Mari—Belt Dominanti tal-Qedem fid-Deżert
“KONT daqsxejn eċċitat x’ħin dħalt fil-kamra wara li qattajt lejl niċċelebra maʼ sħabi l-fortuna tagħna,” jiftakar l-arkeologu Franċiż André Parrot. F’Jannar taʼ l-1934, f’Tell Hariri, viċin ir-raħal żgħir t’Abu Kemal li jinsab viċin l-Ewfrat fis-Sirja, Parrot u t-tim tiegħu skavaw statwa li kellha din il-kitba: “Lamgi-Mari, sultan taʼ Mari, qassis il-kbir t’Enlil.” Kienu tassew ferħanin b’din l-iskoperta.
Fl-aħħar il-belt taʼ Mari nstabet! Din l-iskoperta għala hi taʼ interess għall-istudenti tal-Bibbja?
Għala Hi taʼ Interess?
Għalkemm l-eżistenza taʼ Mari kienet magħrufa minħabba xi kitbiet antiki, il-post eżatt fejn tinsab baqaʼ misteru għal żmien twil. Skond xi skribi Sumiriċi, Mari kienet il-post t’awtorità taʼ dinastija li għandha mnejn kienet taħkem fuq il-Mesopotamja kollha. Peress li Mari kienet mibnija maʼ l-ixtut taʼ l-Ewfrat, hi tinsab f’post strateġiku fin-nofs bejn ir-rotot tal-kummerċ li jgħaqqdu l-Golf Persjan maʼ l-Assirja, il-Mesopotamja, l-Anatolja, u l-Kosta tal-Mediterran. Il-merkanzija kienet tinkludi l-injam, il-metall, u l-ġebel—affarijiet li tant kienu nieqsa fil-Mesopotamja—u dawn kienu jiġu trasportati minn ġol-belt. It-taxxi fuq dawn l-affarijiet ġabu ġid kbir f’Mari, u b’hekk setgħet tiddomina dak ir-reġjun. Madankollu din il-ħakma ntemmet meta s-Sirja ġiet konkwistata minn Sargon t’Akkad.
Xi 300 sena wara r-rebħa taʼ Sargon, Mari kienet maħkuma minn diversi gvernaturi militari. Taħt il-ħakma tagħhom, din il-belt reġgħet kisbet ftit prosperità. Madankollu, sa żmien l-aħħar ħakkiem tagħha, Zimri-Lim, Mari bdiet titlef il-prominenza tagħha. Zimri-Lim ipprova jgħaqqad l-imperu tiegħu permezz taʼ rebħiet militari, trattati, u rabtiet taʼ żwieġ. Imma madwar l-1760 Q.E.K., is-Sultan Hammurabi taʼ Babilonja rebaħ il-belt u qeridha, u b’hekk temm dik li Parrot sejħilha “waħda mill-iktar ċivilizzazzjonijiet avanzati tad-dinja antika.”
Meta t-truppi taʼ Hammurabi qerdu lil Mari, mingħajr ma kienu jafu għenu bil-kbir lill-arkeoloġi u l-istorjografi taʼ llum. Meta waqqgħu s-swar magħmulin minn briks tat-tajn li ma kinux moħmija, huma difnu xi bini li f’xi postijiet kien twil kważi ħames metri, u dan għen biex ma jispiċċawx maż-żmien. L-arkeoloġi skavaw il-fdalijiet taʼ tempji u palazzi, flimkien maʼ ħafna artefatti u eluf taʼ kitbiet li jixħtu dawl fuq iċ-ċivilizzazzjoni antika.
Il-fdalijiet taʼ Mari għala huma taʼ interess għalina? Ikkunsidra ż-żmien meta kien jgħix il-patrijarka Abraham. Hu twieled fis-sena 2018 Q.E.K., 352 sena wara d-Dilluvju l-kbir. Hu kien l-għaxar wieħed mill-ġenerazzjoni taʼ Noè. Peress li Alla kien tah kmand, Abraham telaq mill-belt t’Ur fejn kien twieled u mar Ħaran. Fl-1943 Q.E.K., meta Abraham kellu 75 sena, hu telaq minn Ħaran u rħielha lejn l-art taʼ Kangħan. “It-tluq t’Abraham minn Ur għal Ġerusalemm [f’Kangħan] seħħ fi żmien Mari,” jgħid l-arkeologu Taljan Paolo Matthiae. Għalhekk, l-iskoperta taʼ Mari hija taʼ valur sabiex tkun tistaʼ tgħinna nimmaġinaw id-dinja li kien jgħix fiha l-qaddej leali Abraham.a—Ġenesi 11:10–12:4.
Il-Fdalijiet X’Jikxfu?
Ir-reliġjon iffjorixxiet f’Mari bħalma għamlet fil-bqija tal-Mesopotamja. Kien meqjus id-dmir tal-bniedem li jaqdi lill-allat. In-nies dejjem kienu jaraw x’inhi r-rieda taʼ l-allat qabel ma kienu jieħdu xi deċiżjoni importanti. L-arkeoloġi sabu l-fdalijiet taʼ sitt tempji. Fosthom hemm it-Tempju taʼ l-Iljuni (li ħafna jsibuh bħala t-tempju taʼ Dagan, li fil-Bibbja jissejjaħ Dagon) u s-santwarji taʼ Ixtar, l-alla mara tal-fertilità, u taʼ l-alla-xemx Shamash. Oriġinalment, fit-tempji kien hemm statwa taʼ l-alla li lilha kienu jagħmlu offerti u suppliki. Dawk li kienu devoti lejn din l-istatwa kienu jpoġġu statwetti tagħhom infushom li kienu jagħmluhom jitbissmu u jitolbu u kienu jpoġġuhom fuq bankijiet fis-santwarju, għax huma kienu jemmnu li x-xbieha tagħhom kienet se ttawwal l-att taʼ qima tagħhom. Parrot innota: “L-istatwa kienet bħax-xemgħa fil-qima Kattolika taʼ llum imma sa ċertu punt kienet tfisser saħansitra iktar minn hekk; kienet tissostitwixxi lil dak li kien jemmen.”
L-iktar skoperta spettakolari fil-fdalijiet taʼ Tell Hariri kienu l-fdalijiet taʼ palazz immens, magħruf bl-isem taʼ l-aħħar okkupant tiegħu, is-Sultan Zimri-Lim. L-arkeologu Franċiż Louis-Hugues Vincent jiddeskrivih bħala “l-ġawhra taʼ l-arkitettura Orjentali tal-qedem.” Il-palazz hu mifrux fuq medda taʼ 24,282 metru kwadru u kellu 300 kamra u xi btieħi. Anki fl-antik, dan il-palazz kien meqjus bħala wieħed mill-meravilji tad-dinja. “Tant kien famuż,” jikkummenta Georges Roux fil-ktieb tiegħu Ancient Iraq, “li s-Sultan t’Ugarit, mal-kosta Sirjana, ma qagħadx jaħsibha biex jibgħat lil ibnu madwar 600 kilometru ’l ġewwa mill-kosta għas-sempliċi raġuni biex iżur ‘id-dar taʼ Zimri-Lim.’”
Qabel ma jaslu f’bitħa spazjuża, il-viżitaturi setgħu jidħlu fil-palazz fortifikat mill-unika entratura li kien hemm u li kellha torri fuq kull naħa. Minn fuq it-tron tiegħu li kien fuq platform, Zimri-Lim, l-aħħar sultan taʼ Mari, kien jieħu ħsieb kwistjonijiet militari, kummerċjali, u diplomatiċi; kien jaqtaʼ sentenzi; u jilqaʼ lil dawk li kienu jiġu jżuruh u lill-ambaxxati. Kien hemm kmamar li fihom setaʼ jilqaʼ lill-mistidnin, li s-sultan kien jistieden regolarment għal ikliet kbar. Il-platti kienu jinkludu laħam taċ-ċanga, tan-nagħaġ, u taʼ l-għażżiela kif ukoll ħut u tjur u dawn kollha kienu jkunu mixwijin, grilljati, jew mgħollija—ilkoll servuti bi zlazi tat-tewm bil-ħwawar kif ukoll b’varjetà taʼ ħaxix u ġobon. Id-deżerta kienet tikkonsisti fi frott frisk, imnixxef, jew kristallizzat u wkoll kejkijiet moħmijin f’forom b’disinji dettaljati. Sabiex jaqtgħalhom l-għatx, lill-mistidnin kien joffrilhom birra jew inbid.
L-iġjene ma kinitx nieqsa mill-palazz. Instab li l-kmamar tal-banju kellhom banjijiet tat-terrakotta u tojlits bla seat. L-art u l-biċċa t’isfel tal-ħajt taʼ dawn il-kmamar kienu protetti b’kisja qatran. Id-dranaġġ kien jgħaddi minn kanali tal-briks, u l-pajpijiet tat-tafal li kienu miksijin bil-qatran, biex ma jgħaddix l-ilma minnhom, għadhom jaħdmu sal-ġurnata taʼ llum wara li għaddew madwar 3,500 sena. Meta tliet nisa mill-ħarem irjali ntlaqtu minn marda fatali, l-istruzzjonijiet li ngħataw dwarhom kienu stretti. Mara marida b’dan il-mod kellha tiġi iżolata u miżmuma kwarantina. “Ħadd m’għandu jixrob mit-tazza tagħha, jiekol fuq il-mejda tagħha, ipoġġi fuq is-siġġu tagħha.”
X’Nistgħu Nitgħallmu mill-Arkivji?
Parrot u t-tim tiegħu skoprew madwar 20,000 tavla kunejformi miktuba bl-Akkadjan. Fost it-twavel kien hemm ittri u kitbiet amministrattivi u ekonomiċi. Minn dawn l-arkivji, terz biss ġie pubblikat. Minkejja dan, dawn jikkonsistu fi 28 volum. X’valur għandhom? “Qabel ma skoprejna l-arkivji taʼ Mari,” jgħid Jean-Claude Margueron, id-direttur tal-Missjoni Arkeoloġika taʼ Mari, “ma konna nafu kważi xejn dwar l-istorja, l-istituzzjonijiet, u l-ħajja taʼ kuljum tal-Mesopotamja u s-Sirja fil-bidu tat-tieni millennju. Minħabba fihom, stajna niktbu kapitli sħaħ taʼ storja.” Bħalma kkummenta Parrot, l-arkivji “jikxfu similaritajiet taʼ lgħaġeb bejn in-nies li jsemmu huma u dak li t-Testment il-Qadim jgħidilna dwar il-perijodu tal-Patrijarki.”
It-twavel li nstabu f’Mari jitfgħu dawl ukoll fuq ċerti rakkonti fil-Bibbja. Per eżempju, it-twavel jindikaw li l-fatt li kienu jieħdu l-ħarem taʼ l-għadu kien “fatt fundamentali taʼ kondotta taʼ dak iż-żmien.” Il-parir li kien ta t-traditur Aħitofel lil Absalom, bin is-Sultan David, sabiex ikollu relazzjoni mal-konkubini taʼ missieru żgur li ma kienx oriġinali.—2 Samwel 16:21, 22.
Mill-1933 ’l hawn kien hemm 41 kampanja arkeoloġika f’Tell Hariri. Madankollu, s’issa mill-1,092,690 kilometru kwadru li tkopri l-belt taʼ Mari, 80,940 kilometru kwadru biss ġew eżaminati. X’aktarx li għad iridu jsiru ħafna iktar skoperti affaxxinanti f’Mari, il-belt dominanti tal-qedem fid-deżert.
[Nota taʼ taħt]
a X’aktarx li l-eżiljati Lhud li ttieħdu Babilonja wara l-qerda taʼ Ġerusalemm fis-sena 607 Q.E.K. għaddew viċin il-fdalijiet taʼ Mari.
[Mappa f’paġna 10]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
Il-Golf Persjan
Ur
IL-MESOPOTAMJA
L-Ewfrat
MARI
L-ASSIRJA
Ħaran
L-ANATOLJA
KANGĦAN
Ġerusalemm
Il-Baħar Mediterran (Il-Baħar il-Kbir)
[Stampa f’paġna 11]
F’dan id-dokument is-Sultan Iahdun-Lim taʼ Mari ftaħar dwar il-bini li kien għamel
[Stampa f’paġna 11]
L-iskoperta taʼ l-istatwa taʼ Lamgi-Mari għenet biex jidentifikaw lil Mari
[Stampa f’paġna 12]
Ebih-Il, l-uffiċjal taʼ Mari, qed jitlob
[Stampa f’paġna 12]
Podju fil-palazz, fejn għandha mnejn kienet tinżamm l-istatwa t’alla mara
[Stampa f’paġna 12]
Fdalijiet taʼ Mari li juru l-bini taʼ swar magħmulin minn briks tat-tajn li ma kinux moħmija
[Stampa f’paġna 12]
Kamra tal-banju fil-palazz
[Stampa f’paġna 13]
Pilastru tar-rebħa taʼ Naram-Sin, konkwistatur taʼ Mari
[Stampa f’paġna 13]
Madwar 20,000 tavla kunejformi nstabu qalb il-fdalijiet tal-palazz
[Sors tal-Istampa f’paġna 10]
◀ © Mission archéologique française de Tell Hariri - Mari (Syrie)
[Sors tal-Istampa f’paġna 11]
Dokument: Musée du Louvre, Paris; statwa: © Mission archéologique française de Tell Hariri - Mari (Syrie)
[Sors tal-Istampas f’paġna 12]
Statwa: Musée du Louvre, Paris; platform u kamra tal-banju: © Mission archéologique française de Tell Hariri - Mari (Syrie)
[Sors tal-Istampas f’paġna 13]
Pilastru tar-rebħa: Musée du Louvre, Paris; fdalijiet tal-palazz: © Mission archéologique française de Tell Hariri - Mari (Syrie)