LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w04 12/15 pp. 26-29
  • Fejn il-Qima Vera u l-Paganiżmu Ġew f’Konflitt

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Fejn il-Qima Vera u l-Paganiżmu Ġew f’Konflitt
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Post Mixtieq minn Ħafna
  • Il-​Qima Vera u l-​Paganiżmu f’Konflitt
  • It-​Tempju t’Artemi Jiddgħajjef
  • Minn Artemi għal “Omm Alla”
  • Minsija fl-​Istorja
  • Passiġġata Qalb il-​Fdalijiet t’Efesu
  • Il-Qima taʼ Alla Mara Omm Għadha Teżisti?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
  • “Jinfirex Ħafna u Jeffettwa Iktar u Iktar Nies” Minkejja l-Oppożizzjoni
    Nagħtu Xhieda bid-Dettall Dwar is-Saltna t’Alla
  • Kont Taf?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • Il-Ħames Ħrafa: Marija Hi Omm Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
w04 12/15 pp. 26-29

Fejn il-​Qima Vera u l-​Paganiżmu Ġew f’Konflitt

L-​INĦAWI fejn hemm il-​fdalijiet t’Efesu tal-​qedem, mal-​kosta tal-​punent tat-​Turkija, ilhom il-​lok taʼ riċerka arkeoloġika kbira għal iktar minn seklu. Għadd taʼ bini reġaʼ nbena, u x-​xjenzati studjaw u taw spjegazzjoni dwar bosta sejbiet. Bħala riżultat, Efesu hija waħda mill-​iktar attrazzjonijiet turistiċi popolari fit-​Turkija.

Xi nstab dwar Efesu? Xi stampa tistaʼ tingħata llum taʼ din il-​metropoli, jew belt ewlenija, antika u affaxxinanti? Jekk inżuru l-​fdalijiet t’Efesu kif ukoll il-​Mużew t’Efesu fi Vjenna, l-​Awstrija, se nifhmu kif f’Efesu l-​qima vera ġiet f’konflitt mal-​paganiżmu. Imma l-​ewwel ejja ngħaddu ftit informazzjoni dwar Efesu.

Post Mixtieq minn Ħafna

Matul is-​seklu 11 Q.E.K., l-​inkwiet u l-​emigrazzjoni kienu komuni fl-​Ewrasja. Kien f’dan iż-​żmien li l-​Griegi Jonji bdew jistabbilixxu kolonji fil-​kosta tal-​punent taʼ l-​Asja Minuri. Dawn l-​abitanti tal-​bidu ltaqgħu maʼ nies oħrajn li kienu magħrufin li jqimu lil alla omm, divinità li iktar tard saret magħrufa bħala Artemi t’Efesu.

F’nofs is-​sebaʼ seklu Q.E.K., iċ-​Ċimmerji nomadiċi niżlu mill-​inħawi tal-​Baħar l-​Iswed fit-​tramuntana u kaxkru magħhom kulma setgħu jisirqu mill-​Asja Minuri. Iktar tard, madwar is-​sena 550 Q.E.K., kiseb il-​poter is-​Sultan Kresu taʼ Lidja, ħakkiem taʼ qawwa kbira magħruf għall-​għana enormi li kellu. Imbagħad, hekk kif l-​Imperu Persjan kompla jinfirex, is-​Sultan Ċiru ħa taħt idejh il-​bliet Jonji, inkluż Efesu.

Fis-sena 334 Q.E.K., Alessandru tal-​Maċedonja beda l-​kampanja tiegħu kontra l-​Persja, u b’hekk sar il-​ħakkiem il-​ġdid t’Efesu. Mal-​mewt ħesrem t’Alessandru fis-​sena 323 Q.E.K., Efesu spiċċat biex kienet waħda mill-​bliet li ġġieldu għaliha l-​ġenerali tiegħu. Fis-​sena 133 Q.E.K., Attalu III, is-​sultan taʼ Pergamu li ma kellux tfal, ħalla ’l Efesu lir-​Rumani biex b’hekk din saret parti mill-​provinċja Rumana taʼ l-​Asja.

Il-​Qima Vera u l-​Paganiżmu f’Konflitt

Meta l-​appostlu Pawlu mar Efesu lejn tmiem it-​tieni vjaġġ missjunarju tiegħu fl-​ewwel seklu E.K., hu sab belt li kellha madwar 300,000 resident. (Atti 18:19-21) Matul it-​tielet vjaġġ missjunarju tiegħu, Pawlu reġaʼ mar Efesu u mimli qlubija tkellem dwar is-​Saltna t’Alla fis-​sinagoga. Madankollu, wara tliet xhur, l-​oppożizzjoni mil-​Lhud kompliet tiħrax u Pawlu ddeċieda li jagħti t-​taħditiet tiegħu taʼ kuljum fis-​sala taʼ l-​iskola taʼ Tirannu. (Atti 19:1, 8, 9) Hu kompla bl-​attività tiegħu taʼ l-​ippridkar għal sentejn sħaħ, filwaqt li għamel diversi għemejjel setgħana u straordinarji, bħall-​fejqan mirakoluż u t-​tkeċċija tad-​demonji. (Atti 19:10-17) Mhux taʼ b’xejn li kien hemm ħafna li saru jemmnu! Iva, il-​kelma taʼ Ġeħova tant infirxet li ħafna wħud li kienu jipprattikaw l-​arti tal-​maġija ħarqu minn jeddhom il-​kotba prezzjużi tagħhom.—Atti 19:19, 20.

L-ippridkar taʼ Pawlu kellu suċċess, u dan mhux biss qanqal lil ħafna nies biex ma jibqgħux iqimu lid-​divina Artemi imma wkoll qajjem l-​għadab taʼ dawk li kienu jippromwovu qima pagana bħal din. Il-​produzzjoni tan-​niċeċ tal-​fidda t’Artemi kien negozju li jrendi ħafna. Hekk kif ra x-​xogħol tagħhom mhedded, ċertu Demetriju xewwex lill-​arġentiera biex jirribellaw.—Atti 19:23-32.

Dan il-​konflitt laħaq il-​quċċata tiegħu bl-​għajat isteriku tal-​folla li dam sejjer sagħtejn sħaħ: “Kbira Artemi taʼ l-​Efesin!” (Atti 19:34) Meta r-​rewwixta kkwitat, Pawlu għal darb’oħra ħeġġeġ lil sħabu l-​Kristjani u kompla bil-​vjaġġ tiegħu. (Atti 20:1) Iżda minkejja t-​tluq tiegħu lejn il-​Maċedonja, il-​kult t’Artemi xorta baqaʼ jiddgħajjef u jiġi fix-​xejn.

It-​Tempju t’Artemi Jiddgħajjef

Il-​kult t’Artemi kien imqabbad sew f’Efesu. Qabel il-​ħakma tas-​Sultan Kresu, l-​alla omm Ċibele kienet il-​karattru prinċipali fil-​ħajja reliġjuża taʼ dawk l-​inħawi. Billi ħoloq linja ġenealoġika immaġinarja biex juri li Ċibele kienet tiġi mill-​allat Griegi, Kresu ttama li jistabbilixxi persunaġġ reliġjuż aċċettabbli kemm għall-​Griegi kif ukoll għal dawk li ma kinux Griegi. Bl-​appoġġ tiegħu, f’nofs is-​sitt seklu Q.E.K., inbeda x-​xogħol fuq it-​tempju t’Artemi, is-​suċċessura taʼ Ċibele.

It-tempju kien kapulavur mill-​aqwa taʼ l-​arkitettura Griega. Qatt qabel ma kienu ntużaw blokki taʼ l-​irħam daqshekk kbar sabiex jinħoloq bini taʼ dan it-​tip u daqs. Dan it-​tempju nqered bin-​nar fis-​sena 356 Q.E.K. It-​tempju li ttellaʼ warajh kien jispikka daqs taʼ qablu, u minbarra li kien sors importanti taʼ xogħol kien ukoll attrazzjoni ewlenija għall-​pellegrini. Mibni fuq pjattaforma wiesgħa madwar 73 metru u twila madwar 127 metru, it-​tempju l-​ġdid bejn wieħed u ieħor kien fih 50 metru mill-​wisaʼ u 105 metri mit-​tul. Dan it-​tempju kien meqjus bħala wieħed mis-​sebaʼ għeġubijiet tad-​dinja. Minkejja dan, mhux kulħadd kien kuntent bih. Il-​filosfu Eraklitu t’Efesu xebbah id-​dlam li wieħed kellu jgħaddi minnu biex jersaq lejn l-​artal mad-​dlam tal-​ħażen, u hu kien iqis il-​valuri morali tat-​tempju agħar minn dawk tal-​bhejjem. Imma, għall-​biċċa l-​kbira, it-​tempju t’Artemi f’Efesu kien sod u qatt ma kien se jiddgħajjef. Madankollu, l-​istorja wriet mod ieħor. Il-​ktieb Ephesos—Der neue Führer (Efesu—Il-​Gwida l-​Ġdida) jistqarr: “Sat-​tieni seklu, il-​qima t’Artemi u t’allat stabbiliti oħrajn kienet marret lura f’daqqa.”

Fit-tielet seklu E.K., terremot kbir laqat lil Efesu. Iżjed minn hekk, il-​Goti li kienu jbaħħru fuq il-​Baħar l-​Iswed serqu r-​rikkezzi impressjonanti mit-​tempju t’Artemi u mbagħad tawh in-​nar. Il-​ktieb li għadna kif semmejna jgħid: “Ladarba Artemi sfat mirbuħa u ma kellhiex il-​ħila tipproteġi lil darha stess, kif setgħet tibqaʼ titqies bħala l-​protettriċi tal-​belt?”—Salm 135:15-18.

Fl-aħħar, lejn it-​tmiem tar-​rabaʼ seklu E.K., l-​Imperatur Teodosju I ikkonferma l-​“Kristjanità” bħala r-​reliġjon taʼ l-​Istat. Fi żmien qasir, il-​ġebel taʼ dak li darba kien it-​tempju prestiġjuż t’Artemi sar barriera li minnha ttieħed il-​materjal għall-​bini. Il-​qima t’Artemi ġiet kompletament fix-​xejn. Osservatur, li ismu mhux magħruf, ikkummenta dan li ġej dwar poeżija li kienet tfaħħar it-​tempju bħala wieħed mill-​għeġubijiet tad-​dinja antika: “Issa huwa post mill-​iktar imħarbat u miżerabbli.”

Minn Artemi għal “Omm Alla”

Pawlu wissa lill-​anzjani tal-​kongregazzjoni f’Efesu li wara t-​tluq tiegħu kienu se jitfaċċaw “ilpup ħorox,” u kienu se jqumu rġiel minn fosthom li “jitkellmu affarijiet mgħawġin.” (Atti 20:17, 29, 30) Dan hu eżatt dak li ġara. Il-​ġrajjiet juru li l-​qima falza baqgħet tiddomina f’Efesu fil-​forma taʼ Kristjanità apostata.

Fis-​sena 431 E.K., f’Efesu ġie organizzat it-​tielet kunsill ekumeniku li fih ġiet diskussa l-​kwistjoni dwar in-​natura taʼ Kristu. Ephesos—Der neue Führer jispjega: “Ir-​rebħa tal-​Lixandrin, li kienu jsostnu li Kristu kellu biss natura waħda, jiġifieri dik divina, . . . kienet totali.” Din effettwat ħafna affarijiet oħra. “Id-​deċiżjoni li ttieħdet f’Efesu, li permezz tagħha Marija ma baqgħetx il-​mara li wildet lil Kristu imma tgħolliet għall-​mara li wildet lil Alla, mhux biss forniet il-​bażi għall-​kult taʼ Marija imma ħolqot ukoll l-​ewwel firda kbira fil-​knisja. . . . Id-​dibattitu għadu sejjer sa llum.”

Għaldaqstant, il-​qima taʼ Ċibele u Artemi ħaditilha postha l-​qima taʼ Marija, “il-​mara li wildet lil Alla” jew “omm alla.” Bħalma jgħid il-​ktieb, “il-​Kult taʼ Marija f’Efesu . . . jibqaʼ sa llum il-​ġurnata tradizzjoni ħajja, li ma tistax tiġi spjegata jekk ma tintrabatx mal-​Kult t’Artemi.”

Minsija fl-​Istorja

Wara t-​tisbita li ħadet il-​qima t’Artemi ġiet il-​waqgħa t’Efesu. Il-​ħajja fil-​belt saret diffiċli iktar minn qatt qabel minħabba t-​terremoti, il-​malarja, u l-​ħama li bdiet timblokka l-​port bil-​mod il-​mod.

Sas-sebaʼ seklu E.K., l-​Islam kien beda jinfirex maʼ kullimkien. L-​Islam ma kienx kuntent li jgħaqqad it-​tribujiet Għarab biss bl-​ideoloġija tiegħu. Matul is-​sebaʼ u t-​tmien seklu E.K., il-​flotot Għarab ħarbtu lil Efesu. Id-​daqqa taʼ ħarta finali ngħatat lil Efesu meta l-​port imtela kompletament bil-​ħama u l-​belt spiċċat borġ ġebel. Minn dik il-​metropoli mill-​isbaħ illum baqaʼ biss post żgħir bl-​isem taʼ Aya Soluk (issa Selçuk).

Passiġġata Qalb il-​Fdalijiet t’Efesu

Sabiex tieħu idea tal-​glorja li Efesu kellha fil-​passat, tistaʼ żżur il-​fdalijiet tagħha. Jekk tibda ż-​żjara tiegħek min-​naħa taʼ fuq, mill-​ewwel se tiġi premjat b’dehra mill-​isbaħ taʼ Triq il-​Kureti li tibqaʼ sejra sal-​Librerija taʼ Ċelsu. Fuq in-​naħa tal-​lemin tat-​triq, għajnejk mill-​ewwel imorru fuq l-​Odeum—teatru żgħir mibni fit-​tieni seklu E.K. Peress li kien jesaʼ madwar 1,500 ruħ, x’aktarx li ma kienx jintuża biss bħala kamra fejn jiltaqaʼ l-​kunsill imma wkoll għad-​divertiment pubbliku. Fuq iż-​żewġ naħat taʼ Triq il-​Kureti tistaʼ tara bini bħall-​agora taʼ l-​Istat—il-​post fejn kienu jiġu diskussi kwistjonijiet taʼ l-​Istat—it-​tempju t’Adrijanu, xi funtani pubbliċi, u ringieli taʼ djar mibnijin fuq għolja, li fihom kienu joqogħdu xi nies importanti t’Efesu.

Il-Librerija taʼ Ċelsu, mibnija fuq stil eleganti fit-​tieni seklu E.K., żgur li timpressjonak bi sbuħitha. Ir-​rombli numerużi tagħha kienu jinżammu ġo niċeċ f’kamra kbira li kienet tintuża għall-​qari. L-​erbaʼ statwi li kien hemm mal-​faċċata mill-​isbaħ tal-​librerija kienu jirrappreżentaw il-​kwalitajiet tipiċi mistennijin minn ħaddiem ċivili Ruman taʼ grad għoli bħal Ċelsu, jiġifieri: Sofija (l-għerf), Arete (il-virtù), Ennoja (id-devozzjoni), u Episteme (l-għarfien jew il-​fehma). Wieħed jistaʼ jara l-​istatwi oriġinali fil-​Mużew t’Efesu fi Vjenna. Bieb maʼ bieb mal-​bitħa taʼ quddiem tal-​librerija hemm bieb enormi li jagħti għall-​agora taʼ Tetragonos, is-​suq. F’din il-​pjazza enormi, li kienet imdawra b’toroq imsaqqfin, in-​nies kienu jagħmlu n-​negozju tagħhom taʼ kuljum.

Imbagħad, tiġi fi Triq l-​Irħam li tieħu għat-​teatru l-​kbir. Bl-​aħħar xogħol taʼ tkabbir li kien sarlu fi żmien Ruma imperjali, it-​teatru sar jesaʼ madwar 25,000 spettatur. Il-​faċċata tiegħu kienet imżejna b’mod elaborat iżżejjed b’kolonni, niċeċ, u statwi. Tistaʼ faċilment iġġib quddiem għajnejk il-​konfużjoni kbira li qajjem Demetriju l-​arġentier fost il-​folol tan-​nies miġburin hawnhekk.

It-triq li mit-​teatru l-​kbir tibqaʼ sejra sal-​port tal-​belt hija impressjonanti ferm. Din twila xi 500 metru u wiesgħa xi 11-il metru, u hija mżejna b’kolonni fuq iż-​żewġ naħat. Kemm il-​ġinnasju tat-​teatru u kemm il-​ġinnasju tal-​port, li t-​tnejn li huma kienu jintużaw għat-​taħriġ fiżiku, inbnew f’din it-​triq. Il-​bieb mill-​isbaħ tal-​port, fin-​naħa t’isfel tat-​triq, kien il-​bieb li jagħti għad-​dinja, u hawnhekk intemmu l-​vjaġġ qasir tagħna qalb xi wħud mill-​iktar fdalijiet affaxxinanti tad-​dinja. Fil-​Mużew t’Efesu fi Vjenna wieħed jistaʼ jara mudell taʼ l-​injam taʼ din il-​metropoli storika kif ukoll għadd taʼ monumenti oħra.

Meta wieħed ikun qed idur fil-​mużew u jilmaħ l-​istatwa t’Artemi t’Efesu, ma jistax ma jiftakarx fis-​sabar li wrew il-​Kristjani tal-​bidu f’Efesu. Huma kellhom jgħixu f’belt mgħaddsa fl-​ispiritiżmu u mogħmija bil-​preġudizzju reliġjuż. L-​aduraturi t’Artemi opponewh bl-​aħrax il-​messaġġ tas-​Saltna. (Atti 19:19; Efesin 6:12; Rivelazzjoni 2:1-3) Imma f’dan l-​ambjent ostili, il-​qima vera rabbiet l-​għeruq. Din il-​qima taʼ l-​Alla veru se tibqaʼ teżisti meta r-​reliġjon falza taʼ żmienna se tiġi fi tmiemha, sewwasew bħalma ġralha fl-​antik il-​qima t’Artemi.—Rivelazzjoni 18:4-8.

[Mappa/Stampa f’paġna 26]

IL-​MAĊEDONJA

Il-​Baħar l-​Iswed

L-​ASJA MINURI

Efesu

Il-​Baħar Mediterran

L-​EĠITTU

[Stampa f’paġna 27]

Il-​fdalijiet tat-​tempju t’Artemi

[Stampi f’paġna 28,29]

1. Il-​Librerija taʼ Ċelsu

2. Dehra mill-​viċin t’Arete

3. Triq l-​Irħam, li tieħu għat-​teatru l-​kbir

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja