Il-Mirakli—Veru Jseħħu?
GĦAJNEJN ir-raġel mill-ewwel marru fuq stiker imwaħħla maʼ karozza li kienet għaddejja. Fuqha kien hemm miktub “Il-Mirakli Jsiru—Staqsi lill-Anġli.” Għalkemm hu nnifsu kien bniedem reliġjuż, ma kienx ċert x’kien ifisser dan il-kliem. Kien ifisser dan li s-sewwieq kien jemmen fil-mirakli? Jew pjuttost kienet xi ċajta li turi li la kien jemmen fil-mirakli u lanqas fl-anġli?
L-awtur Ġermaniż Manfred Barthel għamel dan il-kumment li għandek mnejn issibu interessanti: “Il-kelma miraklu mill-ewwel tifred il-qarrejja f’żewġ kategoriji opposti.” Dawk li jemmnu fil-mirakli huma konvinti li dawn iseħħu u forsi jseħħu spiss.a Per eżempju, huwa rapportat li fil-Greċja matul dawn l-aħħar ftit snin, in-nies li jemmnu fil-mirakli sostnew li dawn iseħħu madwar darba kull xahar. Minħabba f’hekk, ċertu isqof taʼ Knisja Ortodossa Griega wissa: “Min jemmen [fil-mirakli] għandu l-ħabta li jqis lil Alla, lil Marija, u lill-qaddisin bħala persuni b’karatteristiċi umani. Min jemmen m’għandux jesaġera f’dawn il-kwistjonijiet.”
F’pajjiżi oħrajn, it-twemmin fil-mirakli m’huwiex daqshekk komuni. Skond stħarriġ t’Allensbach pubblikat fil-Ġermanja fl-2002, 71 fil-mija miċ-ċittadini hemmhekk jaħsbu li l-mirakli mhux veru jiġru. Madankollu, fost dawk li jemmnu fil-mirakli—inqas minn terz miċ-ċittadini—hemm tliet nisa li jsostnu li rċivew messaġġ mill-Verġni Marija. Ftit xhur wara li ntqal li dehritilhom Marija—flimkien maʼ xi anġli u ħamiema—il-gazzetta Ġermaniża Westfalenpost irrapportat: “S’issa madwar 50,000 pellegrin, nies li qed ifittxu l-fejqan, kif ukoll dawk kurjużi wrew interess kbir fil-viżjonijiet li raw dawn in-nisa.” Xi 10,000 oħra kienu mistennijin jinġabru fir-raħal biex jaraw iktar dehriet. Jingħad li dehriet simili tal-Verġni Marija seħħew f’Lourdes, Franza, fl-1858, u f’Fátima, il-Portugall, fl-1917.
Xi Ngħidu għal Reliġjonijiet Mhux Kristjani?
It-twemmin fil-mirakli jeżisti kważi fir-reliġjonijiet kollha. The Encyclopedia of Religion tispjega li l-fundaturi tal-Buddiżmu, il-Kristjanità, u l-Islam kellhom opinjonijiet differenti dwar il-mirakli, imma din tikkummenta: “L-istorja taʼ dawn ir-reliġjonijiet turi bla ebda dubju li l-mirakli u l-istejjer tal-mirakli ilhom jagħmlu parti integrali mill-ħajja reliġjuża tal-bniedem.” Dan ix-xogħol taʼ referenza jgħid li “l-Budda nnifsu xi drabi kien jagħmel il-mirakli.” Iktar tard, meta “l-Buddiżmu ttieħed lejn iċ-Ċina, il-missjunarji tiegħu spiss kienu jużaw il-qawwiet mirakolużi tagħhom.”
Wara li tirreferi għal diversi mirakli li jingħad li seħħew, din l-enċiklopedija tikkonkludi: “Wieħed jistaʼ ma jkunx lest li jaċċetta dawn ir-rapporti kollha taʼ mirakli li ntqalu minn kittieba reliġjużi, imma bla dubju dawn inħolqu bl-intenzjoni tajba li jigglorifikaw lill-Budda, li kien kapaċi jagħti lis-segwaċi ferventi tiegħu qawwa mirakoluża bħal din.” L-istess enċiklopedija tgħid dwar l-Islam: “Il-biċċa l-kbira mill-komunità Islamika qatt ma waqfet tistenna l-mirakli. Fit-tradizzjonijiet (hadīths) jintqal li Moħammed għamel il-mirakli fil-pubbliku f’diversi okkażjonijiet. . . . Anki wara mewthom, il-qaddisin jingħad li jagħmlu l-mirakli ħdejn l-oqbra tagħhom għan-nom taʼ dawk li jemmnu, u n-nies b’devozzjoni jitolbuhom jidħlu għalihom.”
Xi Ngħidu għall-Mirakli fil-Kristjanità?
Ħafna minn dawk li aċċettaw il-Kristjanità ma jaqblux bejniethom. Xi wħud jemmnu fir-rapporti Bibliċi dwar il-mirakli mwettqin minn Ġesù Kristu jew mill-qaddejja t’Alla qabel l-era Kristjana. Madankollu, ħafna jaqblu mar-Riformista Protestant Luteru. The Encyclopedia of Religion tgħid dwaru: “Kemm Luteru u kemm Kalvinu kitbu li l-era tal-mirakli kienet għaddiet u li n-nies m’għandhomx jistennew li jseħħu iktar.” Xogħol taʼ referenza jgħid li l-Knisja Kattolika baqgħet temmen fil-mirakli mingħajr ma pprovat tispjega kif dawn isiru. Madankollu, “il-komunità Protestanta akkademika bdiet temmen li l-Kristjanità fil-biċċa l-kbira kienet kwistjoni taʼ moralità u li la Alla u lanqas id-dinja spiritwali ma kellha kuntatt jew kienet tinfluwenza bil-kbir il-ħajja umana reali.”
Oħrajn li jgħidu li huma Kristjani, inkluż xi qassisin, m’humiex konvinti li l-mirakli msemmijin fil-Bibbja ġraw veru. Ejja nieħdu, per eżempju, ir-rakkont taʼ l-għollieq jaqbad imniżżel fil-Bibbja f’Eżodu 3:1-5. Il-ktieb What the Bible Really Says jispjega li għadd taʼ teoloġi Ġermaniżi ma jiħduhx bħala rakkont letterali taʼ miraklu. Minflok, huma jinterpretawh bħala “simbolu tat-taqbida li Mosè kellu ġo fih kontra r-rimors u t-tingiż tal-kuxjenza.” Il-ktieb iżid: “Il-fjammi jistgħu wkoll jiġu mifhumin li kienu fjuri li nfetħu f’daqqa fid-dija tal-preżenza divina.”
Għandu mnejn li din l-ispjegazzjoni ma tantx tikkonvinċik. Allura, x’għandek temmen? Huwa realistiku li temmen li xi darba seħħew il-mirakli? U xi ngħidu dwar il-mirakli fi żmienna? Ladarba lill-anġli ma nistgħux nistaqsuhom, lil min nistgħu nistaqsu?
Il-Ħarsa tal-Bibbja
Ħadd ma jistaʼ jiċħad li l-Bibbja tirrapporta li fl-imgħoddi Alla interviena biex jagħmel affarijiet li l-bniedem ma jistaʼ jagħmilhom qatt. Naqraw dwaru: “Int ħriġt il-poplu tiegħek Iżrael mill-art taʼ l-Eġittu b’sinjali u għeġubijiet, u b’id qawwija u bi driegħek merfugħ, u b’biżaʼ kbir.” (Ġeremija 32:21, korsiv tagħna.) Immaġina, l-iktar ġens qawwi taʼ dak iż-żmien jiġi umiljat permezz t’għaxar kastigi mibgħutin minn Alla, fosthom il-mewt taʼ l-ewwel imwieled. Mirakli tassew!—Eżodu, kapitli 7 sa 14.
Sekli wara, l-erbaʼ kittieba taʼ l-Evanġelji ddeskrivew xi 35 miraklu mwettqin minn Ġesù. Fil-fatt, kliemhom jindika li hu għamel saħansitra iktar atti sopranaturali milli tniżżlu bil-miktub. Dawn ir-rapporti ġraw tassew jew le?b—Mattew 9:35; Luqa 9:11.
Jekk il-Bibbja tassew hi dak li tgħid li hi—il-Kelma t’Alla taʼ verità—mela għandek raġuni soda biex temmen fil-mirakli li titkellem dwarhom. Il-Bibbja hija ċara meta tirrapporta l-mirakli li seħħew fl-imgħoddi—fejqan u rxoxt mirakoluż, u ħwejjeġ simili—però daqstant ieħor hija ċara meta tispjega li mirakli bħal dawn m’għadhomx isiru. (Ara l-kaxxa “Għala Ċerti Mirakli M’Għadhomx Isiru,” f’paġna 4.) Allura, ifisser dan li anki dawk li jemmnu fil-Bibbja jemmnu li l-mirakli taʼ żmienna m’humiex fatti li ġraw veru? Ejja nħallu l-artiku li jmiss iweġibna.
[Noti taʼ taħt]
a Il-kelma “mirakli” kif tintuża f’dan l-artiklu hija spjegata hekk f’dizzjunarju Bibliku: “Effetti fid-dinja fiżika li jisbqu kull qawwa umana jew naturali magħrufa, u għalhekk jingħad li jkunu ġejjin minn sors sopranaturali.”
b Tistaʼ tikkunsidra l-evidenza li l-Bibbja hi taʼ min jemminha. Din tistaʼ ssibha fil-ktieb The Bible—God’s Word or Man’s? (Il-Bibbja—Il-Kelma t’Alla jew tal-Bniedem?) pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
[kaxxa f’paġna 4]
GĦALA ĊERTI MIRAKLI M’GĦADHOMX ISIRU
Fil-Bibbja jissemmew diversi tipi taʼ mirakli. (Eżodu 7:19-21; 1 Slaten 17:1-7; 18:22-38; 2 Slaten 5:1-14; Mattew 8:24-27; Luqa 17:11-19; Ġwanni 2:1-11; 9:1-7) Ħafna minn dawn il-mirakli twettqu biex jidentifikaw lil Ġesù bħala l-Messija u wrew li hu kellu l-appoġġ t’Alla. L-ewwel segwaċi taʼ Ġesù użaw għotjiet mirakolużi, bħal li jitkellmu bl-ilsna u jifhmu l-kliem imnebbaħ. (Atti 2:5-12; 1 Korintin 12:28-31) Dawn l-għotjiet mirakolużi kienu utli għall-kongregazzjoni Kristjana meta kienet għadha kemm ġiet ifformata. Dan kif?
Raġuni waħda hi li ftit li xejn kien hemm kopji taʼ l-Iskrittura. Ġeneralment, in-nies għonja biss kien ikollhom xi tip taʼ skrolli jew kotba. Fil-pajjiżi pagani, in-nies ma kellhomx għarfien dwar il-Bibbja jew l-Awtur tagħha, Ġeħova. It-tagħlim Kristjan kellu jitwassal bil-fomm. L-għotjiet mirakolużi servew biex juru li Alla kien qed juża lill-kongregazzjoni Kristjana.
Imma Pawlu spjega li dawn l-għotjiet kellhom jispiċċaw meta ma kienx se jkun hemm iktar bżonnhom. “Jekk hemm l-għotjiet taʼ l-ipprofetizzar, dawn se jinġiebu fix-xejn; jekk hemm l-ilsna, dawn se jieqfu; jekk hemm l-għarfien, dan se jinġieb fix-xejn. Għax l-għarfien li għandna hu limitat u l-ipprofetizzar tagħna hu limitat; imma meta jasal dak li hu sħiħ, dak li hu limitat jinġieb fix-xejn.”—1 Korintin 13:8-10.
Illum, in-nies jistgħu jiksbu Bibbja, kif ukoll ifittxu f’pubblikazzjonijiet li jservu taʼ werrej għaliha u enċiklopediji. Iktar minn sitt miljun Kristjan imħarreġ qed jgħinu lil oħrajn jiksbu għarfien dwar Alla bbażat fuq il-Bibbja. Għalhekk, m’għadx hemm bżonn il-mirakli biex juru li Ġesù Kristu huwa l-Ħellies maħtur minn Alla jew biex jipprovdu evidenza li Ġeħova qed jappoġġa lill-qaddejja tiegħu.