Ferrħu Qalb il-Ġenituri Tagħhom
“IBNI, jekk qalbek tħobb l-għerf, lili wkoll tferraħli qalbi.” (Proverbji 23:15) Tabilħaqq, ġenituri Kristjani jithennew meta wliedhom jiksbu għerf divin. Nhar is-Sibt, 10 taʼ Settembru, 2005, grupp internazzjonali taʼ 6,859 ruħ attendew għall-gradwazzjoni tal-119-il klassi taʼ l-Iskola taʼ Gilgħad (Watchtower Bible School of Gilead). Kulħadd ħass qalbu timtela bil-ferħ, speċjalment il-ġenituri tas-56 gradwat.
David Walker, membru li ilu jaqdi mal-familja Betel taʼ l-Istati Uniti, fetaħ il-programm b’talba mill-qalb. Imbagħad iċ-chairman, David Splane tal-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Ġeħova, ta bidu għall-programm tal-gradwazzjoni billi qal ’il-missirijiet u ’l-ommijiet kollha: “Intom jixirqilkom tifħir mill-qalb. Il-kwalitajiet li kkultivajtu f’uliedkom immotivawhom biex jidħlu fis-servizz missjunarju.” Dawk il-ġenituri setgħu kienu ansjużi minħabba li wliedhom dalwaqt kienu se jitilqu ’l bogħod lejn l-inkarigi tagħhom. Iżda Ħuna Splane assigurahom: “Tinkwetawx għal uliedkom. Ġeħova jistaʼ jieħu ħsiebhom ħafna iktar milli tistgħu intom.” Imbagħad qal: “Aħsbu fil-ġid li wliedkom se jwettqu. Nies li għaddejjin minn xi tbatija se jiksbu faraġ veru għall-ewwel darba f’ħajjithom.”
Mod Kif Tkomplu Tferrħu lil Oħrajn
Iċ-chairman ippreżenta erbaʼ kelliema. L-ewwel wieħed, Ralph Walls, tal-Kumitat tal-Fergħa fl-Istati Uniti tkellem fuq it-tema “Żomm Għajnejk Miftuħin.” Hu enfasizza l-punt li l-għama spiritwali hu ħafna agħar mill-għama fiżiku. Il-kongregazzjoni taʼ Laodiċija fl-ewwel seklu tilfet id-dawl spiritwali. Il-Kristjani f’dik il-kongregazzjoni, li kienu għomja f’sens spiritwali, ġew offruti l-għajnuna, iżda huwa dejjem aħjar li nilqgħu minn qabel dan it-tip t’għama billi nżommu l-għajnejn spiritwali tagħna miftuħin. (Rivelazzjoni 3:14-18) Il-kelliemi qal: “Żommu għajnejkom miftuħin u ikkunsidraw lill-irġiel responsabbli bħalma jikkunsidrahom Ġeħova.” Il-gradwati m’għandhomx iħossuhom ansjużi żżejjed jekk ikun hemm xi problemi fil-kongregazzjoni. Il-Mulej Ġesù Kristu jaf b’dawn l-affarijiet. Hu se jagħmel ċert li dawn il-kwistjonijiet jiġu trattati f’waqthom.
Imbagħad, Samuel Herd tal-Ġemgħa li Tiggverna, wieġeb il-mistoqsija “Int Lest?” Bħalma vjaġġatur jieħu miegħu l-ħwejjeġ li jkollu bżonn, hekk ukoll il-gradwati dejjem iridu jilbsu l-kwalitajiet tal-personalità l-ġdida. Huma jrid ikollhom il-ħniena li kellu Ġesù. Meta wieħed imġiddem qallu: “Jekk trid, tistaʼ tnaddafni,” Ġesù qal: “Irrid. Indaf.” (Marku 1:40-41) Il-kelliemi mbagħad qal: “Jekk verament trid tgħin lin-nies, se ssib mezz kif tagħmel dan.” Filippin 2:3 jgħid lill-Kristjani biex jikkunsidraw “lill-oħrajn superjuri.” Ħuna Herd qal: “Li tkun umli f’qalbek huwa iżjed importanti milli jkollok l-għarfien. Dawk li tiltaqaʼ magħhom fil-ministeru u ħutek irġiel u nisa fil-kongregazzjoni se jibbenefikaw mill-għarfien tiegħek biss jekk tkun umli.” Hu kkonkluda billi qal li jekk il-gradwati jkomplu jilbsu l-imħabba Kristjana, huma se jkunu lesti biex jivvjaġġaw lejn l-inkarigi tagħhom b’suċċess assigurat quddiemhom.—Kolossin 3:14.
Mark Noumair, wieħed mill-għalliema taʼ Gilgħad, ħoloq sens taʼ stennija bit-titlu tat-taħdita tiegħu, “Int Se Żżommha?” “Iżżommha” qed tirreferi għall-gratitudni lejn it-tjieba taʼ Ġeħova. Salm 103:2 jiddikjara: “Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej, u la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek.” L-Iżraelin urew nuqqas taʼ gratitudni għall-manna li żammithom ħajjin billi sejħulha “ikel ħafif.” (Numri 21:5) Maż-żmien, il-valur tal-manna ma nbidilx, iżda l-apprezzament tagħhom għaliha spiċċa fix-xejn. L-għalliem qal: “Jekk tinsa l-għemejjel taʼ Ġeħova u tħalli s-servizz tiegħek f’pajjiż barrani jsir xi ħaġa komuni, dan se jeffettwalek il-mod taʼ kif tħares lejn ix-xogħol li Ġeħova tak.” Salm 103:4 (NW) jiddikjara li Ġeħova “qed jinkurunak b’qalb tajba bl-imħabba.” Il-gradwati se jesperjenzaw il-qalb tajba bl-imħabba t’Alla fil-kongregazzjonijiet il-ġodda.
Lawrence Bowen, għalliem ieħor taʼ Gilgħad, tkellem fuq is-suġġett “Se Jiġu Fuqek?” Hu nnota li l-membri tal-119-il klassi taʼ Gilgħad stinkaw fit-taħriġ tagħhom biex ikunu missjunarji li jirnexxu. Iżda issa huma jridu jżommu qrib taʼ Ġeħova u tax-xogħol li inkarigahom biex jagħmlu. F’Rivelazzjoni 14:1-4, il-144,000 huma deskritti bħala “dawk li jibqgħu mexjin wara l-Ħaruf kulfejn imur.” Dawk kollha f’dak il-grupp iżommu qrib taʼ Ġeħova u taʼ Ibnu lealment u jilħqu l-mira tagħhom minkejja l-provi li jgħaddu minnhom. “Jiġri x’jiġri, aħna wkoll inżommu qrib taʼ Ġeħova u tax-xogħol li inkarigana biex nagħmlu lealment,” qal il-kelliemi. Billi jagħmlu hekk, il-gradwati se jsibu li l-barkiet taʼ Ġeħova se ‘jiġu fuqhom’ b’abbundanza.—Dewteronomju 28:2.
Ipproduċew Frott fis-Servizz Tagħhom
Kull tmiem il-ġimgħa, waqt il-kors, l-istudenti ħadu sehem fis-servizz taʼ l-għalqa. Hekk kif Wallace Liverance, ir-reġistratur taʼ l-iskola, tkellem magħhom sar evidenti li huma kellhom suċċess. Huma ppridkaw l-aħbar tajba minn taʼ l-inqas b’għaxar lingwi u bdew numru taʼ studji tal-Bibbja. Koppja waħda minn Gilgħad bdew jistudjaw il-Bibbja maʼ raġel Ċiniż. Wara żewġ żjajjar, huma staqsewh kif kien iħossu dwar il-fatt li qed isir jaf lil Ġeħova. Fetaħ il-Bibbja u talab lilhom jaqraw Ġwanni 17:3. Hu ħass li kien miexi fit-triq tal-ħajja.
Anthony Morris tal-Ġemgħa li Tiggverna mbagħad intervista tliet aħwa rġiel li jaqdu fil-Kumitati tal-Fergħa fil-Côte d’Ivoire, fir-Repubblika Dominikana, u fl-Ekwador. Dawn l-aħwa żguraw lill-gradwati li l-Kumitati tal-Fergħa qegħdin iħarsu ’l quddiem għall-wasla tagħhom u se jgħinuhom biex jaġġustaw ruħhom għall-inkarigi tagħhom.
Imbagħad, Leonard Pearson tal-familja Betel fl-Istati Uniti, tkellem maʼ tliet membri tal-Kumitat tal-Fergħa mir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, il-Papwa-Ginea Ġdida, u l-Uganda. Dawn l-aħwa inkuraġġew lill-gradwati biex jinvolvu ruħhom bis-sħiħ fis-servizz taʼ l-għalqa. Koppja missjunarja li kienu qattgħu iktar minn 21 sena fil-Kongo għenu 60 ruħ jaslu għad-dedikazzjoni u l-magħmudija. Din il-koppja issa jikkonduċu 30 studju tal-Bibbja, u 22 mill-istudenti tagħhom jattendu l-laqgħat tal-kongregazzjoni. Bi ħsad spiritwali daqshekk kbir, issa hu żmien sabiħ biex taqdi bħala missjunarju.
Għoti taʼ Xiehda bi Spirtu t’Urġenza
Gerrit Lösch tal-Ġemgħa li Tiggverna ppreżenta l-aħħar taħdita. It-tema tiegħu kienet “Nitkellmu dwar Alla u Nagħtu Xiehda dwar Ġesù f’Jum il-Mulej.” Il-kliem li jirreferi għall-għoti taʼ xiehda jinstab dsatax-il darba fil-ktieb tar-Rivelazzjoni. Għalhekk, Ġeħova ma jħalli ebda dubju dwar ix-xogħol li għandu għall-poplu tiegħu. Meta se nagħtu din ix-xiehda? “F’jum il-Mulej.” (Rivelazzjoni 1:9,10) Dan il-jum beda fl-1914, qed ikompli fi żmienna, u jestendi fil-futur. Skond Rivelazzjoni 14:6, 7, ix-xogħol taʼ li nitkellmu dwar Alla għandu appoġġ anġeliku. Rivelazzjoni 22:17 juri li l-fdal taʼ Kristjani midlukin huma fdati bir-responsabbiltà li jidderieġu x-xogħol taʼ l-għoti taʼ xiehda dwar Ġesù. Iżda lkoll irridu nieħdu vantaġġ issa minn dan il-privileġġ. Fil-vers 20 hemm miktub li Ġesù qal: “Jien ġej malajr.” Ħuna Lösch ħeġġeġ lil dawk kollha preżenti: “Għajtu lin-nies, ‘Ejjew, ħudu b’xejn l-ilma tal-ħajja.’ Ġesù ġej malajr. Aħna lesti?”
Fred Rusk, li hu nnifsu serva bħala għalliem taʼ l-Iskola taʼ Gilgħad għal ħdax-il sena, għalaq il-programm b’talba taʼ ringrazzjament lil Ġeħova li messet il-qlub taʼ dawk kollha li attendew. Kien tmiem xieraq għal ġurnata li serviet t’okkażjoni għal ferħ kbir.
[Kaxxa f’paġna 13]
STATISTIKI TAL-KLASSI
Numru taʼ pajjiżi rappreżentati: 10
Numru taʼ pajjiżi li ġew assenjati fihom: 25
Numru taʼ studenti: 56
Età medja: 32.5
Medja taʼ snin fil-verità: 16.4
Medja taʼ snin fil-ministeru full-time: 12.1
[Stampa f’paġna 15]
Il-119-il Klassi li Ggradwat mill-Iskola taʼ Gilgħad
Fil-lista t’hawn taħt, ir-ringieli huma nnumerati minn quddiem għal wara, u l-ismijiet f’kull ringiela huma mniżżlin mix-xellug għal-lemin.
(1) Helgesen, S.; Daugaard, H.; Pierluissi, A.; Joseph, I.; Racanelli, C. (2) Byrge, T.; Butler, D.; Freedlun, J.; Nuñez, K.; Pavageau, C.; Doumen, T. (3) Camacho, O.; Lindqvist, L.; Broomer, A.; Wessels, E.; Burton, J.; Woodhouse, O.; Doumen, A. (4) Tirion, A.; Connally, L.; Fournier, C.; Gil, A.; Johnsson, K.; Hamilton, L. (5) Byrd, D.; Scribner, I.; Camacho, B.; Laschinski, H.; Hallahan, M.; Libuda, O. (6) Joseph, A.; Lindqvist, M.; Helgesen, C.; Nuñez, D.; Scribner, S.; Fournier, J. (7) Pierluissi, F.; Pavageau, T.; Broomer, C.; Racanelli, P.; Butler, T.; Woodhouse, M.; Libuda, J. (8) Laschinski, M.; Freedlun, S.; Burton, I.; Tirion, M.; Byrd, M.; Byrge, J. (9) Wessels, T.; Hallahan, D.; Connally, S.; Gil, D.; Daugaard, P.; Hamilton, S.; Johnsson, T.