Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Fil-Liġi Mosajka, ċerti funzjonijiet sesswali naturali, għala kienu meqjusin bħala li jagħmlu lil individwu “mniġġes”?
Alla ħalaq is-sess kemm għar-riproduzzjoni tar-razza umana kif ukoll għall-pjaċir tal-koppji miżżewġin. (Ġenesi 1:28; Proverbji 5:15-18) Madankollu, f’kapitli 12 u 15 taʼ Levitiku nsibu liġijiet dettaljati dwar in-nuqqas taʼ ndafa li għandhom x’jaqsmu mat-tixrid taż-żerriegħa tar-raġel, il-mestrwazzjoni tal-mara, u t-twelid tat-tfal. (Levitiku 12:1-6; 15:16-24) Liġijiet bħal dawn, li ngħataw lil Iżrael tal-qedem, kienu jinkuraġġixxu stil taʼ ħajja li jżommhom f’saħħithom, kienu jappoġġaw valuri morali għoljin, u kienu jenfasizzaw il-qdusija tad-demm u l-bżonn tat-tpattija għad-dnubiet.
Fost affarijiet oħrajn, il-ħtiġijiet tal-Liġi Mosajka dwar il-funzjonijiet sesswali tejbu s-saħħa ġenerali tal-komunità Iżraelija. Il-ktieb The Bible and Modern Medicine jgħid: “Ir-regola li tipprojbixxi r-relazzjonijiet sesswali waqt iż-żmien tal-mestrwazzjoni tat prova li hija prevenzjoni effettiva kontra ċertu mard trasmess sesswalment . . . kif ukoll żgur li serviet taʼ protezzjoni kontra l-formazzjoni u l-iżvilupp taʼ kanċer fl-għonq taʼ l-utru.” Liġijiet bħal dawn ipproteġew lill-poplu t’Alla minn mard li forsi ma kinux jafu bih jew saħansitra li ma kinux jindunaw bih. Indafa sesswali tajba żiedet il-fertilità tal-poplu li kien ġie mbierek minn Alla b’wegħda li kien se jkollu żjieda u prosperità. (Ġenesi 15:5; 22:17) Liġijiet bħal dawn kienu jipproteġu wkoll is-saħħa emozzjonali tal-poplu t’Alla. Minħabba li kienu jobdu dawn il-liġijiet, l-irġiel u n-nisa miżżewġin tgħallmu jikkontrollaw il-passjoni sesswali.
Il-kwistjoni primarja li kienet involuta fit-tipi taʼ nuqqas taʼ ndafa li jirriżultaw minn affarijiet sesswali, madankollu, kienet it-tnixxija jew it-telf tad-demm. Il-liġijiet taʼ Ġeħova dwar id-demm mhux biss daħħlu l-qdusija tad-demm fl-imħuħ taʼ l-Iżraelin, imma wkoll li d-demm għandu post speċjali fil-qima taʼ Ġeħova, jiġifieri, fis-sagrifiċċji u t-tpattija tad-dnubiet.—Levitiku 17:11; Dewteronomju 12:23, 24, 27.
Il-ħtiġijiet dettaljati tal-Liġi f’dan ir-rigward, għalhekk, huma relatati mill-qrib maʼ l-imperfezzjoni tal-bniedem. L-Iżraelin kienu jafu li Adam u Eva—wara li dinbu—ma setgħux ikollhom tfal perfetti. Id-dixxendenti kollha tagħhom kellhom isofru mill-effetti tad-dnub li wirtu—l-imperfezzjoni u l-mewt. (Rumani 5:12) Għaldaqstant, il-ġenituri jistgħu biss inisslu ħajja imperfetta u midinba, avolja l-organi riproduttivi tal-bniedem kienu oriġinalment disinjati biex inisslu ħajja perfetta permezz taʼ l-arranġament taż-żwieġ.
Il-ħtiġijiet tal-purifikazzjoni tal-Liġi kellhom ifakkru lill-Iżraelin mhux biss fid-dnub li wirtu, imma wkoll fil-bżonn taʼ sagrifiċċju għall-fidwa biex jgħatti d-dnubiet u jirrestawra l-perfezzjoni tal-bniedem. Naturalment, is-sagrifiċċji taʼ l-annimali li offrew ma wettqux dan. (Ebrej 10:3, 4) L-iskop tal-Liġi Mosajka kien li jwassalhom għal Kristu u jgħinhom jifhmu li kien biss permezz tas-sagrifiċċju uman u perfett taʼ Ġesù li l-maħfra vera kienet possibbli sabiex tiftaħ it-triq għal ħajja taʼ dejjem lil uħud leali.—Galatin 3:24; Ebrej 9:13, 14.