawk li jagħtu appoġġ leali lill-​irġiel tagħhom li jaqdu bħala indokraturi li jivvjaġġaw, waqt li eluf t’aħwa nisa jaqdu fid-​djar taʼ Betel madwar id-​dinja. Mingħajr dubju, dawn in-​nisa li tant jissagrifikaw ruħhom huma fost “il-​ġid kollu tal-​popli” li jimla d-​dar taʼ Jehovah bil-​glorja.​—Ħaggaj 2:7.

9, 10. Xi membri tal-​familja kif esprimew l-​apprezzament tagħhom għall-​eżempju mill-​aħjar li għamlu nisa u ommijiet Kristjani?

9 M’għandniex xi ngħidu, ħafna nisa Kristjani għandhom ir-​responsabbiltajiet tal-​familja x’jieħdu ħsieb; madankollu, huma jżommu l-​interessi tas-​Saltna fuq quddiem. (Mattew 6:​33) Oħt pijuniera mhux miżżewġa kitbet: “Ommi, permezz tal-​fidi soda u l-​eżempju mill-​aqwa tagħha, kienet ir-​raġuni prinċipali għala jien sirt pijuniera regulari. Fil-​fatt, hi kienet waħda mill-​aħjar pijunieri li spiss ħdimt magħhom.” Wieħed raġel jgħid hekk dwar il-​mara tiegħu, omm taʼ ħamest ibniet li issa huma adulti: “Id-​dar tagħna dejjem kienet nadifa u pulita. Bonnie żammitha sempliċi u dejjem żbarazzata sabiex il-​familja tagħna setgħet tiffoka fuq affarijiet spiritwali. Il-​kontribut tagħha fl-​immaniġġar bil-​ħsieb tal-​finanzi tagħna għamilha possibbli għalija biex naħdem part-time għal 32 sena, u b’hekk stajt niddedika iktar ħin għall-​familja u għall-​affarijiet spiritwali. Il-​mara tiegħi għallmet ukoll lit-​tfal l-​importanza taʼ li jaħdmu iebes. M’għandi xejn ħlief tifħir għaliha.” Illum it-​tnejn li huma jaqdu fil-​kwartieri ġenerali tax-​Xhieda taʼ Jehovah.

10 Wieħed raġel jikteb hekk dwar il-​mara tiegħu, omm taʼ tfal li issa huma adulti: “Il-​kwalitajiet li nammira l-​iktar f’Susan huma l-​imħabba intensa għal Alla u għan-​nies, kif ukoll il-​mogħdrija, l-​empatija, u l-​onestà tagħha. Hi minn dejjem kienet temmen li Jehovah jixraqlu l-​aħjar li nistgħu nagħtuh​—prinċipju li hi tapplika għaliha nfisha bħala qaddejja t’Alla u bħala omm.” Bl-​appoġġ taʼ martu, dan il-​ħu setaʼ jaċċetta diversi privileġġi spiritwali, bħala anzjan, pijunier, sostitut għall-​indokratur tas-​circuit, u membru tal-​Kumitat taʼ Koordinazzjoni maʼ l-​Isptarijiet. Kemm huma prezzjużi nisa bħal dawn għall-​irġiel tagħhom, għall-​Kristjani sħabhom, u fuq kollox, għal Jehovah!​—Proverbji 31:​28, 30.

Nisa Prezzjużi li M’Għandhomx Raġel

11. (a) Jehovah kif wera t-​tħassib tiegħu għal nisa leali, speċjalment għar-​romol? (b) Romol Kristjani u aħwa nisa leali oħra li m’għandhomx raġel dwar xiex jistgħu jkunu ċerti?

11 Jehovah spiss esprima t-​tħassib tiegħu għall-​qagħda tar-​romol. (Dewteronomju 27:19; Salm 68:6 [68:​5, NW]; Isaija 10:​1, 2) Hu ma nbidilx. Għadu interessat ħafna mhux biss fir-​romol imma anki f’ommijiet waħedhom kif ukoll nisa li baqgħu ma żżewġux għax riedu huma jew inkella għax għadhom ma sabux raġel Kristjan xieraq. (Malakija 3:6; Ġakbu 1:​27) Jekk int fost dawk li fedelment jaqdu lil Jehovah mingħajr l-​appoġġ taʼ raġel Kristjan, tistaʼ tkun ċerta li int prezzjuża f’għajnejn Alla.

12. (a) Xi aħwa nisa Kristjani kif juru l-​lealtà tagħhom lejn Jehovah? (b) Maʼ liema sentimenti qed ikampaw xi wħud minn ħutna nisa?

12 Per eżempju, ikkunsidra lil ħutna Kristjani nisa li ma żżewġux għaliex jobdu lealment il-​parir taʼ Jehovah biex jiżżewġu biss “fil-​Mulej.” (1 Korintin 7:​39; Proverbji 3:1) Il-​Kelma t’Alla tassigurahom: “Maʼ min hu leali int [Jehovah] se taġixxi bil-​lealtà.” (2 Samwel 22:​26, NW) Madankollu, għal ħafna minnhom, li jibqgħu ma jiżżewġux hija sfida kbira. Waħda oħt qalet: “Jien deċiża li niżżewweġ biss fil-​Mulej, imma kemm-il darba bkejt meta rajt lill-​ħbieb tiegħi jiżżewġu rġiel Kristjani mill-​aħjar, waqt li jien għadni waħdi.” Oħt oħra tgħid: “Ili naqdi lil Jehovah 25 sena. Jien determinata li nibqaʼ leali lejh, imma spiss inħossni mnikkta minħabba li nħossni waħdi.” Hi żżid: “Aħwa nisa bħali jixxennqu għall-​inkuraġġiment.” Kif nistgħu ngħinu lil dawn l-​uħud leali?

13. (a) X’nitgħallmu mill-​eżempju taʼ dawk li kienu jżuru lit-​tifla taʼ Ġefta? (b) B’liema modi oħra nistgħu nuru tħassib għall-​aħwa nisa mhux miżżewġin fil-​kongregazzjoni tagħna?

13 Mod wieħed nistgħu narawh minn eżempju tal-​qedem. Meta t-​tifla taʼ Ġefta aċċettat li ma tiżżewwiġx, in-​nies irrealizzaw li kienet qed tagħmel sagrifiċċju. X’għamlu biex jinkuraġġuha? “Minn sena għal sena joħorġu l-​bniet taʼ Iżrael [“ifaħħru,” NW] ’l bint Ġeftaħ il-​Gilgħadi għal erbat ijiem.” (Mħallfin 11:​30-40) Bl-​istess mod, aħna għandna nfaħħru mill-​qalb lil aħwa nisa mhux miżżewġin li lealment jobdu l-​liġi t’Alla.a Liema hu mod ieħor kif nistgħu nuru t-​tħassib tagħna? Fit-​talb tagħna għandna nitolbu lil Jehovah biex jappoġġa lil dawn l-​aħwa nisa leali u għeżież biex ikomplu fedelment fis-​servizz tagħhom. Huma jistħoqqilhom jiġu assigurati li huma maħbubin u apprezzati ħafna minn Jehovah u l-​kongregazzjoni Kristjana kollha kemm hi.​—Salm 37:28.

Kif Jirnexxu Ġenituri li Jrabbu t-​Tfal Waħedhom

14, 15. (a) Ommijiet Kristjani waħedhom għala għandhom jitolbu lil Jehovah għall-​għajnuna? (b) Ġenituri li jrabbu lit-​tfal waħedhom kif jistgħu jaġixxu fi qbil mat-​talb tagħhom?

14 Nisa Kristjani li jrabbu t-​tfal waħedhom ukoll jiffaċċjaw diversi sfidi. Madankollu, huma jistgħu jduru lejn Jehovah għall-​għajnuna sabiex irabbu lil uliedhom fi qbil maʼ prinċipji Bibliċi. Veru li jekk int ġenitur waħdek, ma tistax tkun omm kif ukoll missier f’kollox. Minkejja dan, Jehovah se jgħinek tieħu ħsieb il-​ħafna responsabbiltajiet tiegħek jekk titlob għall-​għajnuna tiegħu bil-​fidi. Biex nagħtu tixbiha: Immaġina li għandek basket tqil bix-​xirja li trid titlaʼ bih ħafna sulari fl-​appartament fejn toqgħod. Kont int se toqgħod tbati biex titlaʼ dak it-​taraġ kollu kieku kien hemm lift fil-​viċin? Dażgur li le! Bl-​istess mod, tipprovax terfaʼ tagħbijiet emozzjonali tqal waħdek meta tistaʼ titlob lil Jehovah biex jgħinek. Fil-​fatt, hu jistiednek biex issejjaħlu. Salm 68:19 (NW) jgħid: “Ikun imbierek Jehovah, li kuljum iġorr it-​tagħbija għalina.” Bl-​istess mod, l-​1 Pietru 5:7 jistiednek titfaʼ l-​ansjetajiet kollha tiegħek fuq Jehovah ‘għax hu jaħseb fik.’ Għalhekk, meta l-​problemi u l-​ansjetajiet tħosshom jinkwetawk, itfaʼ t-​tagħbija tiegħek fuq Missierek tas-​sema, u dan għamlu “bla heda.”—1 Tessalonikin 5:​17; Salm 18:7 (18:​6, NW); 55:22 (Karm Żammit).

15 Per eżempju, jekk int omm, int bla dubju tinkwieta dwar l-​influwenza li l-​ħbieb jistgħu jkollhom fuq uliedek fl-​iskola jew dwar il-​provi taʼ integrità li jistgħu jiffaċċjaw. (1 Korintin 15:33) Dawn huma ħsibijiet validi. Imma huma wkoll affarijiet li għandek titlob dwarhom. Fil-​fatt, għala ma titlobx dwar dawn l-​affarijiet maʼ wliedek qabel ma jitilqu lejn l-​iskola, forsi wara li tkunu qrajtu l-​iskrittura tal-​jum flimkien? Talb speċifiku u mill-​qalb jistaʼ jagħmel impressjoni qawwija fuq moħħ uliedek. Fuq kollox, tkun qed tistieden il-​barka taʼ Jehovah meta bil-​paċenzja tistinka biex tnaqqax il-​Kelma tiegħu f’qalb uliedek. (Dewteronomju 6:​6, 7; Proverbji 22:6) Ftakar, “għajnejn il-​Mulej huma fuq il-​ġusti u widnejh miftuħa għat-​talb tagħhom.”​—1 Pietru 3:12; Filippin 4:​6, 7.

16, 17. (a) X’qal wieħed raġel dwar l-​imħabba li wriet ommu? (b) Il-​ħarsa spiritwali taʼ l-​omm kif effettwat lil uliedha?

16 Ikkunsidra l-​eżempju taʼ Olivia, li hi omm taʼ sitt itfal. Ir-​raġel tagħha li ma kienx fil-​verità abbanduna l-​familja eżatt wara li twieldet l-​aħħar tarbija tagħhom, imma hi kienet lesta tieħu r-​responsabbiltà li trabbi lil uliedha kif irid Alla. Darren, it-​tifel taʼ Olivia li issa għandu 31 sena u jaqdi bħala anzjan Kristjan u pijunier, kellu madwar 5 snin meta nqalaʼ dan kollu. L-​ansjetajiet taʼ Olivia komplew jiżdiedu għax Darren żviluppa problema serja taʼ saħħa li għadu jbati biha sa llum. Hekk kif jirrifletti fuq it-​trobbija tiegħu, Darren jikteb: “Għadni niftakarni fis-​sodda taʼ l-​isptar nistenna bil-​ħerqa lil ommi tiġi. Kienet toqgħod ħdejja u taqrali l-​Bibbja kuljum. Imbagħad kienet tkanta l-​għanja tas-​Saltna ‘Niżżuk Ħajr, Jehovah.’b Sa llum il-​ġurnata, din għadha l-​għanja favorita tiegħi.”

17 Il-​fiduċja li Olivia kellha f’Jehovah u l-​imħabba tagħha lejh ikkontribwew għas-​suċċess tagħha bħala omm mhix miżżewġa. (Proverbji 3:​5, 6) L-​attitudni mill-​aqwa tagħha kienet tidher ċara fil-​miri li għamlet lil uliedha. “Ommi dejjem inkuraġġietna biex nagħmlu l-​ministeru full-time bħala l-​mira tagħna,” jgħid Darren. “Dan wassal biex erbaʼ mill-​ħames ħuti l-​bniet u jien bdejna naqdu fil-​ministeru full-time. Madankollu, Ommi qatt ma qagħdet tiftaħar m’oħrajn dwar dawn l-​affarijiet. Jien nagħmel ħilti biex nuri l-​istess kwalitajiet taʼ l-​għaġeb tagħha.” Veru, mhux it-​tfal kollha meta jikbru jibdew jaqdu lil Alla bħalma għamlu t-​tfal taʼ Olivia. Imma meta omm tagħmel l-​aħjar tagħha biex tgħix fi qbil mal-​prinċipji tal-​Bibbja, tistaʼ tkun ċerta mill-​gwida u l-​appoġġ kollu mħabba taʼ Jehovah.​—Salm 32:8.

18. Kif nistgħu nuru li napprezzaw il-​provvediment taʼ Jehovah tal-​kongregazzjoni Kristjana?

18 Ħafna mill-​appoġġ li Alla jagħti hu provdut permezz tal-​kongregazzjoni Kristjana, billi din tipprovdi programm regulari taʼ ikel spiritwali, fratellanza Kristjana, u ‘doni’ fi bnedmin maturi spiritwalment. (Efesin 4:​8) Anzjani leali jaħdmu iebes sabiex jibnu lil dawk kollha fil-​kongregazzjoni, filwaqt li jagħtu attenzjoni speċjali lill-​bżonnijiet taʼ “l-​iltiema u r-​romol fl-​hemm tagħhom.” (Ġakbu 1:​27) Mela ibqaʼ qrib il-​poplu t’Alla, u tinqatax għalik waħdek.​—Proverbji 18:1; Rumani 14:7.

Il-​Ġmiel tas-​Sottomissjoni

19. Is-​sottomissjoni tal-​mara għala ma tfissirx li hi inferjuri, u liema eżempju Bibliku jappoġġa dan?

19 Jehovah ħalaq il-​mara bħala għajnuna għar-​raġel. (Ġenesi 2:​18) Għalhekk, is-​sottomissjoni tal-​mara lejn ir-​raġel tagħha bl-​ebda mod ma tfisser li hi inferjuri. Minflok, din tagħti dinjità lill-​mara, billi tħalliha tuża l-​ħafna doni u talenti tagħha fi qbil mar-​rieda t’Alla. Proverbji kapitlu 31 jiddeskrivi l-​varjetà kbira t’attivitajiet li kienet twettaq mara kapaċi f’Iżrael tal-​qedem. Kienet tgħin lil dawk fil-​bżonn, tħawwel id-​dwieli, u tixtri l-​għelieqi. Iva, ‘fuqha kienet tistrieħ qalb żewġha, u dan żgur kien ikunlu taʼ ġid.’​—Versi 11, 16, 20.

20. (a) Mara Kristjana kif għandha tqis l-​abbiltajiet, jew id-​doni li jagħtiha Alla? (b) Liema kwalitajiet mill-​isbaħ uriet Ester, u minħabba f’hekk Jehovah kif setaʼ jużaha?

20 Mara modesta u li għandha l-​biżaʼ t’Alla ma teżaltax lilha nfisha jew tikkompeti maʼ żewġha. (Proverbji 16:18) Hi ma tipprovax tissodisfa lilha nfisha billi toqgħod tinħela wara l-​affarijiet tad-​dinja imma tuża d-​doni li jagħtiha Alla prinċipalment biex taqdi lil oħrajn​—għall-​familja tagħha, il-​Kristjani sħabha, il-​ġirien, u fuq kollox, għal Jehovah. (Galatin 6:​10; Titu 2:​3-5) Ikkunsidra l-​eżempju Bibliku tar-​Reġina Ester. Għalkemm kienet sabiħa fiżikament, hi kienet modesta u sottomessa. (Ester 2:​13, 15) Meta żżewġet, hi wriet rispett profond lejn ir-​raġel tagħha, is-​Sultan Assweru, mhux bħalma għamlet Vasti, il-​mara li kellu qabilha. (Ester 1:​10-12; 2:​16, 17) Barra minn hekk, Ester bir-​rispett kollu talbet l-​opinjoni taʼ Mordekaj, il-​kuġin il-​kbir tagħha, fuq ċerti affarijiet​—anki wara li saret reġina. Però hi ma kinitx beżżiegħa! Hi bil-​qlubija kixfet lil Ħaman, raġel kiefer li kellu setgħa kbira u li kien qed jikkonfoffa biex jeqred lil-​Lhud. Jehovah uża lil Ester b’mod setgħan biex isalva lill-​poplu tiegħu.​—Ester 3:​8–4:​17; 7:​1-10; 9:​13.

21. Mara Kristjana kif tistaʼ ssir saħansitra iktar prezzjuża għal Jehovah?

21 Jidher ċar li kemm fil-​passat kif ukoll illum, in-​nisa devoti wrew id-​devozzjoni esklużiva tagħhom lil Jehovah u lejn il-​qima tiegħu. Għalhekk, nisa li għandhom il-​biżaʼ t’Alla huma prezzjużi f’għajnejn Jehovah. Aħwa nisa Kristjani, ħallu lil Jehovah permezz taʼ l-​ispirtu tiegħu jsawwarkom dejjem iktar f’“tagħmir” iktar mixtieq, wieħed “imħejji għal kull għemil tajjeb.” (2 Timotju 2:​21; Rumani 12:2) Rigward dawn il-​qaddejja prezzjużi, il-​Kelma t’Alla tgħid: “Agħtuha mill-​frott taʼ xogħol idejha. Ħa jfaħħruha f’bibien il-​belt l-​għemejjel tagħha.” (Proverbji 31:31) Jalla dan ikun jgħodd għal kull waħda minnkom.

[Noti taʼ taħt]

a Dwar kif tagħti dan it-​tip taʼ tifħir, ara It-​Torri taʼ l-​Għassa tal-​15 taʼ Marzu, 2002, paġni 26-8.

b Għanja 212 fil-​ktieb taʼ l-​għanjiet Għannu Tifħir lil Jehovah, pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

Tiftakar Int?

• Xi nisa Kristjani taʼ l-​ewwel seklu kif kienu prezzjużi f’għajnejn Jehovah?

• Ħafna aħwa nisa fi żmienna kif għamlu lilhom infushom iktar prezzjużi għal Alla?

• Jehovah b’liema modi jappoġġa lil ommijiet waħedhom u aħwa nisa oħra li m’għandhomx raġel?

• Mara kif tistaʼ turi rispett mill-​qalb għall-​arranġament tal-​kap tal-​familja?

[Kaxxa f’paġna 17]

EŻEMPJI LI NISTGĦU NIRRIFLETTU FUQHOM

Tixtieq tikkunsidra xi eżempji oħra taʼ nisa leali msemmijin fil-​Bibbja? Jekk iva, aqra l-​iskritturi ċitati hawn taħt. Waqt li timmedita fuq l-​individwi differenti msemmijin hawnhekk, ipprova agħraf liema prinċipji tistaʼ tapplika iktar bis-​sħiħ f’ħajtek.​—Rumani 15:4.

◆ Sara: Ġenesi 12:​1, 5; 13:18a; 21:​9-​12; 1 Pietru 3:​5, 6.

◆ Nisa Iżraelin ġenerużi: Eżodu 35:​5, 22, 25, 26; 36:​3-7; Luqa 21:​1-4.

◆ Debora: Mħallfin 4:1–​5:​31.

◆ Rut: Rut 1:​4, 5, 16, 17; 2:​2, 3, 11-​13; 4:​15.

◆ Il-​mara minn Sunem: 2 Slaten 4:​8-​37.

◆ Il-​mara Kangħanija: Mattew 15:​22-​28.

◆ Marta u Marija: Mark 14:​3-9; Luqa 10:​38-​42; Ġwanni 11:​17-​29; 12:​1-8.

◆ Tabita: Atti 9:​36-​41.

◆ L-​erbat ibniet taʼ Filippu: Atti 21:9.

◆ Febi: Rumani 16:​1, 2.

[Stampa f’paġna 15]

Int tfaħħarhom lin-​nisa mhux miżżewġin li jobdu lealment il-​liġi t’Alla?

[Stampa f’paġna 16]

Liema affarijiet speċifiċi tistaʼ ssemmi fit-​talb quddiem it-​tfal qabel ma jitilqu lejn l-​iskola?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja