Bijografija
Il-Familja Tagħna fl-Aħħar Tingħaqad!
KIF RAKKONTATA MINN SUMIKO HIRANO
Kont sibt l-aqwa mod taʼ ħajja, u ridt li żewġi jingħaqad miegħi. Kellhom jgħaddu tnejn u erbgħin sena qabel ma seħħ dan.
JIEN u r-raġel tiegħi żżewwiġna fl-1951, meta jien kelli 21 sena. Fi żmien erbaʼ snin kellna żewġ subien, u ħajti kienet tidher imbierka b’kull mod.
Ġurnata minnhom fl-1957, oħti l-kbira qaltli li kienet qed iżżurha missjunarja tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Għalkemm kienet Buddista, oħti bdiet tistudja l-Bibbja mal-missjunarja u inkuraġġietni biex jien ukoll nistudja l-Bibbja. Jien aċċettajt. Kont qed nattendi knisja Protestanta, u kont kapaċi nikxef l-iżbalji tax-Xhieda taʼ Ġeħova—jew għallinqas hekk ħsibt.
Malajr skoprejt kemm kont naf ftit dwar il-Bibbja. Kelli nistaqsi lill-missjunarja, “Min hu Ġeħova?” Qatt ma kont smajt dan l-isem jintuża fil-knisja tiegħi. Daphne Cooke (iktar tard Pettitt), il-missjunarja, urietni Isaija 42:8, NW, li jgħid biċ-ċar li Ġeħova huwa l-isem t’Alla li Jistaʼ Kollox. Daphne wieġbet il-mistoqsijiet kollha tiegħi billi użat il-Bibbja.
Jien staqsejt lill-ministru tiegħi dawn l-istess mistoqsijiet. Hu qalli: “Huwa dnub li tistaqsi l-mistoqsijiet. Emmen biss dak li ngħidulek.” Għalkemm ma ħassejtx li jekk wieħed jistaqsi l-mistoqsijiet jagħmel ħażin, għamilt sitt xhur immur il-knisja kull nhar taʼ Ħadd fil-għodu u nattendi l-laqgħat tax-Xhieda taʼ Ġeħova wara nofsinhar.
L-Effett fuq iż-Żwieġ Tiegħi
Dak li kont qed nitgħallem mill-Bibbja kien iferraħni ħafna, u kont naqsmu mar-raġel tiegħi, Kazuhiko. Wara kull studju u kull laqgħa, kont ngħidlu dak li nkun tgħallimt. Ir-riżultat kien li l-atmosfera taʼ bejnietna ma baqgħetx waħda paċifika. Hu ma ridnix insir waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Madankollu, l-istudju tal-Bibbja tant kien jagħtini sodisfazzjon li komplejt nistudja u nissieħeb max-Xhieda.
Fil-ġranet li kien ikolli l-laqgħat, qabel ma nitlaq mid-dar kont nipprepara l-ikliet favoriti taʼ Kazuhiko, iżda hu beda jmur jiekol fir-restoranti. Meta kont immur lura d-dar wara l-laqgħat, hu kien ikun f’burdata ħażina u kien jirrifjuta li jitkellem. Wara jumejn jew tlieta, il-burdata kienet titjieb imma mbagħad kien ikun wasal il-waqt għal-laqgħa li jmiss.
F’dan iż-żmien, jien imradt bit-tuberkulosi, marda li kienet diġà kkaġunat bosta mwiet fil-familja tar-raġel tiegħi. Kazuhiko beda jinkwieta ħafna u qalli li meta naqleb għall-aħjar, stajt nagħmel kulma ridt. L-unika ħaġa li xtaqt kien li hu b’qalb tajba ma joqgħodx joġġezzjona biex nattendi l-laqgħat taʼ kull ġimgħa. Hu aċċetta.
Domt sitt xhur sakemm fiqt, u matul dan iż-żmien għamilt studju intensiv tal-Bibbja. Kont infittex xi kontradizzjonijiet fit-tagħlim tax-Xhieda, bil-ħsieb li nieqaf nistudja jekk insib imqar waħda. Lanqas waħda ma stajt insib. Minflok, bdejt nara biċ-ċar l-iżbalji tal-Knisja Protestanta. Tgħallimt dwar l-imħabba u l-ġustizzja taʼ Ġeħova u rajt il-benefiċċju taʼ li tgħix fi qbil mal-liġijiet tiegħu.
Wara li fiqt, żewġi żamm il-wegħda tiegħu u m’għamillix oppożizzjoni għall-fatt li mmur il-laqgħat. Komplejt nikber spiritwalment, u f’Mejju taʼ l-1958 tgħammidt bħala waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Xtaqt li l-familja tiegħi tingħaqad miegħi fil-qima taʼ l-Alla l-veru.
Ngħin lil Uliedi Spiritwalment
Uliedi dejjem kienu jiġu miegħi għal-laqgħat u fuq ix-xogħol taʼ l-ippridkar, iżda ġraw xi affarijiet li ġagħluni nara li huma kienu qed jikbru fl-għarfien tal-Bibbja. Ġurnata minnhom, Masahiko, ibni taʼ sitt snin, kien qed jilgħab barra d-dar. Smajt ħoss qawwi u xi ħadd iwerżaq. Il-ġâra daħlet tiġri d-dar tiegħi tgħajjat li ibni kien intlaqat minn karozza. Tgħid kien miet? Sforzajt lili nnifsi biex nikkalma hekk kif ġrejt ’il barra. Id-dehra tar-rota tiegħu mkissra kexkxitni, iżda mbagħad rajtu miexi lejja, imweġġaʼ ħafif. Filwaqt li għannaqni, qalli, “Ma, Ġeħova għenni hux?” Meta rajtu ħaj u smajtu jgħid dan il-kliem sabiħ bdejt nibki.
Ġurnata oħra, meta kont fil-ministeru, iltqajna maʼ raġel xiħ li għajjat: “X’mingħalikom qegħdin tagħmlu ġġorru tifel żgħir magħkom b’dan il-mod? Jaħasra.” Lanqas ilħaqt ftaħt ħalqi li ma qabiżx Tomoyoshi li kellu tmien snin u qal: “Sieħbi, ommi ma tisforzanix biex noħroġ nippriedka. Jien nippriedka għax irrid naqdi lil Ġeħova.” Ir-raġel xiħ baqaʼ ċċassat u ma qal xejn.
Spiritwalment, uliedi kienu bla missier. Kelli r-responsabbiltà li ngħallimhom il-veritajiet mill-Bibbja, għalkemm jien stess kelli ħafna x’nitgħallem. Ikkultivajt l-imħabba, il-fidi, u ż-żelu u pprovajt inkun t’eżempju tajjeb. Kuljum kont nirringrazzja lil Ġeħova quddiem uliedi. Kont ngħidilhom dwar l-esperjenzi tiegħi fix-xogħol taʼ l-ippridkar. Dan kien jinkuraġġihom. Meta iktar tard ġew mistoqsijin għala saru pijunieri, jew ministri full-time tax-Xhieda taʼ Ġeħova, huma wieġbu, “Aħna rajna li ommna kienet ferħana taqdi bħala pijuniera, u ridna nkunu ferħanin ukoll.”
Kont noqgħod attenta ħafna biex ma nikkritikax lil missierhom jew lil xi ħadd fil-kongregazzjoni. Irrealizzajt li kliem negattiv setaʼ jkollu effett taʼ ħsara fuq uliedi. Huma setgħu jitilfu r-rispett mhux biss lejn il-wieħed li jingħad kliem kontrih iżda anki lejn dak li jitkellem kontra tiegħu.
Negħleb l-Ostakli biex Nagħmel Progress
Fl-1963, bħala familja kellna mmorru t-Tajwan minħabba x-xogħol taʼ żewġi. Hu qalli li jekk nippriedka lill-komunità Ġappuniża hemmhekk, kont se nikkaġuna l-problemi. Kienu se jibagħtuna lura l-Ġappun, u dan kien se joħloq problemi lill-kumpanija tiegħu. Hu ried ibegħedna mix-Xhieda.
Fit-Tajwan, fejn il-laqgħat kollha kienu jsiru biċ-Ċiniż, ix-Xhieda tawna merħba mill-qalb. Jien iddeċidejt li nitgħallem iċ-Ċiniż sabiex inkun nistaʼ nagħti xiehda lin-nies tal-lokal minflok lill-Ġappuniżi. B’dan il-mod stajt nevita l-problemi li kien semma żewġi.
Il-ħbiberija tagħna max-Xhieda fit-Tajwan saħħitna. Harvey u Kathy Logan, koppja missjunarja, kienu t’għajnuna kbira. Ħuna Logan sar bħal missier spiritwali għal uliedi. Hu wriehom li s-servizz lil Ġeħova ma jfissirx ħajja taʼ dwejjaq u riġida. Jien konvinta li kien waqt li konna qegħdin it-Tajwan li wliedi ddeċidew li jaqdu lil Ġeħova.
Tomoyoshi u Masahiko kienu jattendu skola Amerikana fejn tgħallmu l-Ingliż kif ukoll iċ-Ċiniż. Din l-edukazzjoni ħejjiethom għas-servizz fil-futur bħala ministri taʼ l-Alla l-veru, Ġeħova. Jien verament grata lejn Ġeħova talli bidel dak li setaʼ kien perijodu diffiċli għalina fi żmien taʼ barkiet dejjiema. Wara tliet snin u nofs memorabbli fit-Tajwan, il-familja tagħna rritornat il-Ġappun.
Is-subien issa kienu adoloxxenti u bdew ifittxu l-indipendenza. Jien qattajt ħafna sigħat nirraġuna magħhom fuq prinċipji Skritturali, u Ġeħova għenhom matul dan iż-żmien diffiċli. Meta spiċċaw l-iskola, Tomoyoshi beda jaqdi bħala pijunier. Hu għen erbaʼ persuni jaslu għad-dedikazzjoni u lmagħmudija matul l-ewwel ftit snin li qeda bħala pijunier. Masahiko segwa l-eżempju taʼ ħuh u beda x-xogħol taʼ pijunier eżatt wara l-iskola sekondarja. Hu għen erbaʼ żgħażagħ isiru Xhieda fl-ewwel erbaʼ snin li qeda bħala pijunier.
Imbagħad Ġeħova bierek lit-tfal saħansitra iżjed. Tomoyoshi kien jistudja mar-raġel taʼ mara li kont għentha titgħallem il-veritajiet Bibliċi. Iż-żewġt ibniet tagħhom saru Xhieda wkoll. Iktar tard, Tomoyoshi żżewweġ lil Nobuko, it-tifla l-kbira, u Masahiko żżewweġ lil Masako, iż-żgħira. Tomoyoshi u Nobuko issa jaqdu fil-kwartieri ġenerali tax-Xhieda taʼ Ġeħova fi Brooklyn, New York. U Masahiko u Masako jaqdu bħala missjunarji fil-Paragwaj.
Żewġi Għamel Bidliet bil-Mod il-Mod
Żewġi kien jidher indifferenti għall-fidi tagħna f’dawk is-snin, iżda aħna rajna ħjiel li kien qed jinbidel. Meta oħrajn kienu jopponuni, hu kien jiddefendi t-twemmin tiegħi u fil-fatt kien qed jappoġġa l-veritajiet Bibliċi mingħajr ma kien jaf. Hu pprovda għajnuna materjali lix-Xhieda fil-bżonn. F’diskors qasir waqt tieġ taʼ wieħed minn uliedna, hu qal: “Li tgħallem lin-nies dwar l-aħjar mod taʼ ħajja hu l-aqwa xogħol li hawn, u huwa l-iktar wieħed diffiċli. Uliedi u n-nisa tagħhom għażlu din it-triq diffiċli bħala l-karriera tagħhom. Jekk jogħġobkom għinuhom.” Dan kollu kien ġagħalni naħseb li żgur kien se jingħaqad magħna biex jaqdi lil Ġeħova.
Jien irranġajtlu biex jassoċja maʼ sħabna Xhieda fid-dar tagħna. Kont nistieden lil Kazuhiko għal-laqgħat Kristjani u l-assembleat kif ukoll għat-Tifkira tal-mewt taʼ Kristu. Meta x-xogħol tiegħu kien jippermetti, hu kien jattendi, iżda dan kien jagħmlu bla ħeġġa. Ħafna drabi ħassejt li għandu mnejn jaċċetta studju tal-Bibbja, u għalhekk kont nistieden lil xi anzjani Kristjani d-dar. Iżda hu ma riedx jistudja. Kont nitħasseb dwar x’kien hemm ħażin.
F’moħħi kien jiġini l-kliem taʼ l-appostlu Pietru: “Intom in-nisa, kunu sottomessi lejn żwieġkom, sabiex, jekk xi wħud ma jkunux ubbidjenti lejn il-kelma, dawn jintrebħu mingħajr ebda kelma permezz tal-kondotta tan-nisa tagħhom, għax ikunu raw b’għajnejhom stess il-kondotta safja tagħkom flimkien mar-rispett profond.” (1 Pietru 3:1, 2) Irrealizzajt li mhux dejjem kont insegwi dan il-parir. Sabiex inkun fi qbil miegħu għalkollox, kelli bżonn intejjeb l-ispiritwalità tiegħi.
Fl-1970 bdejt naqdi bħala pijuniera bil-mira li nsir persuna iktar spiritwali. Għaddew għaxar snin, imbagħad għaddew għoxrin. U xorta ma rajt ebda tibdil spiritwali f’żewġi. Studenta tal-Bibbja darba għaddiet dan il-kumment: “Naħseb huwa diffiċli li tgħin nies oħrajn meta lanqas tistaʼ tgħin lil żewġek stess.” Dan kien skuraġġanti, iżda jien ma qtajtx qalbi.
Lejn l-aħħar tas-snin 80, il-ġenituri tagħna kienu qed joqorbu lejn tmiem ħajjithom. Li nieħu ħsiebhom u nwettaq id-dmirijiet l-oħrajn tiegħi kien stressanti u kien iħallini bla saħħa. Għal ħafna snin, huma lkoll kienu opponew il-fidi tiegħi f’Ġeħova, iżda jien ipprovajt nurihom imħabba kemm stajt. Eżatt qabel il-mewt tagħha, ommi, li kellha 96 sena, qaltli, “Sumiko, jekk niġi rxoxtata, se ningħaqad fir-reliġjon tiegħek.” Irrealizzajt li l-isforzi tiegħi ma kinux għalxejn.
Ir-raġel tiegħi osserva dak kollu li kont għamilt għall-ġenituri tagħna. Sabiex juri l-apprezzament tiegħu, hu beda jattendi l-laqgħat regolarment. Hu għamel dan għal numru taʼ snin iżda m’għamel l-ebda progress spiritwali. Komplejt nipprova nogħġbu. Kont nistieden lil sħabu u anki lill-kollegi barranin tax-xogħol tiegħu għal xi ikla d-dar tagħna. Kont ningħaqad miegħu fir-rikreazzjoni. Meta l-ħtieġa tas-sigħat tas-servizz taʼ pijunier niżlet, jien stajt inqattaʼ iktar ħin miegħu.
L-Irtirar Iġib Bidla
Żewġi rtira fl-1993. Kont ħsibt li fl-aħħar se jkollu l-ħin biex jistudja l-Bibbja. Iżda hu qal li kienet se tkun bħal dagħwa jekk se jaqdi ’l Alla sempliċement għax kellu l-ħin. Minflok, hu qal li kien se jqim ’l Alla meta qalbu timmotivah biex jagħmel dan u li jien ma kellix nisforzah.
Darba minnhom Kazuhiko staqsieni jekk ridtx inqattaʼ l-bqija taʼ ħajti ngħix għalih. Dan weġġagħni, għax jien kont qed nagħmel dak kollu li stajt għalih sa minn meta żżewwiġtu. Għamilt kulma stajt biex inferrħu, iżda hu ħass li jien kont qed ngħix iżjed għal Ġeħova milli għalih. Wara li ħsibt dwar dan għal ftit ħin, jien għedtlu li ma stajt nagħmel xejn iktar milli diġà kont qed nagħmel miegħu. Iżda li kieku kellu jingħaqad miegħi f’dak li kont qed nagħmel, konna se nibdew ħajja sabiħa mill-ġdid flimkien, li ddum mhux ftit snin oħra biss, iżda għall-eternità. Għal ħafna ġranet, żewġi ma wiġibni xejn dwar dan. Fl-aħħar hu staqsieni, “Allura int lesta tistudja l-Bibbja miegħi?” Kull darba li naħseb f’dan il-kliem, qalbi tibda tħabbat bil-ferħ.
Għall-ewwel, irranġajt biex anzjan Kristjan jistudja maʼ żewġi, iżda hu qalli, “Jien m’hu se nistudja ma ħadd ħlief miegħek.” Għalhekk, bdejna studju tal-Bibbja kuljum. Minħabba li jien naqdi f’kongregazzjoni taċ-Ċiniż u r-raġel tiegħi huwa fluwenti f’din il-lingwa, aħna studjajna biċ-Ċiniż. Qrajna wkoll il-Bibbja kollha kemm hi flimkien f’inqas minn sena.
Matul dan iż-żmien, anzjan fil-kongregazzjoni taċ-Ċiniż, flimkien maʼ martu, ħadu interess fina bħala koppja. Għalkemm iżgħar minn uliedna, huma saru l-ħbieb veri tagħna. Ħafna Xhieda oħrajn ukoll ħadu interess speċjali f’żewġi. Huma wrewna ospitalità u tkellmu maʼ Kazuhiko bħallikieku kien missierhom. Dan ferrħu ħafna.
Darba waħda, id-dar irċivejna stedina għal tieġ fil-kongregazzjoni, li kienet indirizzata lir-raġel tiegħi. Dan ir-rikonoxximent bħala kap tal-familja qanqlu ferm, u hu ddeċieda li jattendi. Hu malajr sar ħabib tax-Xhieda u beda jistudja l-Bibbja m’anzjan Kristjan. L-istudju tiegħu tal-Bibbja, l-attendenza għal-laqgħat, u l-imħabba tal-kongregazzjoni għenuh jagħmel progress spiritwali tajjeb.
Familja fl-Aħħar Tingħaqad
F’Diċembru taʼ l-2000, żewġi tgħammed b’simbolu tad-dedikazzjoni tiegħu lil Ġeħova. Uliedi u n-nisa tagħhom ġew mill-bogħod biex jaraw dan “il-miraklu” taʼ żmienna. Kellhom jgħaddu 42 sena, iżda fl-aħħar sirna familja magħquda.
Issa kull fil-għodu, it-tnejn li aħna niddiskutu skrittura għall-jum u naqraw il-Bibbja flimkien. Kuljum, aħna ngawdu konversazzjonijiet spiritwali u nieħdu sehem f’attivitajiet spiritwali flimkien. Ir-raġel tiegħi issa jaqdi bħala qaddej ministerjali fil-kongregazzjoni u reċentement hu ta taħdita pubblika bbażata fuq il-Bibbja biċ-Ċiniż. Nirringrazzja lil Ġeħova li għaqqadna flimkien. Inħares ’il quddiem biex nappoġġa l-isem u s-sovranità tiegħu għall-eternità mal-familja u l-ħbieb tiegħi.
[Mappa f’paġna 13]
(Għall- formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
ĊINA
IR-REPUBBLIKA DEMOKRATIKA TAL-POPLU TAL-KOREA
IR-REPUBBLIKA TAL-KOREA
Il-Baħar tal-Ġappun
ĠAPPUN
Tokjo
Il-Baħar taċ-Ċina tal-Lvant
TAJWAN
Taipei
[Stampa f’paġna 12]
Mal-familja tiegħi fl-1958, is-sena li fiha tgħammidt
[Stampi f’paġna 13]
Konna niġu msaħħin spiritwalment minn ħbieb bħal Harvey u Kathy Logan meta minn Tokjo morna noqogħdu Taipei
[Stampa f’paġna 15]
Illum il-familja tiegħi hija magħquda fil-qima vera