Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Kif setaʼ Sansun imiss l-iġsma mejtin li jkun qatel u jibqaʼ Nażir?
F’Iżrael tal-qedem, individwu setaʼ minn jeddu jagħmel wegħda u jsir Nażir għal ċertu perijodu taʼ żmien.a Waħda mir-restrizzjonijiet li kienet tinżamm fuq xi ħadd li jagħmel il-wegħda kienet titlob: “Ma jersaq lejn ebda mejjet, sakemm ikun ikkonsagrat lill-Mulej. Ma jitniġġisx la f’mewt missieru, la f’mewt ommu, la f’mewt ħuh jew oħtu.” Iżda xi ngħidu “jekk xi ħadd jaqaʼ mejjet ħdejh, u jmiss miegħu”? Il-fatt li jmiss maʼ xi ħadd mejjet b’mod aċċidentali kien se jniġġes is-servizz tiegħu taʼ Nażir. Għalhekk, intqal: “Iż-żmien taʼ qabel ma jgħoddx.” Kien se jkollu jgħaddi minn ċerimonja taʼ purifikazzjoni u jerġaʼ jibda ż-żmien tan-Nażir.—Numri 6:6-12.
Però, Sansun kien Nażir f’sens differenti. Qabel ma twieled Sansun, l-anġlu taʼ Ġeħova qal lil ommu: “Ara, int se titqal u tiled iben, u l-mus ma jgħaddix minn fuq rasu, għax it-tifel ikun nażir ikkonsagrat lil Alla sa minn ġuf ommu, u hu jibda jeħles lil Iżrael minn id il-Filistin.” (Mħallfin 13:5) Sansun ma għamel ebda wegħda biex ikun Nażir. Hu kien Nażir maħtur minn Alla, u kellu jibqaʼ hekk tul ħajtu kollha. Ir-restrizzjoni biex ma jmissx ġisem mejjet ma setgħetx tapplika f’dan il-każ. Jekk kienet tapplika u aċċidentalment imiss ġisem mejjet, kif setaʼ jerġaʼ jibda mill-bidu s-servizz taʼ Nażir li kien ilu tul ħajtu kollha u li beda mit-twelid tiegħu? Mela jidher ċar li l-ħtiġijiet għal Nażir li jaqdi tul ħajtu kollha kienu differenti f’ċerti modi minn dawk taʼ min jaqdi bħala Nażir volontarju.
Ikkunsidra l-kmandamenti taʼ Ġeħova għat-tliet Nażirin mit-twelid li jissemmew fil-Bibbja—Sansun, Samwel, u Ġwanni l-Battista. Kif innotajna qabel, kien meħtieġ minn Sansun li hu ma jaqtax xagħru. Dwar binha—Samwel—li kien għadu jrid jitnissel, Anna għamlet il-wegħda: “[Nagħtih] lill-Mulej il-jiem kollha taʼ ħajtu, u minn fuq rasu ma jgħaddix il-mus.” (1 Samwel 1:11) Fil-każ taʼ Ġwanni l-Għammied, l-anġlu taʼ Ġeħova qal: “M’għandu jixrob ebda nbid u xorb qawwi.” (Luqa 1:15) Iktar minn hekk, “Ġwanni kellu lbiesu mix-xagħar tal-ġemel u ħżiem tal-ġild madwar ġenbejh; u kien jiekol ġradijiet u għasel salvaġġ.” (Mattew 3:4) L-ebda wieħed minn dawn it-tliet individwi ma ġie kmandat biex ma jersaqx lejn ġisem mejjet.
Għalkemm kien Nażir, Sansun kien fost l-imħallfin li Ġeħova ħatar biex jeħles lill-Iżraelin minn id dawk li riedu jaħtfuhom. (Mħallfin 2:16) U meta kien qed iwettaq l-inkarigu tiegħu, hu ġie f’kuntatt maʼ l-iġsma mejtin. Darba minnhom, Sansun qatel 30 Filisti u neżżagħhom. Iktar tard, hu mar iħarbat l-għedewwa, “tahom xebgħa saqajn fuq wirkhom u għamel ħerba minnhom.” Hu ħa wkoll xedaq tari taʼ ħmar u qatel elf raġel bih. (Mħallfin 14:19; 15:8, 15) Sansun għamel dan kollu bil-favur u l-appoġġ taʼ Ġeħova. L-Iskrittura tirreferi għalih bħala raġel taʼ fidi eżemplari.—Ebrej 11:32; 12:1.
L-istqarrija li Sansun tertaq iljun “bħalma wieħed itertaq gidi,” tissuġġerixxi li t-tertiq tal-gidjien kien prattika komuni fi żmienu?
M’hemm ebda evidenza li fi żmien l-Imħallfin taʼ Iżrael kienet xi ħaġa komuni għan-nies li jtertqu l-gidjien. Imħallfin 14:6 jgħid: “L-ispirtu tal-Mulej ħakem lil Sansun u dan tertqu [lill-ferħ taʼ ljun] bħalma wieħed itertaq gidi; ma kellu xejn f’idu.” Dan il-kumment probabbilment hu tixbiha.
Il-kelma ‘jtertaq’ jistaʼ jkollha żewġ tifsiriet. Sansun setaʼ jew itertaq ix-xedaq taʼ l-iljun jew inkella jtertqu biċċiet b’xi mod jew ieħor. Jekk l-ewwel każ huwa minnu, huwa possibbli li bniedem jagħmel l-istess ħaġa lil gidi. F’dan il-każ, il-parallel juri li għal Sansun li jegħleb iljun kien faċli daqslikieku l-iljun kien sempliċi gidi. Madankollu, xi ngħidu jekk Sansun qatel l-iljun billi tertqu biċċiet? Dan il-kumment ma jistaʼ jittieħed bħala xejn iktar minn tixbiha. Il-punt tat-tixbiha hu li l-ispirtu taʼ Ġeħova saħħaħ lil Sansun biex iwettaq din il-biċċa xogħol li kienet tirrikjedi saħħa fiżika straordinarja. Hu x’inhu l-każ, it-tixbiha li niksbu minn Imħallfin 14:6 turi li bl-għajnuna taʼ Ġeħova, iljun b’saħħtu ma kienx iktar feroċi għal Sansun minn kemm kien ikun gidi għal bniedem taʼ saħħa normali.
[Nota taʼ taħt]
a It-tul taʼ żmien għas-servizz taʼ Nażir kien jitħalla f’idejn l-individwu li jagħmel il-wegħda. Però, skond tradizzjoni Lhudija, il-wegħda ma setgħetx iddum inqas minn 30 jum. Kienu jaħsbu li jekk iddum inqas, il-wegħda ma kienet tkun xejn speċjali.