Uħud Imdaħħlin fiż-Żmien—Membri Prezzjużi tal-Fratellanza Kristjana Tagħna
“[Dawk] imħawwlin f’dar il-Mulej, iħaddru . . . Sa fi xjuħithom il-frott jagħmlu.”—SALM 92:14, 15 (92:13, 14, NW).
1. Ħafna nies kif iqisuhom lill-uħud imdaħħlin fiż-żmien?
JEHOVAH iħobb lill-qaddejja leali kollha tiegħu, inkluż dawk imdaħħlin fiż-żmien. Madankollu, skond kalkolu nazzjonali li sar, kull sena kważi nofs miljun persuna anzjana fl-Istati Uniti jsofru minn xi forma t’abbuż jew nuqqas t’attenzjoni. Rapporti simili minn madwar id-dinja jindikaw li l-abbuż tan-nies anzjani huwa problema globali. Organizzazzjoni waħda tirreferi għall-kaġun bażiku taʼ din il-problema bħala “l-attitudni komuni li għandhom ħafna nies . . . li persuni avanzati fl-età m’għadhomx utli, m’humiex produttivi u jiddependu żżejjed minn ħaddieħor.”
2. (a) Jehovah kif iqishom lill-qaddejja leali tiegħu mdaħħlin fiż-żmien? (b) Liema deskrizzjoni li tqawwilna qalbna nsibu f’Salm 92:13-16?
2 Alla Jehovah jgħożż lill-qaddejja leali tiegħu li huma mdaħħlin fiż-żmien. Hu jiffoka fuq “il-bniedem taʼ ġewwa”—il-qagħda spiritwali tagħna—u mhux fuq il-limitazzjonijiet fiżiċi tagħna. (2 Korintin 4:16) Fil-Kelma tiegħu, il-Bibbja, insibu din l-assiguranza li tqawwilna qalbna: “Il-bniedem ġust bħall-palma jħaddar, bħal ċedru tal-Libanu jikber. Mħawwlin f’dar il-Mulej, iħaddru fil-btieħi tat-tempju taʼ Alla tagħna. Sa fi xjuħithom il-frott jagħmlu, kollha ħajja u ħdura, biex ixandru li ġust hu l-Mulej.” (Salm 92:13-16 [92:12-15, NW]) Meta nikkunsidraw dawn il-versi naraw kemm uħud imdaħħlin fiż-żmien jistgħu jagħtu kontribut imprezzabbli għall-fratellanza Kristjana.
‘Jagħmlu l-Frott sa fi Xjuħithom’
3. (a) L-uħud ġusti għala huma mxebbhin maʼ siġar tal-palm? (b) Uħud avanzati fl-età kif jistgħu ‘jagħmlu l-frott sa fi xjuħithom’?
3 Is-salmista jxebbah lin-nies ġusti maʼ siġar tal-palm ‘imħawlin fil-btieħi tat-tempju taʼ Alla tagħna.’ Huma jibqgħu ‘jagħmlu l-frott sa fi xjuħithom.’ Ma taqbilx li dan hu ħsieb inkuraġġanti? Is-siġar grazzjużi u dritti tal-palm kienu dehra komuni fil-btieħi taʼ pajjiżi Bibliċi. Minbarra li s-siġar tal-palm isebbħu l-ambjent, kienu wkoll imprezzabbli minħabba li jipproduċu frott bl-abbundanza, u xi siġar minnhom ikomplu jagħmlu dan għal iktar minn mitt sena.a Jekk tibqaʼ mħawwel fis-sod fil-qima vera, int ukoll tistaʼ tibqaʼ tagħmel “frott taʼ kull opra tajba.”—Kolossin 1:10.
4, 5. (a) Il-Kristjani liema frott importanti jeħtieġ li jipproduċu? (b) Agħti eżempji Skritturali taʼ wħud imdaħħlin fiż-żmien li pproduċew ‘il-frott tax-xofftejn.’
4 Jehovah jistenna li l-Kristjani jipproduċu ‘l-frott tax-xofftejn’—kliem taʼ tifħir dwaru u dwar l-iskopijiet tiegħu. (Lhud 13:15, Saydon) Japplika dan għalik bħala individwu mdaħħal fiż-żmien? Dażgur li japplika.
5 Il-Bibbja fiha eżempji taʼ wħud imdaħħlin fiż-żmien li taw xiehda bla biżaʼ dwar l-isem u l-iskopijiet taʼ Jehovah. Mosè kien diġà qabeż is-“sebgħin sena” meta Jehovah inkarigah bħala l-profeta u r-rappreżentant tiegħu. (Salm 90:10; Eżodu 4:10-17) L-età avanzata ma waqqfitx lill-profeta Danjel milli jagħti xiehda bla biżaʼ dwar is-sovranità taʼ Jehovah. X’aktarx li Danjel kien qabeż sew id-90 sena meta Beltassar bagħat għalih biex jinterpreta l-kitba misterjuża fuq il-ħajt. (Danjel, kapitlu 5) U xi ngħidu għall-appostlu xwejjaħ Ġwanni? Lejn it-tmiem tal-karriera twila tiegħu, hu sab ruħu priġunier fuq il-gżira taʼ Patmos “minħabba l-kelma taʼ Alla u x-xhieda taʼ Ġesù.” (Apokalissi 1:9) X’aktarx li int tistaʼ tiftakar f’ħafna karattri Bibliċi oħrajn li pproduċew ‘il-frott tax-xofftejn’ meta kienu kibru fl-età.—1 Samwel 8:1, 10; 12:2; 1 Slaten 14:4, 5; Luqa 1:7, 67-79; 2:22-32.
6. Jehovah kif uża “x-xjuħ” biex jipprofetizzaw f’dawn l-aħħar jiem?
6 Filwaqt li kkwota lil Ġoel, il-profeta Ebrew, l-appostlu Pietru ddikjara: “‘Jiġri fl-aħħar jiem,’ jgħid Alla, ‘li jiena nsawwab mill-Ispirtu tiegħi fuq kull bniedem [inkluż “ix-xjuħ”], . . . u jħabbru.’” (Atti 2:17, 18; Ġoel 3:1 [2:28, NW]) Fi qbil maʼ dan, f’dawn l-aħħar jiem, Jehovah uża membri mdaħħlin fiż-żmien mill-klassi tal-midlukin u tan-“nagħaġ oħra” biex jiddikjaraw l-iskopijiet tiegħu. (Ġwanni 10:16) Xi wħud minn dawn ilhom għexur taʼ snin jipproduċu lealment il-frott tas-Saltna.
7. Uri kif uħud imdaħħlin fiż-żmien ikomplu jipproduċu frott tas-Saltna minkejja limitazzjonijiet fiżiċi.
7 Ejja nieħdu lil Sonia, li saret pubblikatriċi full-time tas-Saltna fl-1941. Minkejja ġlieda kontinwa minħabba marda kronika, hi kienet tikkonduċi regolarment studji tal-Bibbja f’darha. “L-ippridkar taʼ l-aħbar tajba huwa parti minn ħajti,” spjegat Sonia. “Fil-fatt, dan sar ħajti. Ma rridx nirtira.” Ftit taż-żmien ilu, Sonia u Olive, oħtha, qasmu l-messaġġ taʼ tama mill-Bibbja maʼ Janet, pazjenta b’marda fatali li ltaqgħu magħha fil-kju taʼ l-isptar. Omm Janet, Kattolika devota, tant baqgħet impressjonata bl-interess li wrew f’bintha illi aċċettat l-offerta taʼ studju tal-Bibbja fid-dar u issa qed tagħmel progress ġmielu. Tistaʼ int taħtaf opportunitajiet simili biex tipproduċi l-frott tas-Saltna?
8. Ix-xwejjaħ Kaleb kif wera l-fiduċja tiegħu f’Jehovah, u l-Kristjani mdaħħlin fiż-żmien kif jistgħu jimitaw l-eżempju tiegħu?
8 Billi jkomplu jippersistu bil-kuraġġ fix-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna minkejja l-limitazzjonijiet li jiġu bix-xjuħija, Kristjani mdaħħlin fiż-żmien qed jimxu fuq leżempju taʼ Kaleb, Iżraeli leali li akkumpanja lil Mosè fid-deżert għal erbgħin sena. Kaleb kellu 79 sena meta qasam ix-Xmara Ġordan għal ġo l-Art Imwiegħda. Wara li kien ilu sitt snin jaqdi bħala suldat fl-armata rebbieħa taʼ Iżrael, hu setaʼ kkuntenta b’li kien għamel u rtira. Imma le, hu talab li jingħata l-inkarigu diffiċli taʼ li jmur jirbaħ il-“bliet kbar u mdawwra bis-swar” fir-reġjun muntanjuż tal-Lhudija, post abitat mill-Għanakin, irġiel taʼ daqs mhux tas-soltu. Bl-għajnuna taʼ Jehovah, Kaleb irnexxielu ‘jkeċċihom bħalma wiegħdu l-Mulej.’ (Ġożwè 14:9-14; 15:13, 14) Ibqaʼ ċert li Jehovah ikun miegħek, l-istess bħalma kien maʼ Kaleb, hekk kif tkompli tipproduċi l-frott tas-Saltna fi xjuħitek. U jekk tibqaʼ leali, hu se jħallik tidħol fid-dinja l-ġdida li wegħedna.—Isaija 40:29-31; 2 Pietru 3:13.
Se Jibqgħu “Kollhom Ħajja u Ħdura”
9, 10. Il-Kristjani mdaħħlin fiż-żmien kif jibqgħu jissaħħu fil-fidi u jżommu l-ħeġġa spiritwali tagħhom? (Ara l-kaxxa f’paġna 13.)
9 Meta semma l-frott li huma kapaċi jipproduċu l-qaddejja xjuħ taʼ Jehovah, is-salmista kanta: “Il-bniedem ġust bħall-palma jħaddar, bħal ċedru tal-Libanu jikber. Sa fi xjuħithom il-frott jagħmlu, kollha ħajja u ħdura.”—Salm 92:13, 15 (92:12, 14, NW).
10 Kif tistaʼ tibqaʼ mimli ħeġġa spiritwali minkejja l-età avanzata? Is-sigriet tas-sbuħija dejjiema tas-siġra tal-palm huwa l-ilma ġieri li ma jaqtaʼ qatt. Bl-istess mod, int tistaʼ ssostni lilek innifsek bl-ilmijiet tal-verità Biblika billi tistudja l-Kelma t’Alla u tassoċja maʼ l-organizzazzjoni tiegħu. (Salm 1:1-3; Ġeremija 17:7, 8) Is-saħħa spiritwali tiegħek tagħmlek utli u prezzjuż għal sħabek fit-twemmin. Ikkunsidra kif dan kien minnu fil-każ tal-Qassis il-Kbir xwejjaħ Ġeħojada.
11, 12. (a) Ġeħojada liema rwol vitali kellu fl-istorja tas-saltna taʼ Ġuda? (b) Ġeħojada kif uża l-influwenza tiegħu biex jappoġġa l-qima vera?
11 Ġeħojada x’aktarx li kellu iktar minn mitt sena meta r-Reġina ambizzjuża Għatalija ħadet il-kontroll taʼ Ġuda billi qatlet lin-neputijiet tagħha stess. X’setaʼ jagħmel ix-xwejjaħ Ġeħojada? Għal sitt snin hu u martu ħbew fit-tempju lil Ġowas, l-uniku eredi rjali li kien baqaʼ ħaj. Imbagħad, b’mod drammatiku, Ġeħojada pproklama sultan lil Ġowas li kellu sebaʼ snin u ordna l-qtil taʼ Għatalija.—2 Kronaki 22:10-12; 23:1-3, 15, 21.
12 Bħala l-kustodju tas-sultan, Ġeħojada uża l-influwenza tiegħu biex jappoġġa l-qima vera. Hu għamel “patt bejnu u bejn il-poplu kollu, u bejn is-sultan, li jkunu l-poplu tal-Mulej.” Maʼ l-ordni taʼ Ġeħojada, in-nies ġarrfu t-tempju taʼ l-alla falz Bagħal u neħħew l-artali, ix-xbihat, u l-qassis tiegħu. Kien ukoll taħt il-gwida taʼ Ġeħojada li Ġowas irrestawra l-qadi fit-tempju u wettaq xogħol taʼ tiswija tant meħtieġ fuq it-tempju. “[Ġowas] għamel is-sewwa f’għajnejn il-Mulej iż-żmien kollu li kien imexxih Ġeħojada, il-qassis.” (2 Kronaki 23:11, 16-19; 24:11-14; 2Slaten 12:3 [12:2, NW]) Meta miet fl-età taʼ 130 sena, Ġeħojada ngħata l-unur speċjali ħafna li jindifen mas-slaten għax hu kien “għamel is-sewwa f’Iżrael maʼ Alla u t-tempju tiegħu.”—2 Kronaki 24:15, 16.
13. Il-Kristjani mdaħħlin fiż-żmien kif jistgħu ‘jagħmlu s-sewwa maʼ Alla u t-tempju tiegħu’?
13 Jistaʼ jkun li s-saħħa batuta jew ċirkustanzi oħrajn jillimitawk f’dak li tistaʼ tagħmel biex tappoġġa l-qima vera. Anki jekk dan hu minnu, xorta tistaʼ ‘tagħmel is-sewwa maʼ Alla u t-tempju tiegħu.’ Tistaʼ turi ż-żelu għat-tempju spiritwali taʼ Jehovah billi tattendi u tipparteċipa fil-laqgħat tal-kongregazzjoni u billi tieħu sehem fil-ministeru taʼ l-għalqa kulmeta tistaʼ. Int tistaʼ ssaħħaħ il-fratellanza Kristjana billi taċċetta minn qalbek il-pariri tal-Bibbja u tappoġġa lealment lill-“ilsir leali u diskret.” (Mattew 24:45-47, NW) Tistaʼ wkoll tħajjar lil sħabek fit-twemmin “għall-imħabba u għall-għemil tajjeb.” (Lhud 10:24, 25; Filemon 8, 9) U int se tkun barka għal ħaddieħor jekk taġixxi fi qbil mal-parir taʼ l-appostlu Pawlu: “Li x-xjuħ ikunu rżina, għaqlin, serji, meqjusa, sħaħ [“vigorużi,” An American Translation] fil-fidi, fl-imħabba u fis-sabar. L-istess in-nisa xjuħ: għandhom iġibu ruħhom kif jixraq lil nisa qaddisa; ma jqassux fuq ħaddieħor, anqas ikunu lsiera taʼ l-inbid; għandhom jgħallmu t-tajjeb.”—Titu 2:2-4.
14. X’jistgħu jagħmlu l-Kristjani li ilhom ħafna żmien jaqdu bħala indokraturi biex jappoġġaw il-qima vera?
14 Ilek taqdi bħala anzjan fil-kongregazzjoni għal bosta snin? “Uża mingħajr egoiżmu l-għerf li ksibt matul is-snin,” huwa l-parir taʼ wieħed li ilu ħafna żmien jaqdi bħala anzjan fil-kongregazzjoni. “Iddelega r-responsabbiltà, u aqsam l-esperjenza tiegħek m’oħrajn li jixtiequ jitgħallmu . . . Ara x’potenzjal għandu ħaddieħor. Żviluppah u ikkultivah. Ħejji għall-futur.” (Dewteronomju 3:27, 28) L-interess ġenwin tiegħek fix-xogħol tas-Saltna li dejjem jikber se jirriżulta f’ħafna barkiet għal oħrajn ġewwa l-fratellanza Kristjana tagħna.
‘Xandar li Jehovah Hu Ġust’
15. Il-Kristjani mdaħħlin fiż-żmien kif ‘ixandru li Jehovah hu ġust’?
15 Il-qaddejja t’Alla mdaħħlin fiż-żmien iwettqu bil-ferħ ir-responsabbiltà tagħhom li ‘jxandru li Jehovah hu ġust.’ Jekk int Kristjan imdaħħal fiż-żmien, il-kliem u l-aġir tiegħek jistgħu juru lil ħaddieħor li Jehovah ‘hu l-blata tiegħek, u ebda qerq ma jinsab fih.’ (Salm 92:16 [92:15, NW]) Is-siġra tal-palm tagħti xiehda siekta dwar il-kwalitajiet supremi tal-Ħallieq tagħha. Imma Jehovah tak il-privileġġ li tagħti xiehda dwaru lil dawk li issa qed iħaddnu l-qima vera. (Dewteronomju 32:7; Salm 71:17, 18; Ġoel 1:2, 3) Dan għala huwa importanti?
16. Liema eżempju Bibliku juri l-importanza taʼ li ‘nxandru li Jehovah hu ġust’?
16 Meta l-mexxej Iżraeli Ġożwè kien “xiħ u mdaħħal fiż-żmien,” hu “sejjaħ lil Iżrael kollu, lix-xjuħ tiegħu, u ’l-kapijiet u lill-imħallfin u ’l-uffiċjali tiegħu,” u fakkarhom fl-atti ġusti t’Alla. Hu qal: “Ebda waħda mill-wegħdiet taʼ ġid li għamlilkom il-Mulej, Alla tagħkom, ma naqset. Kollha seħħulkom.” (Ġożwè 23:1, 2, 14) Għal xi żmien, dan il-kliem saħħaħ ir-rieda tan-nies biex jibqgħu leali. Madankollu, wara l-mewt taʼ Ġożwè, “telgħet ġenerazzjoni oħra . . . li ma kinitx taf il-Mulej u anqas x’għamel il-Mulej għal Iżrael. U wlied Iżrael għamlu l-ħażin f’għajnejn il-Mulej u servew l-allat Bagħalim.”—Mħallfin 2:8-11.
17. Jehovah kif mexa mal-poplu tiegħu fi żmienna?
17 L-integrità tal-kongregazzjoni Kristjana fi żmienna ma tiddependix fuq ix-xiehda bil-fomm tal-qaddejja t’Alla mdaħħlin fiż-żmien. Madankollu, il-fidi tagħna f’Jehovah u fil-wegħdi tiegħu tissaħħaħ meta nisimgħu b’widnejna rakkonti taʼ l-“opri kbar” li hu għamel għall-poplu tiegħu f’dawn l-aħħar jiem. (Mħallfin 2:7; 2 Pietru 1:16-19) Jekk ilek tassoċja maʼ l-organizzazzjoni taʼ Jehovah għal ħafna snin, x’aktarx li tiftakar iż-żmien meta kien hemm ftit proklamaturi tas-Saltna fil-pajjiż tiegħek jew meta kien hemm ħafna oppożizzjoni ħarxa kontra x-xogħol taʼ l-ippridkar. Maż-żmien, rajt lil Jehovah ineħħi ċerti ostakli u jkabbar l-għadd taʼ pubblikaturi tas-Saltna. (Isaija 54:17; 60:22) Innotajt kif ġew iċċarati veritajiet Bibliċi u rajt b’għajnejk kif l-organizzazzjoni t’Alla fuq l-art kompliet tirfina b’mod progressiv. (Proverbji 4:18; Isaija 60:17) Tipprova int tibni lil oħrajn billi taqsam magħhom l-esperjenza tiegħek dwar l-atti ġusti taʼ Jehovah? X’effett pożittiv u qawwi jistaʼ jkollu dan fuq il-fratellanza Kristjana!
18. (a) Spjega x’effett fit-tul ikun hemm meta ‘nxandru li Jehovah hu ġust.’ (b) Int kif esperjenzajt personalment il-ġustizzja taʼ Jehovah?
18 Xi ngħidu dwar kemm-il darba Jehovah ħa ħsiebek bl-imħabba u pprovdielek gwida fil-ħajja persunali tiegħek? (Salm 37:25; Mattew 6:33; 1 Pietru 5:7) Oħt anzjana jisimha Martha kienet tinkuraġġixxi lil oħrajn billi tgħidilhom: “Jiġri x’jiġri, tabbandunah qatt lil Jehovah. Hu jieħu ħsiebek.” Dan il-parir kellu effett profond fuq Tolmina, waħda mill-istudenti tal-Bibbja li kellha Martha u li tgħammdet fil-bidu tas-snin 60. “Meta miet żewġi,” tiftakar Tolmina, “ħassejtni skuraġġita ħafna, imma dak il-kliem għamilni determinata biex ma nitlifx laqgħa waħda. U Jehovah verament saħħaħni biex nibqaʼ għaddejja.” Matul is-snin, Tolmina tat dan l-istess parir lil ħafna mill-istudenti tagħha tal-Bibbja. Tabilħaqq, billi toffri inkuraġġiment u titkellem dwar l-atti ġusti taʼ Jehovah, int tistaʼ tagħmel ħafna biex tibni l-fidi taʼ sħabek fit-twemmin.
Jehovah Jgħożż lil Uħud Leali Mdaħħlin fiż-Żmien
19, 20. (a) Jehovah kif iħares lejn l-attivitajiet tal-qaddejja tiegħu mdaħħlin fiż-żmien? (b) X’se nikkunsidraw fl-artiklu li jmiss?
19 Id-dinja taʼ llum, mimlija b’nuqqas taʼ gratitudni, ftit għandha żmien għan-nies anzjani. (2 Timotju 3:1, 2) Meta n-nies jiftakru fix-xjuħ, ġeneralment isemmu xi rnexxielhom jagħmlu fl-antik—x’kienu qabel, u mhux x’inhuma issa. B’kuntrast, il-Bibbja tgħid: “Għax Alla m’hux se jkun hekk inġust li jinsa dak li intom għamiltu u l-imħabba li wrejtu lejn ismu meta qdejtu u għadkom taqdu lill-qaddisin.” (Lhud 6:10) M’għandniex xi ngħidu, Alla Jehovah jiftakar fix-xogħol leali tiegħek tal-passat. Imma hu jqisek prezzjuż ukoll għal dak li qed tkompli tagħmel fis-servizz tiegħu. Iva, hu jqis lil uħud leali mdaħħlin fiż-żmien bħala Kristjani produttivi, vigorużi, u f’saħħithom spiritwalment—xiehda ħajja tal-qawwa tiegħu.—Filippin 4:13.
20 Tħares int lejn il-membri mdaħħlin fiż-żmien tal-fratellanza Kristjana tagħna bħalma jħares lejhom Jehovah? Jekk iva, se titqanqal biex turihom kemm tħobbhom. (1 Ġwanni 3:18) L-artiklu li jmiss se jikkunsidra xi modi prattiċi kif nistgħu nuru din l-imħabba billi nieħdu ħsieb il-bżonnijiet tagħhom.
[Nota taʼ taħt]
a Kull għanqud tamal jistaʼ jkollu sa elf tamla individwali u jistaʼ jiżen tmien kilogrammi jew iktar. Wieħed kittieb jikkalkula li “kull siġra [tal-palm] li tagħmel il-frott tkun tat żewġ jew tliet tunnellati tamal bħala kumpens lis-sidien tagħha matul ħajjitha.”
X’Inhuma t-Tweġibiet Tiegħek?
• L-uħud imdaħħlin fiż-żmien kif ‘jagħmlu l-frott’?
• Il-vitalità spiritwali tal-Kristjani mdaħħlin fiż-żmien għala hija kontribut prezzjuż?
• L-uħud imdaħħlin fiż-żmien kif jistgħu ‘jxandru li Jehovah hu ġust’?
• Jehovah għala jgħożż lill-qaddejja tiegħu li ilhom jaqduh għal ħafna żmien?
[Kaxxa f’paġna 13]
Kif Baqgħu Jżommu Sħaħ fil-Fidi
X’għen lil uħud li ilhom Kristjani għal ħafna żmien biex jibqgħu jżommu sħaħ fil-fidi u mimlijin ħeġġa spiritwali? Ara x’qalu xi wħud minnhom:
“Huwa importanti ħafna li naqraw skritturi li jiffokaw fuq ir-relazzjoni tagħna maʼ Jehovah. Ħafna drabi, fil-għaxija noqgħod naqra Salm 23 u 91.”—Olive, mgħammda fl-1930.
“Jien nagħmel ċert li nkun preżenti għal kull taħdita tal-magħmudija u nagħti widen sew, daqslikieku kienet il-magħmudija tiegħi. Il-fatt li nżomm id-dedikazzjoni friska f’moħħi kien pass importanti biex nibqaʼ leali.”—Harry, mgħammed fl-1946.
“It-talb kuljum huwa vitali—li dejjem nitolbu għall-għajnuna, il-protezzjoni, u l-barka taʼ Jehovah, u ‘naħsbu fih f’kulma nagħmlu.’” (Proverbji 3:5, 6)-Antônio, mgħammed fl-1951.
“Meta nismaʼ esperjenzi taʼ wħud li għadhom jaqdu lealment lil Jehovah wara daqstant snin, insaħħaħ id-determinazzjoni tiegħi biex nibqaʼ leali lejh.”—Joan, mgħammda fl-1954.
“Huwa importanti li ma nitkabbrux iżżejjed. Kulma għandna huwa grazzi għall-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla. B’dan f’moħħna, inkunu nistgħu nħarsu fid-direzzjoni t-tajba għall-ikel spiritwali meħtieġ biex nissaportu sa l-aħħar.”—Arlene, mgħammda fl-1954.
[Stampa f’paġna 11]
L-uħud imdaħħlin fiż-żmien jipproduċu frott tas-Saltna imprezzabbli
[Stampa f’paġna 14]
Is-saħħa spiritwali tan-nies anzjani hija kontribut prezzjuż