LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w04 1/1 pp. 13-18
  • “Leħinhom Xtered maʼ l-Art Kollha”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Leħinhom Xtered maʼ l-Art Kollha”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Żjieda b’Rata Mgħaġġla Llum
  • Jaqdu f’Pajjiżi Barranin
  • ‘Minn Kull Tribù, Poplu u Lsien’
  • “Maʼ l-​Art Kollha”
  • Nies “mill-Ilsna Kollha” Jisimgħu l-Aħbar Tajba
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Aħbar Tajba għan-Nies tal-Ġnus Kollha
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Il-Kristjani Veri Kollha Jridu Jkunu Evanġelizzaturi
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
  • Il-Ġbir taʼ Nies mill-Ilsna Kollha
    Il-Ministeru tas-Saltna—2002
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
w04 1/1 pp. 13-18

“Leħinhom Xtered maʼ l-​Art Kollha”

“Agħmlu dixxipli mill-​ġnus kollha, u għammduhom fl-​isem tal-​Missier u taʼ l-​Iben u taʼ l-​Ispirtu s-​Santu.”—MATTEW 28:19.

1, 2. (a) Ġesù liema inkarigu tahom lid-​dixxipli? (b) Il-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu għala rnexxielhom iwettqu tant xogħol?

FTIT qabel ma telaʼ s-​sema, Ġesù ta inkarigu lid-​dixxipli tiegħu. Hu qalilhom: “Agħmlu dixxipli mill-​ġnus kollha, u għammduhom fl-​isem tal-​Missier u taʼ l-​Iben u taʼ l-​Ispirtu s-​Santu.” (Mattew 28:19) X’biċċa xogħol iebsa kienet din!

2 Aħseb ftit! F’Pentekoste tas-​sena 33 E.K., madwar 120 dixxiplu rċivew l-​ispirtu qaddis u bdew iwettqu dan l-​inkarigu billi jgħidu lil oħrajn li Ġesù kien il-​Messija mwiegħed, u li permezz tiegħu setgħet tinkiseb is-​salvazzjoni. (Atti 2:1-36) Kif setaʼ grupp żgħir bħal dan jilħaq il-​“ġnus kollha”? Għall-​bnedmin dan kien impossibbli, imma “għal Alla kollox jistaʼ jkun.” (Mattew 19:26) Il-​Kristjani tal-​bidu kellhom l-​appoġġ taʼ l-​ispirtu qaddis taʼ Jehovah, u huma kellhom sens t’urġenza. (Żakkarija 4:6; 2 Timotju 4:2) Għaldaqstant, fi ftit għaxriet taʼ snin, l-​appostlu Pawlu setaʼ jgħid li l-​aħbar tajba kienet qed tiġi mxandra “lill-​ħlejjaq kollha taħt is-​smewwiet.”—Kolossin 1:23.

3. Minħabba liema ħaġa ma setax jidher il-​“qamħ” Kristjan safi?

3 Il-​qima vera kompliet tixtered matul il-​maġġorparti taʼ l-​ewwel seklu. Madankollu, Ġesù kien ipprofetizza li kellu jasal iż-​żmien meta Satana kien se jiżraʼ s-​“sikrana” li kienet se tgħatti l-​“qamħ” Kristjan veru għal ħafna sekli sa żmien il-​ħsad. Din il-​profezija seħħet wara l-​mewt taʼ l-​appostli.—Mattew 13:24-39.

Żjieda b’Rata Mgħaġġla Llum

4, 5. Mill-​1919 ’l hawn, liema biċċa xogħol daħlu għaliha l-​Kristjani midlukin, u dan għala kien taʼ sfida kbira għalihom?

4 Fl-​1919, kien wasal iż-​żmien biex il-​qamħ Kristjan safi jiġi mifrud mis-​sikrana. Il-​Kristjani midlukin kienu jafu li l-​inkarigu kbir li ta Ġesù kien għadu japplika. Huma kienu jemmnu b’qalbhom kollha li kienu qed jgħixu fl-​“aħħar tad-​dinja” u kienu konxji tal-​profezija taʼ Ġesù: “Dan l-​Evanġelju tas-​Saltna jixxandar fid-​dinja kollha, biex il-​ġnus kollha jkollhom xhieda. Mbagħad jiġi t-​tmiem.” (2 Timotju 3:1; Mattew 24:14) Iva, huma kienu jafu li kien hemm ħafna xogħol xi jsir.

5 Xorta waħda, dawn il-​Kristjani ffaċċjaw sfida enormi bħalma kienu ffaċċjaw id-​dixxipli fis-​sena 33 E.K. Huma kienu biss ftit eluf imxerrdin ’l hemm u ’l hawn fi ftit pajjiżi. Kif setgħu qatt jippridkaw l-​aħbar tajba “fid-​dinja kollha”? Irridu niftakru li l-​popolazzjoni tad-​dinja kienet żdiedet minn madwar 300 miljun fi żmien l-​imperaturi Ċesari sa kważi 2 biljuni wara l-​ewwel gwerra dinjija. U matul is-​seklu 20, kellha tkompli tiżdied b’rata mgħaġġla.

6. Il-​Kristjani midlukin sa liema punt irnexxielhom ixerrdu l-​aħbar tajba sas-​snin 30?

6 Minkejja dan, il-​qaddejja midlukin taʼ Jehovah, bħal ħuthom taʼ l-​ewwel seklu, bdew ix-​xogħol li kellhom quddiemhom b’fidi sħiħa f’Jehovah, u l-​ispirtu tiegħu kien magħhom. Sa nofs is-​snin tletin tas-​seklu l-​ieħor, kien hemm 56,000 evanġelizzatur li kienu xandru l-​verità tal-​Bibbja f’115-il pajjiż. Diġà kien sar ħafna xogħol, imma kien għad baqaʼ ferm iktar xi jsir.

7. (a) Liema sfida ġdida ffaċċjaw il-​Kristjani midlukin? (b) Ix-​xogħol tal-​ġbir kif mexa daqshekk ’il quddiem bl-​appoġġ tan-​“nagħaġ oħra”?

7 Imbagħad, fehma iktar profonda dwar l-​identità tal-​“kotra kbira” msemmija f’Apokalissi 7:9 ppreżentat sfida ġdida kif ukoll wiegħdet l-​għajnuna lil dawk il-​Kristjani ħabrieka. Kotra li ma tistax tingħadd taʼ “nagħaġ oħra,” Kristjani bit-​tama li jgħixu fuq l-​art, kellhom jinġabru “minn kull ġens u tribù, minn kull poplu u lsien.” (Ġwanni 10:16) Dawn kellhom ‘jaqdu lil [Jehovah] lejl u nhar.’ (Apokalissi 7:15) Dan ifisser li kellhom jgħinu fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar u tat-​tagħlim. (Isaija 61:5) Minħabba f’hekk, kien ferm eċċitanti għall-​Kristjani midlukin li jaraw in-​numru t’evanġelizzaturi jiżdied b’għaxriet t’eluf u mbagħad bil-​miljuni. Fis-​sena 2003, quċċata ġdida taʼ 6,429,351 persuna ħadu sehem fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar—il-​maġġorparti minnhom mill-​kotra kbira.a Il-​Kristjani midlukin huma grati għal din l-​għajnuna, u n-​nagħaġ oħra huma grati għall-​privileġġ li jappoġġaw lil ħuthom il-​midlukin.—Mattew 25:34-40.

8. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah kif wieġbu għall-​pressjonijiet ħorox li ġew fuqhom matul it-​tieni gwerra dinjija?

8 Meta l-​klassi tal-​qamħ reġgħet bdiet tidher, Satana qajjem gwerra ħarxa kontriha. (Apokalissi 12:17) Kif irreaġixxa meta bdiet tidher il-​kotra kbira? Bi vjolenza li ma bħala! Hemm xi dubju li hu kien wara l-​attakk fuq il-​qima vera mad-​dinja kollha li seħħ matul it-​tieni gwerra dinjija? Il-​Kristjani fuq iż-​żewġ naħat tal-​konflitt kienu taħt pressjoni kbira. Bosta aħwa għeżież, irġiel u nisa, għaddew minn provi terribbli u xi wħud minnhom mietu għall-​fidi tagħhom. Xorta waħda, huma dwew il-​kliem tas-​salmista: “Bl-​għajnuna taʼ Alla nfaħħar kelmtu; f’Alla nafda, m’għandix għax nibżaʼ; x’jistaʼ jagħmilli l-​bniedem?” (Salm 56:5 [56:4, NW]; Mattew 10:28) Il-​Kristjani midlukin u n-​nagħaġ oħra, imsaħħin mill-​ispirtu taʼ Jehovah, żammew sodi flimkien. (2 Korintin 4:7) B’hekk, il-​“kelma taʼ Alla kienet tixtered dejjem aktar.” (Atti 6:7) Meta faqqgħet il-​gwerra fl-​1939, kien hemm 72,475 Kristjan leali li rrapportaw li ħadu sehem fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar. Madankollu, ir-​rapport mhux komplet għall-​1945, is-​sena li fiha ntemmet il-​gwerra, wera li 156,299 Xhud attiv kienu qed ixerrdu l-​aħbar tajba. X’telfa din għal Satana!

9. Liema skejjel ġodda ġew imħabbrin matul it-​Tieni Gwerra Dinjija?

9 Jidher ċar li l-​kaos tat-​tieni gwerra dinjija ma ġagħalx lill-​qaddejja taʼ Jehovah jiddubitaw jekk ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar kienx se jitwettaq. Tabilħaqq, fl-​1943, meta l-​gwerra kienet fl-​aqwa tagħha, ġew imħabbrin żewġ skejjel ġodda. Waħda, issa msejħa l-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku, kellha ssir fil-​kongregazzjonijiet kollha biex tħarreġ lix-​Xhieda individwali ħalli jippridkaw u jagħmlu dixxipli. L-​oħra, l-​Iskola taʼ Gilgħad (Watchtower Bible School of Gilead), kienet għat-​taħriġ tal-​missjunarji li kellhom ikabbru x-​xogħol taʼ l-​ippridkar f’artijiet barranin. Iva, meta sa fl-​aħħar intfew il-​fjammi tal-​gwerra, il-​Kristjani veri kienu lesti għal iktar attività.

10. Il-​ħeġġa tan-​nies taʼ Jehovah kif dehret matul is-​sena 2003?

10 U kemm għamlu xogħol meraviljuż dawn! Imħarrġin fl-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku, ilkoll—żgħażagħ u xjuħ, ġenituri u tfal, saħansitra dawk b’nuqqas taʼ saħħa—ħadu u jkomplu jieħdu sehem fit-​twettiq taʼ l-​inkarigu l-​kbir li ta Ġesù. (Salm 148:12, 13; Ġoel 2:28, 29) Fis-​sena 2003, bejn wieħed u ieħor kull xahar, 825,185 persuna wrew kemm kellhom sens t’urġenza billi ħadu sehem, min għal xi żmien u min kontinwament, fis-​servizz taʼ pijunier. F’dik l-​istess sena, ix-​Xhieda taʼ Jehovah qattgħu 1,234,796,477 siegħa jkellmu lil oħrajn dwar l-​aħbar tajba tas-​Saltna. Żgur li Jehovah hu kuntent bil-​ħeġġa li qed juru n-​nies tiegħu!

Jaqdu f’Pajjiżi Barranin

11, 12. Liema eżempji juru kemm ħadmu iebes il-​missjunarji?

11 Matul is-​snin, dawk li ggradwaw minn Gilgħad u, iktar reċenti, dawk li ggradwaw mill-​Iskola tat-​Taħriġ Ministerjali kellhom riżultati taʼ l-​għaġeb. Per eżempju, fil-​Brażil kien hemm inqas minn 400 pubblikatur meta marru l-​ewwel missjunarji fl-​1945. Dawn il-​missjunarji u oħrajn li marru warajhom ħadmu iebes maʼ l-​aħwa żelużi tal-​Brażil, u Jehovah bierek bil-​kbir l-​isforzi tagħhom. Żgur li dawk li jiftakru l-​Brażil f’dak iż-​żmien tal-​bidu jħossuhom eċċitati meta jaraw il-​quċċata l-​ġdida taʼ 607,362 pubblikatur li ntlaħqet fis-​sena 2003!

12 Ikkunsidra l-​Ġappun. Qabel it-​tieni gwerra dinjija, kien hemm madwar mitt predikatur tas-​Saltna f’dak il-​pajjiż. Matul il-​gwerra, in-​numru tagħhom naqas ħafna minħabba l-​persekuzzjoni ħarxa u sa tmiem il-​gwerra, ftit Xhieda biss kienu għadhom ħajjin spiritwalment u fiżikament. (Proverbji 14: 32, NW) Dawk il-​ftit li b’mod li jispikka żammew l-​integrità żgur li ferħu mhux ftit meta fl-​1949 laqgħu lill-​ewwel 13-il missjunarju li kienu mħarrġin f’Gilgħad, u mill-​banda l-​oħra l-​missjunarji nġibdu lejn l-​aħwa Ġappuniżi li tant kienu entużjasti u ospitabbli. Iktar minn 50 sena wara, fis-​sena 2003, il-​Ġappun irrapporta quċċata taʼ 217,508 pubblikaturi! Jehovah tabilħaqq bierek lin-​nies f’dan il-​pajjiż. Hemm rapporti simili minn ħafna pajjiżi oħra. Dawk li setgħu jippridkaw f’territorji barranin verament ikkontribwew biex l-​aħbar tajba tkun tistaʼ tixtered, tant li fis-​sena 2003 nstemgħet f’235 pajjiż, gżira, u territorju madwar id-​dinja. Tabilħaqq, il-​kotra kbira ħierġa minn “kull ġens.”

‘Minn Kull Tribù, Poplu u Lsien’

13, 14. Jehovah b’liema mod wera kemm jiswa li l-​aħbar tajba tiġi pridkata b’kull “ilsien”?

13 L-​ewwel miraklu li ġie rrapportat wara li d-​dixxipli kienu midlukin bl-​ispirtu qaddis f’Pentekoste tas-​sena 33 E.K. kien dak li huma bdew jitkellmu bl-​ilsna mal-​folol li kien hemm miġburin. Dawk kollha li semgħuhom forsi kienu jitkellmu b’xi lsien internazzjonali, forsi bil-​Grieg. Peress li kienu nies devoti, x’aktarx li kienu wkoll kapaċi jifhmu s-​servizzi bil-​Lhudi li kienu jsiru fit-​tempju. Imma l-​iżjed li ġew imqanqlin biex jisimgħu kien meta semgħu l-​aħbar tajba bil-​lingwa li tgħallmu minn ċkunithom.—Atti 2:5, 7-12.

14 Anki llum, fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar qed jiġu użati ħafna lingwi. Ġie profetizzat li kotra kbira kellha toħroġ mhux biss mill-​ġnus imma wkoll minn ‘tribujiet u popli u ilsna.’ Fi qbil maʼ dan, Jehovah ipprofetizza permezz taʼ Żakkarija: “Għaxart irġiel mill-​ilsna kollha tal-​ġnus jaqbdu Lhudi u jżommuh minn tarf il-​libsa tiegħu, u jgħidulu: ‘Ħa niġu magħkom, għaliex smajna li Alla magħkom.’” (Żakkarija 8:23, korsiv tagħna.) Għalkemm ix-​Xhieda taʼ Jehovah m’għadx għandhom id-​don taʼ l-​ilsna, huma jafu kemm jiswa li lin-​nies jgħallmuhom bil-​lingwi tagħhom stess.

15, 16. Il-​missjunarji u oħrajn kif laqgħu l-​isfida taʼ li jippridkaw bil-​lingwi lokali?

15 Huwa fatt li llum hemm ftit lingwi li huma użati f’ħafna pajjiżi, bħalma huma l-​Ingliż, il-​Franċiż, u l-​Ispanjol. Madankollu, dawk li telqu minn pajjiżhom biex jaqdu f’pajjiżi barranin jipprovaw jitgħallmu l-​lingwi lokali sabiex l-​aħbar tajba tkun tistaʼ tintlaħaq iktar minn dawk li għandhom “attitudni xierqa lejn il-​ħajja taʼ dejjem.” (Atti 13:48, NW) Dan jistaʼ jkun diffiċli. Meta l-​aħwa fin-​nazzjon taʼ Tuvalu, fin-​Nofsinhar tal-​Paċifiku, kellhom bżonn il-​pubblikazzjonijiet bil-​lingwa tagħhom stess, wieħed mill-​missjunarji daħal għal din l-​isfida kbira. Ladarba ma kien hemm ebda dizzjunarju disponibbli, hu beda jibni damma taʼ kliem bit-​Tuvalwan. Maż-​żmien, ġie pubblikat il-​ktieb Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-​Ġenna Fuq L-​Artb bit-​Tuvalwan. Meta xi missjunarji waslu f’Curaçao, ma kien hemm ebda letteratura tal-​Bibbja u ebda dizzjunarju bil-​lingwa tal-​pajjiż, il-​Papiamento. Kien hemm ukoll nuqqas taʼ qbil kbir dwar kif din il-​lingwa kellha tinkiteb. Minkejja dan kollu, fi żmien sentejn mill-​wasla taʼ l-​ewwel missjunarji, ġie pubblikat l-​ewwel fuljett Kristjan b’dik il-​lingwa bbażat fuq il-​Bibbja. Illum, il-​Papiamento huwa wieħed mill-​133 lingwa li fiha qed jiġi pubblikat It-​Torri taʼ l-​Għassa fl-​istess żmien maʼ dak bl-​Ingliż.

16 Fin-​Namibja, l-​ewwel missjunarji ma sabu ebda Xhud minn dak il-​post li setaʼ jgħinhom biex jittraduċu. Iktar minn hekk, waħda mil-​lingwi taʼ dan il-​pajjiż, in-​Nama, ma kienx fiha kliem għal konċetti li kienu jintużaw spiss, bħal “perfett.” Missjunarju jirrapporta: “Ġeneralment għat-​traduzzjoni kont nuża lil xi għalliema taʼ l-​iskola li kienu qed jistudjaw il-​Bibbja. Ladarba dawn kellhom ftit li xejn għarfien tal-​verità, kelli noqgħod bil-​qiegħda magħhom biex inkun ċert li kull sentenza kienet eżatta.” Minkejja dan, maż-​żmien ġie tradott il-​fuljett Il-​Ħajja f’Dinja Ġdida b’erbaʼ lingwi tan-​Namibja. Illum, It-​Torri taʼ l-​Għassa qed jiġi pubblikat regolarment bil-​Kwanyama u Ndonga.

17, 18. Liema sfidi qed jintlaqgħu fil-​Messiku u pajjiżi oħrajn?

17 Fil-​Messiku, il-​lingwa prinċipali hija l-​Ispanjol. Madankollu, qabel ma waslu l-​Ispanjoli, in-​nies taʼ dan il-​post kienu jitkellmu b’ħafna lingwi differenti, li ftit minnhom għadhom jintużaw. Għalhekk, il-​letteratura tax-​Xhieda taʼ Jehovah issa qed issir b’sebaʼ lingwi Messikani kif ukoll bil-​Lingwa tas-​Sinjali Messikana. Il-​Ministeru tas-​Saltna tal-​poplu Maja kienet l-​ewwel pubblikazzjoni datata li ġiet pubblikata b’lingwa Indjana Amerikana. Verament, hemm ħafna eluf taʼ Maja, Azteki, u oħrajn fost il-​572,530 pubblikatur tas-​Saltna fil-​Messiku.

18 Fis-​snin reċenti, miljuni taʼ nies ħarbu lejn pajjiżi barranin bħala refuġjati, jew inkella emigraw minħabba raġunijiet finanzjarji. B’riżultat taʼ dan, għall-​ewwel darba f’ħafna pajjiżi issa hemm territorju mdaqqas taʼ dawk li jitkellmu b’lingwa barranija. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah laqgħu din l-​isfida. Per eżempju, fl-​Italja hemm kongregazzjonijiet u gruppi li jitkellmu 22 lingwa oħra minbarra t-​Taljan. Dan l-​aħħar, biex jgħinu lill-​aħwa jippridkaw lil dawn in-​nies taʼ lingwa barranija, ġew organizzati klassijiet li jgħallmu 16-il lingwa, inkluż il-​Lingwa tas-​Sinjali bit-​Taljan. F’ħafna pajjiżi oħra, ix-​Xhieda taʼ Jehovah qed jagħmlu sforzi simili biex jilħqu popolazzjonijiet kbar taʼ immigranti. Iva, bl-​għajnuna taʼ Jehovah, il-​kotra kbira hi tassew ħierġa minn ħafna u ħafna gruppi taʼ ilsna differenti.

“Maʼ l-​Art Kollha”

19, 20. Liema kliem taʼ Pawlu qed jitwettaq b’mod taʼ l-​għaġeb illum? Spjega.

19 Fl-​ewwel seklu, l-​appostlu Pawlu kiteb: “Jaqaw ma semgħux? Żgur li semgħu. L-​Iskrittura tgħid: ‘Leħinhom xtered maʼ l-​art kollha, u l-​kelma tagħhom laħqet truf id-​dinja.’” (Rumani 10:18) Jekk dan kien minnu fl-​ewwel seklu, kemm iktar huwa minnu llum! Miljuni—forsi iktar minn kwalunkwe żmien fl-​istorja tal-​bniedem—qed jgħidu: “Kull ħin inbierek il-​Mulej; tifħiru dejjem fuq fommi.”—Salm 34:2 (34:1, NW).

20 Iktar minn hekk, ix-​xogħol m’huwiex qed inaqqas il-​pass. L-​għadd taʼ pubblikaturi tas-​Saltna jibqaʼ dejjem jiżdied. Iktar u iktar ħin qed jiġi dedikat għax-​xogħol taʼ l-​ippridkar. Qed isiru miljuni taʼ żjajjar lura u mijiet t’eluf taʼ studji tal-​Bibbja. U għad hemm ħafna interess. Is-​sena l-​oħra, quċċata ġdida taʼ 16,097,622 persuna attendew iċ-​ċelebrazzjoni tat-​Tifkira tal-​mewt taʼ Ġesù. Jidher ċar li għad hemm ħafna xogħol xi jsir. Jalla nkomplu nimitaw l-​integrità li ma titħarrikx taʼ ħutna li ssaportew persekuzzjoni ħarxa. U jalla nuru l-​ħeġġa li wrew dawk ħutna li mill-​1919 ’l hawn qdew b’qalbhom kollha fis-​servizz taʼ Jehovah. Ħalli lkoll kemm aħna nkomplu nidwu l-​kliem tas-​salmista: “Kull ma jieħu nifs, ħa jfaħħar il-​Mulej! Hallelujah!”—Salm 150:6.

[Noti taʼ taħt]

a Ara r-​rapport annwali f’paġni 18 sa 21 taʼ din ir-​rivista.

b Pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

Tistaʼ Tispjega?

• Liema biċċa xogħol daħlu għaliha l-​aħwa fl-​1919, u din għala kienet sfida kbira?

• Min kienu dawk li nġabru biex jappoġġaw ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar?

• Liema riżultat kisbu l-​missjunarji u oħrajn li qdew f’pajjiżi barranin?

• X’evidenza tistaʼ ssemmi biex turi li Jehovah qiegħed ibierek ix-​xogħol tan-​nies tiegħu llum?

[Tabella fʼpaġna 18-21]

RAPPORT TAS-SENA 2003 TAX-XĦIEDA TA’ JEĦOVAĦ MADWAR ID-DINJA

[Stampi f’paġna 14, 15]

Il-​kaos tat-​tieni gwerra dinjija ma ġagħalx lill-​Kristjani jiddubitaw jekk l-​aħbar tajba kinitx se tiġi pridkata

[Sors]

Splużjoni: U.S. Navy photo; oħrajn: U.S. Coast Guard photo

[Stampi f’paġna 16, 17]

Il-​kotra kbira kellha toħroġ minn kull tribù u lsien

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja