LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w06 9/1 pp. 6-7
  • Qima li Hija taʼ Ġid Għalik

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Qima li Hija taʼ Ġid Għalik
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ikollok Skop fil-​Ħajja
  • Issir Persuna Aħjar
  • Tama għall-​Futur
  • Il-Qaddejja t’Alla—Poplu Organizzat u Hieni
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • Qima Approvata minn Alla
    Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
  • Il-mod kif għandek tqim lil Alla
    X’nistgħu nitgħallmu mill-Bibbja?
  • Kif Tidentifika l-Qima Vera
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
w06 9/1 pp. 6-7

Qima li Hija taʼ Ġid Għalik

“L-​HENA tiegħi li nkun qrib Alla,” iddikjara s-​salmista Asaf. Hu beda jaħsibha dwar jekk kellux jagħmel bħal dawk li ma jinteressahomx minn Alla sabiex jibda jgħix ħajja komda. Imma mbagħad Asaf ħaseb dwar il-​vantaġġi li jgawdi wieħed li jersaq qrib lejn Alla u kkonkluda li dan kien taʼ ġid għalih. (Salm 73:​2, 3, 12, 28) Illum, hija tajba għalik il-​qima vera? Kif tistaʼ tkun taʼ ġid għalik?

Il-qima lill-​Alla l-​veru tgħinek tikseb xi ħaġa li hi ħafna iktar taʼ valur minn ħajja ffokata fuqek innifsek. Minħabba l-​mod kif ġejna magħmulin mill-​“Alla taʼ l-​imħabba,” dawk li jfittxu l-​interessi tagħhom biss qatt ma jistgħu jsibu l-​hena. (2 Korintin 13:11) Ġesù għallem verità fundamentali dwar in-​natura umana meta qal: “Hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi.” (Atti 20:35) Għalhekk aħna nieħdu gost nagħmlu affarijiet għall-​ħbieb tagħna u għall-​familja tagħna. Imma l-​akbar hena jiġi milli nagħmlu l-​affarijiet għal Alla. Hu jistħoqqlu l-​imħabba tagħna iktar minn kulħadd. Miljuni taʼ nies minn kull qasam tal-​ħajja sabu li l-​qima t’Alla kif jitlob hu, iġġib sodisfazzjon kbir.​—1 Ġwanni 5:3.

Ikollok Skop fil-​Ħajja

Il-​qima vera hija wkoll tajba għalik minħabba li tagħtik skop f’ħajtek. Innotajt kif spiss l-​hena hu marbut maʼ li tħossok li qed tagħmel xi ħaġa siewja? Ħafna nies għandhom mira f’ħajjithom, kemm jekk marbuta mal-​familja, il-​ħbieb, in-​negozju, jew il-​pjaċiri. Minħabba l-​inċertezzi fil-​ħajja, dawn l-​affarijiet spiss ma jġibulhomx hena. (Koħèlet 9:11) Madankollu, il-​qima vera tgħinek issib skop iktar siewi, wieħed li jkompli jġib is-​sodisfazzjon anki meta aspetti oħra tal-​ħajja jiddiżappuntawk.

Il-qima vera tinvolvi li tkun taf lil Ġeħova u li taqdih lealment. Dawk li jipprattikawha jersqu qrib ħafna t’Alla. (Koħèlet 12:13; Ġwanni 4:23; Ġakbu 4:8) Għandek mnejn issibha diffiċli timmaġina li tistaʼ tkun taf lil Alla tant mill-​qrib li hu jsir il-​ħabib tiegħek. Imma jekk timmedita fuq ir-​rakkonti dwar kif hu ttratta lill-​poplu tiegħu u billi tikkunsidra dak li ħalaq, int tassew tistaʼ titgħallem dwar ħafna aspetti mill-​personalità tiegħu. (Rumani 1:20) Iktar minn hekk, jekk taqra l-​Kelma t’Alla, int se tkun tistaʼ tifhem għala aħna qegħdin hawn, għala Alla jippermetti t-​tbatija, kif se jtemm it-​tbatija u, forsi l-​iktar ħaġa taʼ l-​għaġeb, kif int jistaʼ jkollok parti importanti f’dak li Alla qed iwettaq. (Isaija 43:10; 1 Korintin 3:9) Din il-​fehma tistaʼ tagħtik motivazzjoni ġdida f’ħajtek!

Issir Persuna Aħjar

Il-​qima vera hi tajba għalik għaliex tgħinek issir persuna aħjar. Hekk kif tipprattika l-​qima vera, int se tikkultiva personalità li twassal għal relazzjonijiet iktar hienja m’oħrajn. Int titgħallem minn Alla u minn Ibnu dwar li taġixxi bl-​onestà, titkellem b’qalb tajba, u tgħix ħajja b’mod responsabbli. (Efesin 4:20–​5:5) Meta ssir taf lil Alla tajjeb biżżejjed biex issir tħobbu, int tħossok imqanqal biex timitah. Il-​Bibbja tgħid: “Imitaw lil Alla, bħala wlied maħbubin, u ibqgħu mexjin bl-​imħabba.”—Efesin 5:​1, 2.

Ma tkunx xi ħaġa pjaċevoli li kieku kellek tkun imdawwar b’nies li jimitaw l-​imħabba t’Alla? B’ferħ, il-​qima lill-​Alla l-​veru, m’hijiex attività li tagħmilha waħdek. Din tlaqqgħek m’oħrajn li jħobbu dak li hu sewwa u tajjeb. M’għandniex xi ngħidu, forsi ma tantx tiġbdek l-​idea li tintrabat m’organizzazzjoni reliġjuża. Però, bħalma rajna fl-​artiklu taʼ qabel, il-​problema f’ħafna reliġjonijiet m’hijiex li huma organizzati imma li m’humiex organizzati kif suppost u għal skopijiet tajbin. Ħafna organizzazzjonijiet reliġjużi m’għandhomx skopijiet Kristjani. Il-​poplu t’Alla huwa organizzat minn Ġeħova nnifsu għal skop nobbli. Il-​Bibbja tgħid: “Alla m’huwiex Alla tad-​diżordni, imma tal-​paċi.” (1 Korintin 14:33) Bħal miljuni oħrajn, int tistaʼ ssib li meta tissieħeb maʼ grupp organizzat tajjeb taʼ Kristjani, il-​ħarsa tiegħek se tiġi influwenzata b’mod pożittiv.

Tama għall-​Futur

L-​Iskrittura Mqaddsa turi li Alla qed jorganizza lill-​aduraturi veri sabiex ikunu jistgħu jsalvaw fi tmiem din is-​sistema u jirtu l-​art ġdida li fiha se “tgħammar il-​ġustizzja.” (2 Pietru 3:13; Rivelazzjoni 7:​9-17) Għalhekk, il-​qima li hija taʼ ġid għalik tipprovdilek it-​tama, li hija neċessarja għall-​hena. Xi wħud jibbażaw l-​istennijiet tagħhom għall-​futur fuq l-​istabbilità tal-​gvernijiet, il-​prospetti tan-​negozju, jew l-​antiċipazzjoni taʼ saħħa tajba u rtirar sodisfaċenti. Imma ftit, jekk mhux xejn, minn dawn l-​affarijiet, jipprovdu bażi soda biex l-​individwu jħares ’il quddiem lejn futur hieni. Mill-​banda l-​oħra, l-​appostlu Pawlu kiteb: “Qegħedna t-​tama tagħna f’Alla ħaj.”—1 Timotju 4:10.

Jekk tfittex sew, int tistaʼ ssib aduraturi veri. Fid-​dinja maqsuma taʼ llum, l-​imħabba u l-​għaqda jiddistingwu b’mod ċar lix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Huma ġejjin minn kważi kull ġens u sfond; però, huma magħqudin bl-​imħabba għal xulxin u bl-​imħabba għal Ġeħova. (Ġwanni 13:35) Huma jistidnuk tiskopri għalik innifsek dak li esperjenzaw huma. Asaf kiteb: “L-​hena tiegħi li nkun qrib Alla.”—Salm 73:28.

[Stampa f’paġna 7]

Int tistaʼ ssir ħabib t’Alla

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja