LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w04 1/15 p. 26-p. 29 para. 8
  • Punti Prinċipali mill-Ktieb tal-Ġenesi—II

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Punti Prinċipali mill-Ktieb tal-Ġenesi—II
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • ABRAHAM ISIR IL-​ĦABIB T’ALLA
  • (Ġenesi 11:10–23:20)
  • ĠAKOBB KELLU 12-IL TIFEL
  • (Ġenesi 24:1–36:43)
  • JEHOVAH BIEREK LIL ĠUŻEPPI FL-​EĠITTU
  • (Ġenesi 37:1–50:26)
  • Kellhom Fidi Soda
  • Punti mill-Ġenesi
    Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa
  • Alla Jbierek lil Abraham u lil Familtu
    Il-Bibbja—X’Inhu l-Messaġġ Tagħha?
  • Ġeħova —“L-Alla li Jagħti l-Paċi”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
  • Mid-Dilluvju sal-Ħelsien mill-Eġittu
    Il-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-Bibbja
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
w04 1/15 p. 26-p. 29 para. 8

Il-​Kelma taʼ Jehovah Hi Ħajja

Punti Prinċipali mill-​Ktieb tal-​Ġenesi—II

MILL-​ĦOLQIEN taʼ l-​ewwel bniedem, Adam, sal-​mewt taʼ Ġużeppi, bin Ġakobb, il-​Ġenesi jkopri 2,369 sena taʼ l-​istorja umana. L-​ewwel għaxar kapitli kif ukoll 9 versi minn kapitlu 11, li jkopru r-​rakkont mill-​ħolqien sat-​torri taʼ Babel, ġew eżaminati fil-​ħarġa taʼ qabel taʼ din ir-​rivista.a Dan l-​artiklu jikkunsidra punti prinċipali mill-​bqija tal-​Ġenesi, u jsemmi kif Alla aġixxa m’Abraham, Iżakk, Ġakobb, u Ġużeppi.

ABRAHAM ISIR IL-​ĦABIB T’ALLA

(Ġenesi 11:10–23:20)

Xi 350 sena wara d-​Dilluvju, raġel li kien prezzjuż ħafna għal Alla twieled fil-​linja tad-​dixxendenza taʼ bin Noè, Sem. Ismu kien Abram, u iktar tard inbidel għal Abraham. Minħabba l-​kmand t’Alla, Abram telaq mill-​belt tal-​Kaldin taʼ Ur u mar jgħix fit-​tined f’art li Jehovah wiegħed li se jagħti lilu u lid-​dixxendenti tiegħu. Minħabba l-​fidi u l-​ubbidjenza tiegħu, Abraham kien imsejjaħ il-​“ħabib taʼ Alla.”—Ġakbu 2:23.

Jehovah ħa azzjoni kontra l-​abitanti mill-​agħar taʼ Sodoma u l-​bliet viċin tagħha, waqt li Lot u l-​bniet tiegħu salvaw. Wegħda t’Alla twettqet meta twieled bin Abraham, Iżakk. Snin wara, il-​fidi taʼ Abraham għaddiet minn prova meta Jehovah qallu biex joffri lil dan l-​iben bħala sagrifiċċju. Abraham kien lest jobdi imma ġie mwaqqaf minn anġlu. M’hemm ebda dubju li Abraham kien raġel taʼ fidi, u hu ġie assigurat li, permezz taż-​żerriegħa tiegħu, in-​nazzjonijiet kollha kienu se jitbierku. Il-​mewt taʼ martu l-​għażiża, Sara, nikktitu ħafna lil Abraham.

Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:

12:1-4a (12:1-3, NW)—Il-​patt Abrahamiku meta beda jopera, u kemm dam? Il-​patt taʼ Jehovah m’Abram, li ‘t-​tribujiet kollha taʼ l-​art kienu se jitbierku b’Abram,’ mid-​dehra beda jopera meta Abram qasam l-​Ewfrat fi triqtu lejn Kangħan. Dan bilfors li kien fl-​14 taʼ Nisan, 1943 Q.E.K.—430 sena qabel ma Iżrael inħeles mill-​Eġittu. (Eżodu 12:2, 6, 7, 40, 41) Il-​patt Abrahamiku huwa “patt għal dejjem.” Se jibqaʼ jopera sakemm jitbierku l-​familji fuq l-​art u jinqerdu l-​għedewwa kollha t’Alla.—Ġenesi 17:7; 1 Korintin 15:23-26.

15:13—It-​tgħakkis għal 400 sena mbassar fuq nisel Abram meta twettaq? Dan il-​perijodu taʼ tgħakkis beda fl-​1913 Q.E.K. meta bin Abraham, Iżakk, infatam taʼ xi ħames snin u, Ismagħel, ħuh mill-​missier, li kellu 19-il sena kien qed “jiddieħak” bih. (Ġenesi 21:8-14, Karm Żammit; Galatin 4:29) Dan spiċċa bil-​ħelsien taʼ l-​Iżraelin mill-​jasar fl-​Eġittu fl-​1513 Q.E.K.

16:2—Kien xieraq li Saraj toffri l-​qaddejja tagħha Ħagar bħala mara għal Abram? L-​offerta taʼ Saraj kienet fi qbil mat-​tradizzjoni taʼ dak iż-​żmien—li mara li ma setgħetx ikollha tfal kienet obbligata li tipprovdi lir-​raġel tagħha b’konkubina sabiex tipproduċi werriet. Il-​prattika tal-​poligamija dehret għall-​ewwel darba fil-​familja taʼ Kajjin. Eventwalment, saret tradizzjoni u adottawha xi aduraturi taʼ Jehovah. (Ġenesi 4:17-19; 16:1-3; 29:21-28) Madankollu, Jehovah qatt m’abbanduna l-​livell oriġinali tiegħu tal-​monogamija. (Ġenesi 2:21, 22) Noè u wliedu, li ngħataw il-​kmand biex ‘inisslu u jimlew l-​art,’ mid-​dehra kienu kollha monogami. (Ġenesi 7:7; 9:1; 2 Pietru 2:5) U dan il-​livell tal-​monogamija reġaʼ saħħu Ġesù Kristu.—Mattew 19:4-8; 1 Timotju 3:2, 12.

19:8—Kien ħażin li Lot offra l-​bniet tiegħu lin-​nies taʼ Sodoma? Skond l-​etika Orjentali, kienet ir-​responsabbiltà taʼ dak li jkun stieden biex jipproteġi lill-​mistidnin f’daru, billi jiddefendihom sal-​punt tal-​mewt jekk kien neċessarju. Lot kien lest li jagħmel dan. Hu bil-​kuraġġ ħareġ ħdejn in-​nies, għalaq il-​bieb warajh, u ffaċċjahom waħdu. Sakemm offra lill-​bniet tiegħu, Lot x’aktarx li kien irrealizza li l-​mistidnin tiegħu kienu messaġġieri mingħand Alla, u forsi rraġuna li Alla setaʼ jipproteġi lil uliedu bħalma kien ipproteġa lil zitu Sara fl-​Eġittu. (Ġenesi 12:17-20) Tabilħaqq, kif żviluppaw l-​affarijiet, Lot u l-​bniet tiegħu ngħataw il-​protezzjoni.

19:30-38—Jehovah għalaq għajnejh meta Lot siker u kellu subien miż-​żewġt ibniet tiegħu? Jehovah la jagħlaq għajnejh għall-​inċest u lanqas għas-​sokor. (Levitiku 18:6, 7, 29; 1 Korintin 6:9, 10) Infatti, Lot kien jobgħod “l-​imġiba ħażina” taʼ l-​abitanti taʼ Sodoma. (2 Pietru 2:6-8) Il-​fatt li l-​bniet taʼ Lot ġagħluh jisker juri li huma rrealizzaw li hu ma kienx se jaċċetta li jkollu relazzjonijiet sesswali magħhom waqt li kien f’sikktu. Imma bħala barranin fil-​pajjiż, il-​bniet tiegħu ħassew li dan kien l-​uniku mod biex ma jwaqqfux id-​dixxendenza taʼ Lot. Dan ir-​rakkont jinsab fil-​Bibbja biex juri r-​relazzjoni tal-​Mowabin (permezz taʼ Mowab) u l-​Għammonin (permezz taʼ Bin-​għammi) mad-​dixxendenti t’Abraham, l-​Iżraelin.

Lezzjonijiet Għalina:

13:8, 9. X’eżempju mill-​isbaħ ipprovda Abraham bil-​mod kif aġixxa meta kien hemm xi nuqqas taʼ qbil! Qatt m’għandna nissagrifikaw relazzjonijiet paċifiċi għal gwadann finanzjarju, preferenzi persunali, jew kburija.

15:5, 6. Meta Abraham kien qed jixjieħ u kien għadu ma kellux tifel, hu tkellem m’Alla tiegħu dwar il-​kwistjoni. Min-​naħa tiegħu, Jehovah assigurah. Ir-​riżultat? Abraham “emmen fil-​Mulej” jew poġġa fidi fih. Jekk niftħu qalbna maʼ Jehovah fit-​talb, naċċettaw l-​assiguranzi tiegħu mill-​Bibbja, u nobduh, il-​fidi tagħna se tissaħħaħ.

15:16. Jehovah żamm lura milli jġib il-​ġudizzju tiegħu fuq l-​Amurrin (jew, il-​Kangħanin) għal erbaʼ ġenerazzjonijiet. Għala? Għax hu Alla paċenzjuż. Hu stenna sakemm kull tama taʼ titjib kienet spiċċat. Bħal Jehovah, aħna rridu nkunu paċenzjużi.

18:23-33. Jehovah ma jeqridx lin-​nies bl-​addoċċ. Hu jipproteġi lill-​ġusti.

19:16. Lot baqaʼ “jitnikker,” u l-​anġli kważi kellhom ikaxkru lilu u lill-​familja tiegħu ’l barra mill-​belt taʼ Sodoma. Aħna nkunu għaqlin jekk ma nitilfux is-​sens t’urġenza tagħna waqt li nistennew it-​tmiem taʼ din id-​dinja mill-​agħar.

19:26. Kemm ikun taʼ bluha li niġu mfixklin jew inħarsu lura mxennqin għall-​affarijiet li ħallejna warajna fid-​dinja!

ĠAKOBB KELLU 12-IL TIFEL

(Ġenesi 24:1–36:43)

Abraham irranġa ż-​żwieġ taʼ Iżakk maʼ Rebekka, mara li kellha fidi f’Jehovah. Hi wildet lit-​tewmin Għesaw u Ġakobb. Għesaw m’apprezzax il-​primoġenitura tiegħu u biegħha lil Ġakobb, li iktar tard irċieva l-​barka taʼ missieru. Ġakobb ħarab lejn Fiddien-aram, fejn iżżewweġ lil Lija u lil Rakel u ħa ħsieb l-​imrieħel taʼ missierhom għal xi 20 sena qabel ma telaq bil-​familja tiegħu. Minn Lija, Rakel u ż-​żewġ qaddejja tagħhom, Ġakobb kellu 12-il tifel u tifla waħda. Ġakobb issielet m’anġlu u ġie mbierek, u ismu ġie mibdul għal Iżrael.

Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:

28:12, 13—X’kien is-​sinifikat tal-​ħolma taʼ Ġakobb li kienet tinvolvi “sellum”? Dan is-​“sellum,” li forsi kien jixbah taraġ tal-​ġebel, indika li hemm komunikazzjoni bejn l-​art u s-​smewwiet. Il-​fatt li l-​anġli t’Alla telgħin u neżlin mas-​sellum wera li l-​anġli jimministraw b’xi mod importanti bejn Jehovah u l-​bnedmin li għandhom l-​approvazzjoni tiegħu.—Ġwanni 1:51.

30:14, 15—Rakel għala rrifjutat opportunità li tnissel u minflok ħadet xi mandragori? Fiż-​żminijiet tal-​qedem, il-​frott tal-​pjanta tal-​mandragori kien jintuża fil-​mediċina bħala xi ħaġa li traqqad u biex tilqaʼ kontra l-​ġbid qawwi fil-​muskoli jew tipprovdi serħan għalih. Il-​frotta kienet ukoll magħrufa għall-​kapaċità li tqanqal xewqa sesswali u biex iżżid il-​fertilità tal-​bnedmin jew biex tgħin fil-​konċepiment. (L-Għanja taʼ l-​Għanjiet 7:14 [7:13, NW]) Waqt li l-​Bibbja ma tgħidilniex il-​motivi għala Rakel għażlet lilhom, hi forsi ħasbet li l-​mandragori kienu se jgħinuha tnissel, u b’hekk ma tibqax tiġi mmaqdra għax ma setgħetx ikollha tfal. Madankollu, għaddew ftit tas-​snin qabel ma Jehovah “fetħilha ġufha.”—Ġenesi 30:22-24.

Lezzjonijiet Għalina:

25:23. Jehovah għandu l-​abbiltà jkun jaf l-​inklinazzjoni ġenetika taʼ tarbija li għadha ma twilditx u biex jeżerċita l-​għarfien tiegħu minn qabel u jagħżel lil min jixtieq għall-​iskopijiet tiegħu. Madankollu, hu ma jiddeterminax minn qabel id-​destin finali taʼ individwi.—Hosegħa 12:4 (12:3, NW); Rumani 9:10-12.

25:32, 33; 32:25-30 (32:24-29, NW). It-​tħassib taʼ Ġakobb dwar li jikseb il-​primoġenitura u l-​fatt li dam jissielet lejl sħiħ m’anġlu biex jikseb barka juru li hu verament kien japprezza l-​affarijiet sagri. Jehovah fdana b’numru t’affarijiet sagri, bħar-​relazzjoni tagħna miegħu u maʼ l-​organizzazzjoni tiegħu, il-​fidwa, il-​Bibbja, u t-​tama tagħna tas-​Saltna. Jalla nkunu bħal Ġakobb u nuru apprezzament għalihom.

34:1, 30. Il-​problema li ġagħlet lin-​nies jobogħdu lil Ġakobb bdiet għax Dina għamlet ħbieb maʼ nies li ma kinux iħobbu lil Jehovah. Aħna rridu nagħżlu l-​ħbieb tagħna bil-​għaqal.

JEHOVAH BIEREK LIL ĠUŻEPPI FL-​EĠITTU

(Ġenesi 37:1–50:26)

L-​għira qanqlet lil ulied Ġakobb biex ibigħu lil ħuhom Ġużeppi bħala skjav. Fl-​Eġittu, Ġużeppi ġie mitfugħ il-​ħabs għax bil-​lealtà u bil-​kuraġġ żamm mal-​livelli morali t’Alla. Maż-​żmien, ħarġuh mill-​ħabs biex jinterpreta l-​ħolm tal-​Fargħun, li bassar sebaʼ snin t’abbundanza u wara sebaʼ snin taʼ ġuħ. Ġużeppi mbagħad inħatar bħala l-​amministratur taʼ l-​ikel fl-​Eġittu. Ħutu marru l-​Eġittu jfittxu l-​ikel minħabba l-​ġuħ. Il-​familja reġgħet ngħaqdet u ssetiljat fl-​art fertili taʼ Gosen. Fuq is-​sodda tal-​mewt tiegħu, Ġakobb bierek lil uliedu u lissen profezija li tat tama ċerta taʼ barkiet kbar għal sekli oħra fil-​futur. Il-​ġisem taʼ Ġakobb ittieħed lejn Kangħan għad-​dfin. Meta Ġużeppi miet fl-​età taʼ 110 snin, ġismu ġie bbalzmat, u eventwalment ittieħed lejn l-​Art Imwiegħda.—Eżodu 13:19.

Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:

43:32—Għall-​Eġizzjani għala kienet xi ħaġa taʼ stmerrija li jieklu mal-​Lhud? Dan x’aktarx li kien minħabba preġudizzju reliġjuż jew kburija razzjali. L-​Eġizzjani kienu jobogħdu lir-​rgħajja wkoll. (Ġenesi 46:34) Għala? Ir-​rgħajja forsi sempliċement kellhom stat baxx ħafna fl-​Eġittu. Jew forsi kien li ladarba l-​art għall-​kultivazzjoni kienet limitata, l-​Eġizzjani kienu jobogħdu lil dawk li kienu jfittxu l-​art għall-​mergħat tagħhom.

44:5—Ġużeppi verament uża koppa biex jaqra x-​xorti? Il-​koppa tal-​fidda u dak li ntqal dwarha kienu b’mod evidenti parti minn pjan makakk. Ġużeppi kien qaddej leali taʼ Jehovah. Hu mhux veru uża koppa biex jaqra x-​xorti, saħansitra bħalma Benjamin mhux veru seraqha.

49:10—X’inhu t-​tifsir tax-​“xettru” u “l-​ħatar”? Xettru huwa bastun li ħakkiem iżomm f’idu bħala simbolu t’awtorità rjali. Il-​ħatar tal-​mexxej huwa lasta twila li turi l-​qawwa tiegħu biex jikkmanda. Ir-​referenza taʼ Ġużeppi għal dawn l-​affarijiet indikat li awtorità u qawwa kbira kienu se jkunu mat-​tribù taʼ Ġuda sakemm jiġi Silo. Dan id-​dixxendent taʼ Ġuda hu Ġesù Kristu, il-​wieħed li Jehovah tah il-​ħakma fis-​smewwiet. Kristu għandu awtorità rjali u jippossiedi l-​qawwa li jikkmanda.—Salm 2:8, 9; Isaija 55:4; Danjel 7:13, 14.

Lezzjonijiet Għalina:

38:26. Ġuda għamel ħażin fil-​mod kif aġixxa maʼ Tamar, l-​armla taʼ ibnu. Madankollu, meta qaltlu li hu kien responsabbli għat-​tqala tagħha, Ġuda bl-​umiltà ammetta l-​iżball tiegħu. Aħna wkoll għandna nagħrfu l-​iżbalji tagħna minnufih.

39:9. It-​tweġiba taʼ Ġużeppi lill-​mara taʼ Putifar turi li l-​ħsieb tiegħu kien fi qbil mal-​ħsieb t’Alla fuq il-​kwistjoni taʼ morali u li l-​kuxjenza tiegħu kienet gwidata minn prinċipji divini. M’għandniex aħna wkoll nistinkaw biex inkunu bħalu iktar ma niksbu għarfien eżatt tal-​verità?

41:14-16, 39, 40. Jehovah jistaʼ jdawwar iċ-​ċirkustanzi għal dawk li jibżgħu minnu. Meta niltaqgħu mad-​diffikultajiet, aħna nkunu għaqlin jekk nafdaw f’Jehovah u nibqgħu leali lejh.

Kellhom Fidi Soda

Abraham, Iżakk, Ġakobb, u Ġużeppi kienu tabilħaqq irġiel taʼ fidi li kellhom il-​biżaʼ t’Alla. Ir-​rakkont taʼ ħajjithom, imniżżel fil-​ktieb tal-​Ġenesi, verament isaħħaħ il-​fidi u jgħallimna ħafna lezzjonijiet taʼ siwi.

Int tistaʼ tibbenefika minn dan ir-​rakkont waqt li tagħmel il-​qari tal-​Bibbja tiegħek taʼ kull ġimgħa għall-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku. Billi tikkunsidra dan il-​materjal, ir-​rakkont se jieħu l-​ħajja.

[Nota taʼ taħt]

a Ara l-​artiklu “Il-​Kelma taʼ Jehovah Hi Ħajja—Punti Prinċipali mill-​Ktieb tal-​Ġenesi—I” fil-​ħarġa tat-​Torri taʼ l-​Għassa taʼ l-​1 taʼ Jannar, 2004.

[Stampa f’paġna 26]

Abraham kien raġel taʼ fidi

[Stampa f’paġna 26]

Jehovah bierek lil Ġużeppi

[Stampa f’paġna 26]

Ir-​raġel ġust Lot u l-​bniet tiegħu ġew salvati

[Stampa f’paġna 29]

Ġakobb apprezza affarijiet sagri. Int tapprezzahom?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja