Kemm Hi Prezzjuża Ħajtek?
FILWAQT li matul l-ewwel gwerra dinjija kienu qed jiġu sagrifikati eluf taʼ ħajjiet fl-Ewropa, fl-Antartika kienu qed isiru sforzi straordinarji biex jiġu salvati l-ħajjiet. L-esploratur Anglo-Irlandiż Ernest Shackleton u sħabu kellhom katastrofi meta l-vapur tagħhom Endurance tkisser maʼ mases taʼ silġ f’wiċċ il-baħar u għereq. Shackleton irnexxielu jwassal lin-nies tiegħu f’post fejn setgħu jkunu fis-sigurtà—sa ċertu punt—u dan kien fuq il-Gżira t’Elephant fin-nofsinhar taʼ l-Oċean Atlantiku. Imma xorta waħda kienu għadhom fil-periklu.
Shackleton irrealizza li l-unika tama li kellhom biex isalvaw kienet li jibagħtu lil xi ħadd jitlob għall-għajnuna fil-gżira taʼ South Georgia, fejn kien hemm bażi tal-vapuri li joħorġu għall-kaċċa tal-balieni. Din kienet xi 1,100 kilometru ’l bogħod, u kulma kellu Shackleton kienet dgħajsa tas-salvataġġ taʼ xi 6.7 metri tul li kien salva mill-Endurance. Il-prospetti tagħhom xejn ma kienu jidhru sbieħ.
Madankollu, fl-10 taʼ Mejju, 1916, wara 17-il ġurnata taʼ taqtigħ il-qalb, Shackleton u grupp żgħir mill-ekwipaġġ tiegħu waslu South Georgia, imma minħabba l-kundizzjonijiet mill-agħar tal-baħar kellhom jinżlu fuq in-naħa l-oħra tal-gżira. Sabiex jaslu fid-destinazzjoni tagħhom, huma kellhom jimxu 30 kilometru minn fuq muntanji miksijin bis-silġ li ma kinux imniżżlin fuq il-mapep. Minkejja d-diffikultajiet kollha—f’temp estremament kiesaħ u mingħajr tagħmir addattat biex jitilgħu mal-muntanji—Shackleton u sħabu waslu fid-destinazzjoni tagħhom, u b’hekk fl-aħħar hu rnexxielu jsalva lin-nies tiegħu li kienu baqgħu fuq il-gżira. Shackleton għala stinka u għamel tant sforzi kbar? “Il-mira tiegħu,” kiteb il-bijografu Roland Huntford, kienet “li jsalva l-ħajja taʼ kull wieħed min-nies tiegħu.”
“Ħadd Minnhom Ma Jonqos”
X’għen lin-nies taʼ Shackleton biex ma jiddisprawx hekk kif tgeddsu flimkien u qagħdu jistennew fuq dik li kienet sempliċi “biċċa art li ma tistax tintlaħaq, imħarbta u kollha silġ, u li kien fiha biss 30 kilometru minn tarf sa tarf”? Il-fiduċja li kellhom li dak li kien qed imexxihom kien se jżomm kelmtu u jsalvahom.
L-umanità llum tixbah ħafna lil dawn l-irġiel maqbudin fuq il-Gżira t’Elephant. Ħafna nies jgħixu f’kundizzjonijiet ħżiena ferm u jridu jaħdmu iebes ħafna sempliċement għas-sopravivenza tagħhom. Madankollu, huma jistgħu jkollhom fiduċja sħiħa li Alla se “jifdi l-magħkus” mill-moħqrija u n-niket. (Ġob 36:15) Ibqaʼ ċert li Alla jqis il-ħajja taʼ kulħadd bħala prezzjuża. “Sejjaħli f’jum id-dwejjaq,” jgħid Alla Ġeħova, il-Ħallieq, u “jien neħilsek.”—Salm 50:15.
Issibha diffiċli biex temmen li l-Ħallieq iqis lilek personalment—sempliċi individwu wieħed fost il-biljuni fuq l-art—prezzjuż għalih? Mela innota x’kiteb il-profeta Isaija dwar il-biljuni taʼ kwiekeb li hemm fil-biljuni taʼ galassji fl-univers vast taʼ madwarna. Naqraw: “Erfgħu għajnejkom ’il fuq u araw: min ħalaqhom dawn il-ħlejjaq kollha? Imexxi u jgħodd l-eżerċti tiegħu, u jsejjħilhom b’isimhom wieħed wieħed. Bis-saħħa taʼ qawwietu, bil-qawwa taʼ setgħetu, ħadd minnhom ma jonqos.”—Korsiv tagħna; Isaija 40:26.
Tistaʼ tifhem xi jfisser dan? Il-galassja tagħna, it-Triq tal-Ħalib—li s-sistema solari tagħna hi biss parti minnha—għandha minn taʼ l-inqas 100 biljun kewkba. U kemm hemm iktar galassji? Ħadd ma jaf fiż-żgur, imma xi wħud jgħidu 125 biljun. Min jaf x’numru taʼ l-għaġeb hemm taʼ kwiekeb! Iżda, il-Bibbja tgħidilna li l-Ħallieq taʼ l-univers jaf kull kewkba b’isimha.
“Saħansitra x-Xagħar taʼ Raskom Kollu Hu Magħdud”
‘Imma,’ jistgħu joġġezzjonaw xi wħud, ‘il-fatt li sempliċement tkun taf l-ismijiet taʼ biljuni taʼ kwiekeb—jew taʼ biljuni taʼ nies—mhux bilfors ikun ifisser li jimpurtak minnhom individwalment.’ Kompjuter li jkollu biżżejjed memorja jistaʼ jirreġistra l-ismijiet taʼ biljuni taʼ nies. Madankollu, ħadd m’hu se jaħseb li l-kompjuter jimpurtah minn xi ħadd minnhom. Madankollu, il-Bibbja turi li Alla Ġeħova mhux biss jaf l-ismijiet taʼ biljuni taʼ nies imma hu wkoll jimpurtah minnhom bħala individwi. “[Itfgħu] l-ansjetà kollha tagħkom fuqu,” kiteb l-appostlu Pietru, “għax hu jimpurtah minnkom.”—1 Pietru 5:7.
Ġesù Kristu qal: “Ma jinbigħux żewġ għasafar tal-bejt għal munita taʼ valur żgħir? Iżda lanqas wieħed minnhom ma jaqaʼ fl-art mingħajr ma jkun jaf Missierkom. Għax saħansitra x-xagħar taʼ raskom kollu hu magħdud. Għalhekk tibżgħux: intom tiswew iktar minn ħafna għasafar tal-bejt.” (Mattew 10:29-31) Innota li Ġesù ma qalx li Alla sempliċement hu konxju taʼ dak li jiġri mill-għasafar tal-bejt u mill-bnedmin. Hu qal: “Intom tiswew iktar minn ħafna għasafar tal-bejt.” Għala tiswa iktar int? Għax ġejt maħluq “fuq xbihat Alla”—bil-kapaċità li tikkultiva u turi kwalitajiet morali, intelletwali, u spiritwali li jirriflettu l-kwalitajiet għoljin t’Alla.—Ġenesi 1:26, 27.
“Il-Prodott t’Attività Intelliġenti”
Tiġix żvijat minn dak li jgħidu ċerti nies li jiċħdu l-fatt li hemm Ħallieq. Skond kliemhom, int ġejt magħmul permezz taʼ forzi bla direzzjoni u bla sentimenti. Huma jsostnu li int mhux talli m’intix magħmul fuq “xbihat Alla,” talli m’intix differenti minn kwalunkwe annimal ieħor fuq din il-pjaneta—inkluż l-għasafar tal-bejt.
Jagħmillek sens li l-ħajja bdiet teżisti hawnhekk sempliċement b’kumbinazzjoni, jew b’forza bla direzzjoni? Skond il-bijologu molekulari Michael J. Behe, il-fatt li l-ħajja hi mmexxija minn “proċessi bijokimiċi li huma komplikati b’mod taʼ l-għaġeb” jagħmel din l-idea totalment bla sens. L-evidenza tal-bijokimika, jgħid hu, twassal għall-konklużjoni li ma tistax taħrab minnha li “l-ħajja fuq l-art fl-iktar livell fundamentali tagħha . . . hi l-prodott t’attività intelliġenti.”—Darwin’s Black Box—The Biochemical Challenge to Evolution.
Il-Bibbja tgħidilna li l-ħajja fuq l-art fil-livelli kollha tagħha hi l-prodott t’attività intelliġenti. U tgħidilna li s-Sors taʼ din l-attività intelliġenti kollha hu Alla Ġeħova, il-Ħallieq taʼ l-univers.—Salm 36:10 (36:9, NW); Rivelazzjoni 4:11.
Tħallix il-fatt li aħna jkollna nissaportu f’dinja mimlija wġigħ u sofferenza jżommok milli temmen li hemm Ħallieq u Disinjatur taʼ l-art u taʼ kull tip taʼ ħajja fiha. Żomm f’moħħok żewġ veritajiet fundamentali. Waħda hi li Alla ma ddisinjax din l-imperfezzjoni kollha li hawn madwarna. L-oħra hi li l-Ħallieq tagħna għandu raġunijiet tajbin għala qed jippermettiha temporanjament. Bħalma spiss iddiskutiet din ir-rivista, Alla Ġeħova ppermetta li jeżisti l-ħażen għal żmien limitat biss sabiex jissetilja darba għal dejjem il-kwistjonijiet morali li ġew imqajmin fiż-żmien meta l-bnedmin ċaħdu s-sovranità tiegħu l-ewwel darba.a—Ġenesi 3:1-7; Dewteronomju 32:4, 5; Koħèlet 7:29; 2 Pietru 3:8, 9.
“Hu Jeħles lill-Fqir li Jsejjaħlu”
M’għandniex xi ngħidu, minkejja li llum ħafna nies ikollhom jgħixu f’kundizzjonijiet miżerabbli, il-ħajja xorta waħda hi rigal meraviljuż. U aħna nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nibqgħu ħajjin. Il-ħajja futura li qed iwegħedna Alla m’hijiex xi sempliċi ġlieda biex tibqaʼ ħaj f’kundizzjonijiet kiefra u taʼ wġigħ—bħall-ekwipaġġ taʼ Shackleton fuq il-Gżira t’Elephant. L-iskop t’Alla hu li jsalvana mill-eżistenza tagħna t’issa kollha wġigħ u fiergħa sabiex naqbdu “qabda soda mal-ħajja vera” skond l-iskop oriġinali t’Alla għall-ħolqien uman.—1 Timotju 6:19.
Alla se jagħmel dan kollu għax aħna lkoll prezzjużi f’għajnejh. Hu rranġa biex Ibnu, Ġesù Kristu, jipprovdi s-sagrifiċċju taʼ fidwa li kien meħtieġ biex jeħlisna mid-dnub, l-imperfezzjoni, u l-mewt li writna mingħand il-ġenituri oriġinali tagħna, Adam u Eva. (Mattew 20:28) “Alla tant ħabb lid-dinja,” qal Ġesù Kristu, “li ta l-Iben uniġenitu tiegħu, biex kulmin jeżerċita l-fidi fih . . . ikollu l-ħajja taʼ dejjem.”—Ġwanni 3:16.
X’se jagħmel Alla għal dawk li ħajjithom bħalissa hi mgħakksa bl-uġigħ u l-moħqrija? Rigward Ibnu, il-Kelma mnebbħa t’Alla tgħidilna: “Hu jeħles lill-fqir li jsejjaħlu, u lill-imsejken li m’għandux min jgħinu. Iħenn għad-dgħajjef u għall-fqajjar; il-ħajja tal-fqajrin isalva. Jeħlishom mill-qerq u mill-moħqrija.” Għala se jagħmel dan? Għax “demmhom [jew, ħajjithom] għażiż quddiem għajnejh.”—Korsiv tagħna; Salm 72:12-14.
Il-bniedem ilu sekli sħaħ jissielet taħt it-tagħbija tad-dnub u l-imperfezzjoni, bħallikieku “jokrob” b’ħafna wġigħ u tbatija. Alla ppermetta dan għax kien jaf li setaʼ jirranġa kwalunkwe ħsara li setgħet tirriżulta. (Rumani 8:18-22) Issa, fi żmien tassew qasir, hu se ‘jġedded l-affarijiet kollha’ permezz tal-gvern tas-Saltna tiegħu mmexxi minn Ibnu, Ġesù Kristu.—Atti 3:21; Mattew 6:9, 10.
Dan jinkludi l-irxoxt tan-nies li batew u mietu fil-passat. Dawn huma protetti fil-memorja t’Alla. (Ġwanni 5:28, 29; Atti 24:15) Fi ftit żmien ieħor huma se jirċievu l-ħajja “bl-abbundanza”—ħajja taʼ dejjem perfetta fuq art magħmula ġenna ħielsa mill-uġigħ u t-tbatija. (Ġwanni 10:10; Rivelazzjoni 21:3-5) Kulmin jgħix se jkun jistaʼ jgawdi l-ħajja bis-sħiħ u jikkultiva l-kwalitajiet u l-abbiltajiet meraviljużi li jiddistingwu lil dawk li nħolqu “fuq xbihat Alla.”
Se tkun hemm int biex tgawdi l-ħajja li wiegħed Ġeħova? Id-deċiżjoni f’idejk. Aħna nħeġġuk biex tieħu vantaġġ mill-provvedimenti li għamel Alla biex iġib dawn il-barkiet kollha. Il-pubblikaturi taʼ din ir-rivista se jkunu ferħanin li jgħinuk tagħmel dan.
[Nota taʼ taħt]
a Għal diskussjoni dettaljata dwar dan il-punt, ara kapitlu 8, “Alla Għala Jippermetti s-Sofferenza?” fil-ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem, pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
[Stampa f’paġna 4, 5]
Il-membri taʼ l-ekwipaġġ li nqabdu fuq il-gżira kienu fiduċjużi li Shackleton kien se jżomm kelmtu u jsalvahom
[Sors]
© CORBIS
[Stampa f’paġna 6]
“Intom tiswew iktar minn ħafna għasafar tal-bejt”