Agħtu Glorja lil Alla—Mhux lill-Bniedem
F’DAWN l-aħħar xhur, nies li jħobbu s-sewwa minn madwar id-dinja kollha tgħallmu kif jagħtu glorja lil Alla hekk kif iltaqgħu flimkien għall-Konvenzjonijiet Distrettwali tax-Xhieda taʼ Jehovah “Agħtu Glorja lil Alla.” Ejja nirrivedu flimkien il-programm edukattiv li ġie preżentat hemmhekk.
Bosta wħud li attendew il-konvenzjonijiet gawdew programm ibbażat fuq il-Bibbja għal tlett ijiem wara xulxin, filwaqt li dawk li rnexxielhom jattendu l-konvenzjonijiet internazzjonali speċjali gawdew programm t’erbat ijiem. B’kollox, dawk li attendew semgħu iktar minn 30 preżentazzjoni Skritturali, li kienu jinkludu taħditiet li żiedu l-apprezzament spiritwali, esperjenzi li saħħew il-fidi, turijiet li enfasizzaw l-użu prattiku taʼ prinċipji Bibliċi, u drama bil-kostumi li ddeskriviet l-isfidi li ffaċċjaw il-Kristjani taʼ l-ewwel seklu. Jekk int attendejt xi waħda minn dawn il-konvenzjonijiet, għala ma tirrivedix in-noti li ħadt hekk kif taqra dan l-artiklu? Aħna ċerti li dan se jġeddidlek memorji sbieħ taʼ ikla spiritwali abbundanti u fl-istess ħin se titgħallem ukoll.
It-Tema taʼ l-Ewwel Jum: “Int Jistħoqqlok, Jehovah, . . . li Tirċievi l-Glorja”
Wara l-għanja u t-talba tal-ftuħ, l-ewwel kelliemi ta merħba mill-qalb lil dawk kollha fl-udjenza permezz taʼ taħdita li ffokat fuq ir-raġuni prinċipali għall-konvenzjoni: “Miġburin biex Nigglorifikaw lil Alla.” Hu kkwota minn Rivelazzjoni 4:11 (NW) u enfasizza t-tema ġenerali tal-konvenzjoni. Hu mar mill-ewwel biex spjega l-punt taʼ xi jfisser li nagħtu glorja lil Alla. Permezz tal-ktieb tas-Salmi enfasizza illi biex nigglorifikaw lil Alla jeħtieġ li nagħtu ‘qima,’ ‘tifħir,’ u ‘radd il-ħajr.’—Salm 95:6; 100:4, 5; 111:1, 2.
Il-parti li kien imiss kienet intitolata “Imberkin Dawk li Jagħtu Glorja lil Alla.” Il-kelliemi ħareġ punt interessanti. Peress li iktar minn sitt miljun Xhud taʼ Jehovah jinsabu f’234 pajjiż madwar il-globu, wieħed jistaʼ jgħid li x-xemx qatt ma tinżel fuq dawk li jġibu glorja lil Jehovah. (Apokalissi 7:15) Parti minn din it-taħdita li n-nies fl-udjenza apprezzaw ħafna u li qawwitilhom qalbhom kienet intervista maʼ diversi aħwa Kristjani li qegħdin f’xi tip taʼ servizz full-time speċjali.
“Il-Ħolqien Jiddikjara l-Glorja t’Alla” kienet it-taħdita li kien imiss. Għalkemm siekta, is-smewwiet fiżiċi juru l-kobor immens t’Alla u jgħinuna nżidu l-apprezzament tagħna għall-mod kif jieħu ħsiebna bi mħabba. Dan ġie spjegat fid-dettall.—Isaija 40:26.
Il-persekuzzjoni, l-oppożizzjoni, l-influwenzi dinjin, u t-tendenzi midinbin huma taʼ sfida għall-integrità tal-Kristjani veri. Għaldaqstant, it-taħdita “Imxi fit-Triq taʼ l-Integrità” kien jistħoqqilha attenzjoni sħiħa min-naħa taʼ l-udjenza. Din kienet tinkludi diskussjoni vers vers taʼ Salm 26, kif ukoll intervisti maʼ Xhud li għadha l-iskola u li ħadet waqfa soda dwar prinċipji morali, u maʼ Xhud ieħor li kien qed iqattaʼ wisq ħin f’divertiment dubjuż imma li mbagħad ħa passi biex jegħleb il-problema.
It-taħdita prinċipali, “Viżjonijiet Profetiċi u Glorjużi Jħeġġuna biex Nagħmlu l-Almu Tagħna!” temmet il-programm taʼ fil-għodu. Il-kelliemi semma l-eżempji tal-profeta Danjel u taʼ l-appostli Ġwanni u Pietru bħala wħud li saħħew il-fidi tagħhom permezz taʼ viżjonijiet profetiċi glorjużi dwar it-twaqqif u x-xogħol tas-Saltna Messjanika t’Alla. Waqt li rrefera għal xi wħud li forsi qed jonqsu li jaraw l-evidenza ċara li turi li qegħdin fiż-żmien taʼ l-aħħar, il-kelliemi qal: “Nittamaw sinċerament li wħud bħal dawn jerġgħu jiffokaw fuq ir-realtà tal-preżenza taʼ Kristu fil-glorja tas-Saltna u jiġu megħjunin biex jirkupraw is-saħħa spiritwali.”
Il-programm taʼ wara nofsinhar beda b’taħdita intitolata “Il-Glorja taʼ Jehovah Rivelata lil Nies Umli.” Il-kelliemi wera kif Jehovah jagħtina eżempju fl-umiltà, avolja hu l-ogħla Persuna fl-univers. (Salm18:35, NW) Jehovah japprova lil dawk li huma umli b’mod ġenwin, imma jopponi lil dawk li jidhru umli biss maʼ min hu daqshom jew akbar minnhom fil-grad imma li mbagħad jimxu bl-aħrax maʼ min ikun taħthom.—Salm 138:6, Saydon.
Imbagħad, ġew diskussi l-profeziji Bibliċi f’serje taʼ taħditiet li enfasizzat aspetti differenti tat-tema prinċipali: “Il-Profezija t’Għamos—Il-Messaġġ Tagħha għal Żmienna.” Filwaqt li uża l-eżempju t’Għamos, l-ewwel kelliemi ġibed l-attenzjoni lejn ir-responsabbiltà tagħna li nwissu lin-nies dwar il-ġudizzju li ġej taʼ Jehovah. It-tema tat-taħdita tiegħu kienet “Stqarr il-Kelma t’Alla bil-Qlubija.” It-tieni kelliemi qajjem il-mistoqsija: “Sejjer Jehovah xi darba jtemm il-ħażen u s-sofferenza li hawn fuq l-art?” It-tema tiegħu, “Ġudizzju Divin Kontra l-Ħżiena,” uriet li l-ġudizzju divin huwa dejjem mistħoqq, li ħadd ma jistaʼ jaħrab minnu, u li huwa selettiv. L-aħħar kelliemi f’din is-serje taʼ taħditiet iddiskuta t-tema “Jehovah Jeżamina l-Qalb.” Dawk li x-xewqa tagħhom hi li jogħġbu lil Jehovah se jagħtu kas il-kliem f’Għamos 5:15: “Obogħdu d-deni u l-ħobbu l-ġid.”
L-alkoħol, rigal mingħand Alla li jferraħ il-qalb, jistaʼ jintuża ħażin. Fit-taħdita tiegħu “Aħrab in-Nassa taʼ l-Abbuż mill-Alkoħol,” il-kelliemi semma l-perikli fiżiċi u spiritwali meta xi ħadd jieħu l-alkoħol bla qjies, anki jekk ma jiskirx. Hu ta dan il-prinċipju bħala gwida: Ladarba t-tolleranza għall-alkoħol tvarja minn persuna għal oħra, kwalunkwe ammont li jnaqqaslek “l-għerf prattiku u l-abbiltà tal-ħsieb” huwa żżejjed għalik.—Proverbji 3:21, 22, NW.
Ladarba qed ngħixu fi żminijiet kritiċi, is-suġġett li kien imiss, “Jehovah, ‘il-Kenn Tagħna fi Żmien l-Għawġ,’” kien taʼ faraġ kbir. It-talb, l-ispirtu qaddis, u sħabna l-Kristjani jistgħu jgħinuna nkampaw.
L-aħħar taħdita tal-jum, “‘L-Art Tajba’—Dehra bil-Quddiem tal-Ġenna taʼ l-Art,” intemmet b’sorpriża sabiħa għal kulħadd—ktieb ġdid mimli mapep Bibliċi! Dan jismu See the Good Land.
It-Tema tat-Tieni Jum: “Xandru l-Glorja Tiegħu Fost il-Ġnus”
Wara li ġiet kunsidrata l-iskrittura tal-jum, ġiet preżentata t-tieni serje taʼ taħditiet fil-konvenzjoni, bit-tema “Irriflettu bħal f’Mera l-Glorja taʼ Jehovah.” L-ewwel kelliemi kompla jiftaħ fuq is-suġġett “Inxerrdu l-Aħbar Tajba maʼ Kullimkien” u inkluda esperjenzi reċtati li ġraw veru fis-servizz taʼ l-għalqa. It-tieni kelliemi inkluda turija taʼ żjara lura meta ppreżenta t-tema “Inneħħu l-Velu minn fuq Għajnejn l-Għomja.” L-aħħar parti, intitolata “Naħdmu Iktar bis-Sħiħ fil-Ministeru Tagħna,” spikkat b’intervisti interessanti dwar esperjenzi fis-servizz.
Il-parti li kien imiss tal-programm kienet intitolata “Mibgħudin Għalxejn.” Din kienet tinkludi intervisti inkuraġġanti maʼ individwi leali li bis-saħħa t’Alla żammew l-integrità tagħhom minkejja l-oppożizzjoni.
Parti mill-konvenzjoni li ħafna jħarsu ’l quddiem għaliha hija t-taħdita tal-magħmudija u t-tgħaddis komplet fl-ilma tal-kandidati kollha li jikkwalifikaw. Il-magħmudija bl-ilma tissimbolizza d-dedikazzjoni totali li persuna tagħmel lil Jehovah. Għaldaqstant, it-tema kienet tassew xierqa: “Nigglorifikaw lil Alla Billi Ngħixu fi Qbil mad-Dedikazzjoni Tagħna.”
Il-programm taʼ wara nofsinhar beda bit-taħdita li ħeġġet lil kulħadd jeżamina lilu nnifsu, “Nikkultivaw Ħarsa bħal taʼ Kristu Lejn il-Kobor.” Il-kelliemi ħareġ dan il-punt interessanti: Il-kobor jiġi billi nimitaw l-umiltà taʼ Kristu. B’hekk, Kristjan m’għandux jipprova jikseb xi responsabbiltà sabiex jissodisfa l-ambizzjoni persunali tiegħu. Hu għandu jistaqsi lilu nnifsu, ‘Lest jien li nwettaq xi biċċa xogħol biex ngħin lil xi persuna bla ma jkun jaf ħadd?’
Ġieli tħossok għajjien? It-tweġiba hija ovvja. Kulħadd apprezza t-taħdita “Negħjew, imma Ma Naqtgħux Qalbna.” L-intervisti maʼ wħud li ilhom Xhieda għal ħafna żmien urew li Jehovah jistaʼ ‘jqawwina permezz taʼ l-ispirtu tiegħu.’—Efesin 3:16.
Il-ġenerożità hija kwalità li ma nitwildux biha imma li rridu nitgħallmuha. Dan il-punt importanti ġie enfasizzat fil-parti “Kunu Ġenerużi u Aqsmu maʼ l-Oħrajn.” F’din it-taħdita qamet il-mistoqsija li tqanqal il-ħsieb: “Lesti aħna li niddedikaw ftit minuti mill-ġurnata tagħna lill-aħwa li huma mdaħħlin fiż-żmien, morda, dipressi, jew waħedhom?”
It-taħdita “Oqogħdu Attenti minn ‘Leħen Barrani’” żammet l-attenzjoni taʼ l-udjenza. Din it-taħdita xebbhet lis-segwaċi taʼ Ġesù maʼ nagħaġ li jagħtu widen biss lil leħnu bħala “r-ragħaj it-tajjeb” u li ma jagħtux widen lil xi “leħen barrani” li jkun ġej mill-ħafna sorsi umani influwenzati mix-Xitan.—Ġwanni 10:5, 14, 27.
Kor irid ikanta f’armonija biex jinftiehem. Sabiex jigglorifikaw lil Alla, l-aduraturi veri madwar id-dinja jridu jkunu magħqudin. Għaldaqstant, it-taħdita “Igglorifikaw lil Alla ‘b’Fomm Wieħed’” kien fiha tagħlim utli dwar kif aħna lkoll nistgħu nitkellmu l-unika “lingwa pura” u naqdu lil Jehovah “spalla maʼ spalla.”—Sofonija 3:9, NW.
Il-ġenituri, b’mod partikulari dawk li għandhom it-tfal żgħar, ħadu ħafna pjaċir bl-aħħar taħdita tal-jum, “Uliedna—Wirt Prezzjuż.” L-udjenza ħadet sorpriża sabiħa meta tħabbar il-ħruġ taʼ ktieb ġdid b’256 paġna. Learn From the Great Teacher (Tgħallem mill-Għalliem il-Kbir) huwa ktieb li se jgħin lill-ġenituri jqattgħu ħin spiritwali u premjanti maʼ wliedhom, ir-rigal mogħti lilhom mingħand Alla.
It-Tema tat-Tielet Jum: “Agħmlu Kollox għall-Glorja taʼ Alla”
L-aħħar jum tal-konvenzjoni beda fuq nota spiritwali permezz tat-tfakkiriet taʼ l-iskrittura tal-jum. Fl-ewwel sezzjoni tal-programm taʼ dan il-jum ngħatat attenzjoni iktar mis-soltu lill-arranġament tal-familja. L-ewwel taħdita, “Ġenituri, Saħħu lill-Familja Tagħkom,” ħejjiet l-udjenza għal dak li kien ġej. Wara li rriveda r-responsabbiltajiet li għandhom il-ġenituri biex jipprovdu affarijiet materjali għall-familja tagħhom, il-kelliemi wera li r-responsabbiltà primarja tal-ġenituri hija li jipprovdulhom spiritwalment.
Il-kelliemi li kien imiss indirizza lit-tfal u eżamina s-suġġett “Kif iż-Żgħażagħ Qed Ifaħħru lil Jehovah.” Hu qal li ż-żgħażagħ huma bħal qtar tan-“nida” għax huma ħafna u ż-żelu li juru f’żgħożithom huwa rifreskanti. Il-kbar jieħdu pjaċir jaħdmu magħhom fis-servizz taʼ Jehovah. (Salm 110:3, Saydon) Din il-parti kienet tinkludi intervisti sbieħ maʼ żgħażagħ eżemplari.
Parti dejjem eċċitanti fil-konvenzjonijiet distrettwali hija d-drama Biblika bil-kostumi, u din il-konvenzjoni ma kinitx xi eċċezzjoni. Id-drama “Nagħtu Xiehda bil-Qlubija Minkejja l-Oppożizzjoni” kienet tittratta dwar is-segwaċi taʼ Ġesù fl-ewwel seklu. Din id-drama ma kinitx biss sabiħa imma, iktar importanti minn hekk, kien fiha tagħlima. Fit-taħdita taʼ wara, “Iddikjara l-Aħbar Tajba ‘bla Waqfien,’” reġgħu ġew enfasizzati l-punti prinċipali tad-drama.
L-udjenza kollha kienet qed tħares ’il quddiem għat-taħdita pubblika fil-programm tal-Ħadd, “Min Illum Qed Jagħti Glorja lil Alla?” Il-kelliemi wera ċar kif l-oqsma xjentifiċi u reliġjużi in ġenerali ma tawx glorja lil Alla. Huma biss in-nies li jġorru ismu, dawk li qed jippridkaw u jgħallmu l-verità dwar Jehovah, li qegħdin tassew jigglorifikaw lil ismu llum.
Wara t-taħdita pubblika kien hemm ġabra fil-qosor taʼ l-artiklu tat-Torri taʼ l-Għassa għal dik il-ġimgħa, u mbagħad, it-taħdita taʼ l-aħħar, “Ibqgħu ‘Agħmlu Ħafna Frott’ għall-Glorja taʼ Jehovah.” Il-kelliemi ppreżenta riżoluzzjoni t’għaxar punti sabiex tiġi adottata minn dawk kollha fl-udjenza u li ċċentrat fuq diversi modi kif il-glorja tistaʼ tingħata lil Jehovah, il-Ħallieq. L-għajta unanima taʼ “Iva” nstemgħet fil-konvenzjonijiet kollha madwar id-dinja.
Għaldaqstant, fl-għeluq tal-konvenzjoni, kulmin attenda kellu tidwi f’widnejh it-tema “Agħtu Glorja lil Alla.” U jalla aħna, bl-għajnuna taʼ l-ispirtu taʼ Jehovah u l-parti viżibbli taʼ l-organizzazzjoni tiegħu, infittxu dejjem li nagħtu glorja lil Alla u mhux lill-bnedmin.
[Kaxxa/Stampi fʼpaġna 23]
Konvenzjonijiet Internazzjonali
Kien hemm konvenzjonijiet internazzjonali t’erbat ijiem li nżammu fl-Afrika, fl-Amerika taʼ Fuq u t’Isfel, fl-Asja, fl-Awstralja, u fl-Ewropa. Diversi Xhieda mid-dinja kollha ġew mistidnin jattendu dawn il-konvenzjonijiet bħala delegati. B’dan il-mod, kemm il-viżitaturi u kemm dawk li laqgħuhom qawwew u inkuraġġew lil xulxin. (Rumani 1:12) Kien hemm uħud li reġgħu ltaqgħu wara ħafna żmien u oħrajn li għamlu ħbieb ġodda. Aspett speċjali fil-konvenzjonijiet internazzjonali kien il-parti tal-programm intitolata “Rapporti minn Pajjiżi Oħrajn.”
[Kaxxa/Stampi f’paġna 25]
Pubblikazzjonijiet Ġodda li Jagħtu Glorja lil Alla
Fil-Konvenzjonijiet Distrettwali “Agħtu Glorja lil Alla” ħarġu żewġ pubblikazzjonijiet ġodda. L-atlas Bibliku See the Good Land għandu qoxra b’saħħitha u fih 36 paġna mimlijin mapep u ritratti taʼ postijiet Bibliċi. Kull paġna hija bil-kulur u fiha mapep taʼ l-imperi taʼ l-Assirja, Babilonja, Medo-Persja, Greċja, u Ruma. Hemm mapep separati li jkopru l-ministeru taʼ Ġesù u l-mod kif infirxet il-Kristjanità.
Learn From the Great Teacher (Tgħallem mill-Għalliem il-Kbir) huwa ktieb taʼ 256 paġna li fih bejn wieħed u ieħor 230 stampa. Tistgħu tqattgħu ħafna ħin sabiħ mat-tfal sempliċement taraw l-istampi u twieġbu l-mistoqsijiet li hemm fil-ktieb u li jġagħluk taħseb. Dan il-ktieb ġdid huwa mfassal biex iż-żgħażagħ tagħna jkunu jifilħu għall-attakki taʼ Satana bl-iskop li jħassru l-livelli morali tagħhom.
[Stampa f’paġna 23]
Missjunarji rrakkontaw esperjenzi li jsaħħu l-fidi
[Stampi f’paġna 24]
Il-magħmudija kienet aspett importanti fil-konvenzjonijiet “Agħtu Glorja lil Alla”
[Stampi f’paġna 24]
Kemm il-kbar u kemm iż-żgħar jieħdu pjaċir bid-drama Biblika