Il-Qima taʼ Alla Mara Omm Għadha Teżisti?
IL-QIMA tal-alla mara omm kienet għadha tiġi pprattikata fi żmien il-Kristjani tal-bidu. L-appostlu Pawlu ltaqaʼ magħha f’Efesu fl-Asja Minuri. Bħal f’Ateni, belt oħra li tqim l-alla mara, hu ta xiehda favur “dak Alla li għamel id-dinja,” il-Ħallieq ħaj, li m’huwiex “bħal deheb jew fidda jew ħaġar, bħal xi ħaġa mnaqqxa bl-arti u bit-tpaspir tal-bniedem.” Dan kien iżżejjed għall-Efesin, li l-biċċa l-kbira minnhom qiemu l-alla mara omm Artemis. Dawk li kienu jaqilgħu l-għixien billi jfasslu niċeċ tal-fidda tal-alla mara qanqlu rewwixta. Għal madwar sagħtejn, il-folla għajtet: “Kbira hija Artemis tal-Efesin!”−Atti 17:24, 29; 19:26, 34.
Artemis l-Efesina
Il-Griegi wkoll qiemu Artemis, imma l-Artemis li qiemu l-Efesin bil-kemm tistaʼ tiġi identifikata magħha. Artemis il-Griega kienet alla mara verġni tal-kaċċa u tal-ħlas. L-Artemis Efesina kienet alla mara tal-fertilità. It-tempju enormi tagħha f’Efesu kien ikkunsidrat bħala wieħed mis-sebaʼ egħġubijiet tad-dinja. L-istatwa tagħha, li kienu jaħsbu li waqgħet mis-sema, irrappreżentatha bħala personifikazzjoni tal-fertilità, sidirha kien miksi b’ringieli taʼ żejżiet forma taʼ bajd. Il-forma stramba taʼ dawn iż-żejżiet ġiet mogħtija spjegazzjonijiet varji, bħal dik taʼ li huma jirrappreżentaw girlandi taʼ bajd jew saħansitra il-bajd tal-barrin. Hi x’inhi l-ispjegazzjoni, is-simbolu tal-fertilità huwa ċar.
Taʼ interess, skond The New Encyclopœdia Britannica, l-istatwa oriġinali taʼ din l-alla mara “kienet tad-deheb, avorju, fidda, u ħaġar iswed.” Statwa magħrufa sewwa tal-Artemis Efesina, li hi tat-tieni seklu E.K., iġġibha b’wiċċha, idejha, u saqajha suwed.
Ix-xbiha taʼ Artemis kienet tiġi mdawra mat-toroq. L-istudjuż Bibliku R. B. Rackham jikteb: “Fit-tempju [taʼ Artemis kienu] merfugħin . . . l-immaġnijiet, in-niċeċ, u l-għodod sagri tagħha, tad-deheb u l-fidda, li fil-festi l-kbar kienu jinġarru lejn il-belt u lura f’purċissjoni bil-pompa.” Dawn il-festi ġibdu mijiet taʼ eluf taʼ pellegrini mill-Asja Minuri kollha. Huma xtraw niċeċ żgħar tal-alla mara u sejħulha bħala l-kbira, s-sinjura tagħhom, is-sultana, il-verġni, “dik li tismaʼ u taċċetta t-talb.” F’ambjent bħal dan, ried ikollhom kuraġġ kbir Pawlu u l-Kristjani tal-bidu biex igħollu “lil dak Alla li għamel id-dinja,” minflok l-allat irġiel u nisa magħmulin minn “deheb jew fidda jew ħaġar.”
Minn Alla Mara Omm għal “Omm Alla”
Kien lill-anzjani tal-kongregazzjoni Kristjana f’Efesu li l-appostlu Pawlu bassar apostasija. Hu wissa li apostati kellhom iqumu u “jitkellmu affarijiet imgħawġin.” (Atti 20:17, 28-30) Fost il-perikli li dejjem iħufu f’Efesu kien hemm ritorn għal qima tal-alla mara omm. Dan veru seħħ?
Naqraw fin-New Catholic Encyclopedia: “Bħala ċentru taʼ pellegrinaġġi, Efesu kien ikkunsidrat bħala l-post fejn indifen [l-appostlu] Ġwanni.... Tradizzjoni oħra, li ngħatat xiehda dwarha mill-Konċilju taʼ Efesu (431), tgħaqqad l-Imqaddsa Verġni Marija maʼ San Ġwann. Il-bażilika li fiha nżamm il-Konċilju kien jisimha il-Knisja taʼ Marija.” Xogħol Kattoliku ieħor ( Théo—Nouvelle encyclopédie catholique) jitkellem dwar “tradizzjoni plawżibbli” li Marija akkumpanjat lil Ġwanni sa Efesu, fejn hi għaddiet il-bqija taʼ ħajjitha. Għala hi din il-konnessjoni ssoponuta bejn Efesu u Marija importanti għalina llum?
Ħalli The New Encyclopœdia Britannica twieġeb: “Il-venerazzjoni taʼ omm Alla ħadet spinta meta l-Knisja Kristjana saret il-knisja imperjali taħt Kostantinu u l-mases pagani baqgħu deħlin fil-knisja.... Il-qdusija u li kienu konxji reliġjożament kienet diġà ilha ffurmata għal eluf taʼ snin permezz tal-kult tal-‘kbira alla mara omm’ u l-‘verġni divina,’ żvilupp li ġie sa mir-reliġijonijiet qodma popolari taʼ Babilonja u l-Assirja.” X’post aħjar minn Efesu setaʼ jkun hemm għal li tiġi “Kristjanizzata” l-qima tal-alla mara omm?
B’hekk, kien f’Efesu, fis-sena 431 E.K., li l-hekk imsejjaħ it-tielet konċilju ekumeniku ħatar lil Marija “Theotokos,” kelma Griega li tfisser “dik li ġarret lil Alla,” jew “Omm Alla.” In-New Catholic Encyclopedia tistqarr: “L-użu taʼ dan it-titlu mill-Knisja kien bla dubju deċiżiv għat-tkabbir f’sekli iktar ’il quddiem taʼ duttrina u devozzjoni Marjana.”
Ir-rovini tal-“Knisja tal-Verġni Marija,” fejn iltaqaʼ dan il-konċilju, għadek tistaʼ tarahom illum fil-post f’Efesu l-antik. Isiru żjajjar lejn il-kappella li, skond tradizzjoni, kienet id-dar fejn Marija għexet u mietet. Il-Papa Pawlu VI żar dawn in-niċeċ Marjani f’Efesu fl-1967.
Iva, Efesu kienet il-punt fokali għat-trasformazzjoni tal-qima pagana tal-alla mara omm, ix-xorta li Pawlu ltaqaʼ magħha fl-ewwel seklu, għal devozzjoni ferventi taʼ Marija bħala “Omm Alla.” Huwa prinċipalment permezz tad-devozzjoni lejn Marija li l-qima tal-alla mara omm baqgħet teżisti fl-artijiet tal-Kristjaneżmu.
Il-Qima tal-Alla Mara Omm Għadha Teżisti
L-Encyclopœdia of Religion and Ethics tikkwota lill-istudjuż Bibliku W. M. Ramsay bħala li jirraġuna li fil-“5 seklu l-unur mogħti lill-Verġni Marija f’Efesu kien forma [imġedda] tal-qima pagana qadima Anatoljana tal-Verġni Omm.” The New International Dictionary of New Testament Theology jistqarr: “L-ideat Kattoliċi taʼ ‘omm Alla’ u tas-‘sultana tas-sema,’ għalkemm iktar tard mit-T[estment il-]Ġ[did], jippuntaw lejn egħruq iktar bikrin reliġjużi u storiċi fil-Lvant.... Fil-venerazzjoni taʼ Marija li ġiet iktar tard hemm ħafna traċċi tal-kult pagan tal-omm divina.”
Dawn it-traċċi huma numerużi wisq u ddettaljati wisq biex ikunu koinċidenza. Is-similarità bejn statwi tal-omm u t-tarbija tal-verġni Marija u statwi taʼ allat nisa pagani, bħal Isis, ma jistgħux ma jiġux innotati. Il-mijiet taʼ statwi u relikwi tal-Madonna s-sewda fil-knejjes Kattoliċi mifruxin madwar id-dinja ma jonqsux li jfakkruk fl-istatwa taʼ Artemis. Ix-xogħol Théo—Nouvelle encyclopedie catholique jgħid dwar dawn il-Verġnijiet Suwed: “Jidhru li kienu mezz biex jittrasferixxu fuq Marija dak li fadal mid-devozzjoni popolari taʼ Diana [Artemis] . . . jew Sibel.” Il-purċissjonijiet taʼ Jum l-Assunta tal-Verġni Marija wkoll isibu x-xebh taʼ qabel tagħhom fil-purċissjonijiet ad unur taʼ Sibel u Artemis.
L-istess titli li ngħataw lil Marija jfakkruna f’allat nisa ommijiet pagani. Ixtar kienet imsejħa bħala “Verġni Mqaddsa,” “is-Sinjura tiegħi,” u “l-omm ħanina li tismaʼ t-talb.” Isis u Astarte ġew imsejħin “Sultana tas-Sema.” Sibel ġiet imlaqqma “Omm l-Imberkin kollha.” Dawn it-titli kollha, b’xi varjazzjonijiet żgħar, huma applikati għal Marija.
Il-Konċilju Vatikan it-Tieni inkuraġġixxa l-kult tal-“Verġni Mbierka.” Il-Papa Ġwanni Pawlu II huwa magħruf sewwa għad-devozzjoni ħerqana tiegħu lejn Marija. Matul il-vjaġġi estensivi tiegħu, hu qatt ma ħalla opportunità tgħaddi li ma marx iżur in-niċeċ Marjani, inkluża dik tal-Madonna s-Sewda taʼ Czestochowa, fil-Polonja. Hu fada d-dinja kollha f’idejn Marija. M’huwiex, għalhekk, sorpriża li taħt “alla Mara omm,” The New Encyclopœdia Britannica tikteb: “It-termini ġiet ukoll applikata għal figuri diversi bħal il-hekk imsejħin Veneri taʼ Żmien il-Ħaġar u l-Verġni Marija.”
Imma l-venerazzjoni Kattolika Rumana taʼ Marija m’hijiex l-uniku mod taʼ kif baqgħet teżisti l-qima tal-alla mara omm sa żmienna. B’mod kurjuż, dawk li jappoġġjaw movimenti tal-femministi pproduċew ħafna litteratura dwar il-qima tal-allat nisa ommijiet. Huma jemmnu li n-nisa ġew oppressi severament f’din id-dinja ddominata mill-irġiel b’mod aggressiv u li qima orjentata b’mod femminista tirrifletti l-aspirazzjonijiet tal-umanità għal dinja inqas aggressiva. Huma jidhru wkoll li jemmnu li llum id-dinja kieku kienet tkun post aħjar u iktar paċifiku li kieku kienet iktar orjentata b’mod femminista.
Madankollu, il-qima tal-alla mara omm ma ġabitx paċi fid-dinja antika, u mhux se ġġib paċi llum. Barra minn hekk, iktar u iktar nies illum, fil-fatt miljuni li jassoċjaw max-Xhieda taʼ Jehovah, huma konvinti li din l-art mhix se tkun salvata minn Marija, għalkemm juru li jirrispettawha u jħobbuha bħala l-mara leali tal-ewwel seklu li kellha l-privileġġ tal-għaġeb li ġġorr u trabbi lil Ġesù. Ix-Xhieda taʼ Jehovah lanqas ma jemmnu li l-Moviment tal-Liberazzjoni tal-Mara, għalkemm xi wħud mid-domandi tagħhom jistgħu jkunu ġġustifikati, jistaʼ jġib dinja taʼ paċi. Għal din huma se jħarsu lejn dak Alla li Pawlu ddikjara lin-nies taʼ Ateni u lill-Efesin, “dak Alla li għamel id-dinja u l-affarijiet kollha taʼ ġo fiha.” (Atti 17:24; 19:11, 17, 20) Dan Alla li Jistaʼ Kollox, li ismu hu Jehovah, wiegħed dinja ġdida glorjuża li fiha “it-tjieba għandha tgħammar,” u nistgħu b’mod kunfidenti nistrieħu fuq il-wegħda tiegħu.—2 Pietru 3:13.
Inkwantu għall-ħarsa li l-Bibbja għandha dwar il-pożizzjoni tal-mara quddiem Alla u l-bniedem, dan is-suġġett se jiġi żviluppat iktar f’din ir-rivista.
[Stampa f’paġna 5]
AXTORET L-alla mara taʼ Kangħan tas-sess u l-gwerra
[Stampa f’paġna 6]
ARTEMIS L-alla mara tal-Fertilità taʼ Efesu
[Sors]
Musei dei Conservatori, Ruma
[Stampa f’paġna 7]
“OMM ALLA” tal-Krisjaneżmu
[Sors]
Il-Katidral taʼ Chartres, Franza